IL-VERA MĦABBA LEJN ĠESÙ

Print Friendly, PDF & Email

30. It-Tnejn wara l-Ħames Ħadd tal-Għid

Kitba ta’ Angelo Xuereb

Min għandu l-kmandamenti u jħarishom, dan hu li jħobbni (Ġw 14,21).

Ġesù jridna li nħobbuh u jgħidilna li biex nagħmlu dan irridu nħarsu l-kmandamenti tiegħu. Mingħajr opri l-imħabba ma tiswa xejn!

Lil Alla ma nħobbuhx biss bl-emozzjonijiet tagħna iżda fuq kollox bl-għemil tagħna fil-prattika. Inutli li nippretendu li nħobbu lil Alla imma xħin tasal is-siegħa tal-prova ma nimxux mal-kmandamenti ta’ Kristu. Huwa stess jgħidilna fil-Vanġelu: “Mhux kull min jgħidli Mulej, Mulej, jidħol fis-saltna tas-smewwiet iżda min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri” (Mt 7, 21).

Ħaġa faċli li tgħid li tħobb lil Ġesù iżda fil-ħajja ta’ kuljum ma tkunx xhud tiegħu. Il-Fariżej ukoll kien jidhrilhom li jħobbu lil Alla iżda kienu mimlijin bihom infushom u bosta drabi kienu jfittxu l-irqaqat fil-Liġi mingħajr ma jagħtu kas tal-ispirtu tagħha. Kienet imħabba vojta għax imnissla mill-amor proprju u mill-vanità.

Ġesù hawnhekk qiegħed iħeġġiġna għall-konsistenza. Mhux biżżejjed li nkunu Nsara iżda huwa importanti ħafna li ngħixu l-ħajja Nisranija. Fit-tielet kapitlu tal-Vanġelu ta’ San Mattew, vers 3, insibu lil Ġwanni l-Battista jgħid lil-Lhud biex ma joqogħdux jgħidu li għandhom lil Abraham b’missierhom biex iserrħu l-kuxjenza tagħhom; dan nistgħu napplikawh għalina wkoll.

Il-magħmudija hija s-sagrament tal-bidu u l-pedament tal-ħajja Nisranija. Iżda fl-istess ħin il-magħmudija hija vokazzjoni biex ngħixu ta’ Nsara. Forsi xi kultant tiġina t-tentazzjoni u nistaqsu kif sejrin ngħixu l-Vanġelu peress li Kristu ħafna drabi jeżiġi wisq minna. Filwaqt li niftakru li Kristu ppreżenta ideal mill-aktar għoli, fl-istess ħin naraw kif il-Knisja tfisser it-tagħlim ta’ Ġesù fil-prattika.

Jekk ma nagħmlux dan ma nkunux inħobbu tassew lil Kristu. Il-Liturġija tal-Kelma taż-Żmien ta’ wara l-Għid tagħmel enfasi li l-Appostli huma l-mibgħuta ta’ Kristu, biex noqogħdu għall-kelma tagħhom: “Min jisma’ lilkom ikun jisma’ lili, u min iwarrab lilkom ikun iwarrab lili” (Lq 10, 16).

Leave a Reply

%d bloggers like this: