Ordinazzjoni Presbiterali u Djakonali


Il-Ġimgħa, 24 ta’ Mejju 2019: Nhar il-Ġimgħa 14 ta’ Ġunju 2019, fis-6.30pm, fil-Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria, se tinżamm l-Ordinazzjoni Sagra ta’:
• PATRI ELIJA TA’ ĠESÙ MSALLAB OCD (Michael Mifsud) (mill-Parroċċa tal- Viżitazzjoni, l-Għarb) għall-Presbiterat, u
• MARIO MERCIECA (mill-Parroċċa tal-Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria) għad- Djakonat.

Bi tħejjija għall-Ordinazzjoni, il-bieraħ inżammet ukoll Velja ta’ Talb li bdiet fit-8.00pm, fis-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Belt Victoria.

2019 06 14 Ordinazzjoni Presbiterali

Patri Elija ta' Ġesù Msallab OCD

MICHAEL MIFSUD, bin Joseph u Maria mwielda Formosa, twieled l-Għarb, Għawdex, nhar it- 8 ta’ Awwissu 1990, il-kbir fost erba’ aħwa. Attenda l-Iskola Primarja Karmni Grima fl- Għarb u l-Iskola Sekondarja Ninu Cremona fil-Belt Victoria. Għal snin twal serva bħala abbati fil-Parroċċa tal-Viżitazzjoni, l-Għarb, fejn kien jattendi wkoll għal-laqgħat tal- vokazzjonijiet u fil-Qasam tal-Museum. Kompla bl-istudji fuq livell postsekondarju fl-Istitut Sir Michelangelo Refalo, il-Belt Victoria.

Wara li temm dawn l-istudji, beda l-kors tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta, fejn wara sena beda l-mixja vokazzjonali tiegħu fi ħdan l-Ordni tal-Karmelitani Skalzi. Għamel it-tliet xhur tal-aspirantat fil-Komunità ta’ Santa Tereża ta’ Ġesù f’Bormla, u sena u tliet xhur postulantat fil-Komunità ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù f’Birkirkara u f’dik ta’ Bormla. Fis-6 ta’ Awwissu 2012 beda n-novizzjat, fejn ġie mogħti l-isem ta’ Fra Elija ta’ Ġesù Msallab, u qatta’ sena novizz fil-Komunità ta’ Bormla.

Hekk kif temm in-novizzjat, Fra Elija għamel il-Professjoni Sempliċi tiegħu nhar it-Tlieta 6 ta’ Awwissu 2013. Eventwalment, hu mar Brescia, l-Italja, fejn beda l-istudji u kompla l- formazzjoni tiegħu fi ħdan l-istess Ordni fil-Kunvent ta’ San Pietro in Oliveto. Meta kien jirritorna Malta għal xi ġranet fis-sajf, kien iservi fil-Parroċċa ta’ San Ġwann tas-Salib, Ta’ Xbiex.

Nhar il-Ġimgħa 3 ta’ Awwissu 2018, Fra Elija għamel il-Professjoni Solenni tiegħu fil-Knisja ta’ Santa Tereża ta’ Ġesù, Bormla. Imbagħad, is-Sibt 15 ta’ Settembru tal-istess sena ġie ordnat djaknu flimkien ma’ patri Karmelitan ieħor u seba’ seminaristi djoċesani minn idejn l- Isqof Mons. Pierantonio Tremolada fil-Katidral ta’ Brescia. Bħala djaknu kompla l-aħħar parti tal-istudji tiegħu fi Brescia.

***

dun-mario-mercieca.jpgMARIO MERCIECA twieled il-Belt Victoria, Għawdex fis-27 ta’ Frar 1993. Irċieva l- edukazzjoni primarja fl-Iskola Laura Vicuna, l-Għasri u fl-Iskola Sir Arturo Mercieca, il-Belt Victoria, u dik sekondarja fl-Iskola Ninu Cremona, il-Belt Victoria.

Wara l-kors fl-Istitut Postsekondarju Sir Michelangelo Refalo, il-Belt Victoria, f’Ġunju 2012 Mario talab biex jidħol is-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù, fejn għamel is-sena propedewtika. Beda l-kors bħala seminarista fl-istess Seminarju f’Settembru 2013. Is-sena intermedjarja għamilha fil-Parroċċa ta’ Regina Pacis, fir-raħal ta’ Centobuchi, fid-Djoċesi ta’ San Benedetto del Tronto–Ripatransone–Montalto, fiċ-ċentru tal-Italja. Lura mis-sena intermedjarja, f’Settembru 2017 kompla l-kors tiegħu fis-Seminarju.

Irċieva l-ministeru tal-Lettorat fl-4 ta’ Marzu 2018, fil-Bażilika ta’ San Pietru u San Pawl, in- Nadur, u fl-1 ta’ Diċembru 2019 ġie istitwit bħala Akkoltu fl-istess Bażilika, dejjem minn idejn Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex. Fit-18 ta’ Mejju 2019 ġie ammess bħala kandidat għall-Ordni Sagri.

Tul il-formazzjoni tiegħu, Mario għamel esperjenzi pastorali fil-Parroċċi tal-Fontana, il- Munxar, San Lawrenz u preżentament fin-Nadur.