38. It-Tlieta wara s-Sitt Ħadd tal-Għid
Kitba ta’ Angelo Xuereb
Imbagħad tellagħhom id-dar tiegħu, għamlilhom mejda, u feraħ man-nies kollha ta’ daru talli kien emmen f’Alla (Atti 16, 34).
Forsi dan il-vers jidher sempliċi wisq, iżda jekk neħduh fil-kuntest tal-ewwel qari naraw li għandu sinifikat kbir. Fit-tieni safra missjunarja San Pawl flimkien ma’ Silas fil-belt ta’ Filippi, fil-Maċedonja, ġew mixħutin il-ħabs minħabba t-tħabbir tal-Vanġelu.
Iżda għall-ħabta ta’ nofsillejl waqt li San Pawl u Silas kienu jitolbu, għamel terremot kbir u l-bibien tal-ħabs infetħu. L-għassies malli nduna b’dan u stħajjel li l-ħabsin kienu ħarbu kien ser joqtol lilu nnifsu. Iżda San Pawl ordnalu biex ma jagħmel l-ebda ħsara lilu nnifsu.
Meta ra din ix-xhieda qawwija l-għassies staqsiehom x’għandu jagħmel biex isalva. U huma weġbuh biex jemmen fil-Mulej. Dan l-għassies ħadhom id-dar, naddfilhom il-ġrieħi u bla telf ta’ żmien tgħammed huwa u l-familja kollha. U kif naqraw f’dan il-vers ta’ fuq, fl-aħħar għamel ikla talli kien emmen f’Alla.
Il-fidi Nisranija hija rigal kbir ta’ Alla. U għandna nirringrazzjaw lil Alla ta’ dan id-don sabiħ. San Ġorġ Preca kiteb din it-talba tant sabiħa: “Noffrilek, o Alla Missier, il-pjagi divini ta’ Kristu Ibnek, biex nirringrazzjak denjament li tajtni l-fidi fik u fih, u li għamiltni, kollok ħniena u tjieba, skular ta’ dan l-imgħallem wieħed tal-bnedmin. Ammen”.
Aħna bdejna l-ħajja Nisranija meta l-ġenituri tagħna ħaduna l-knisja biex nitgħammdu. Issa li kbirna, bil-Griżma tal-Isqof nagħmlu għażla oħra jiġifieri niddeċiedu li ngħixu profondament din il-fidi li rċevejna. Veru li l-Magħmudija hija l-fundament tal-ħajja Nisranija, iżda ftit tħalli frott jekk aħna ma ngħixux l-istil ta’ ħajja ġdida fil-prattika ta’ kuljum bħala adulti maturi.
Il-Vanġelu huwa l-aħbar it-tajba u għalhekk in-Nisrani jekk jimxi wara Kristu ser isib il-ferħ u l-paċi interjuri li l-Ispirtu s-Santu jnissel f’qalbna.