Bir-raxketta!


Xi ftit jiem ilu fettilli ntella’ l-pala t’idi x-xellugija ma’ wiċċi. U, dlonk kif għamilt dan, mill-ewwel ħassejt bħal tingiż. U, aktar ma qbadt wiċċi bejn idi aktar issuktajt inħoss it-tingiż! Tbissimt! U, malajr għedt mingħajr ħafna tidwir ta’ kliem lili nnifsi: Eh! Il-leħja! Reġgħet bdiet tiela’!

Kos hux! U kemm titla’ malajr din l-imbierka leħja! Emmnuni! Inkun għadni lanqas qaxxartha! Avolja ma ndumx is-siegħat biex inqaxxarha iżda fiha l-kedda tagħha wkoll. Insomma! F’nifs wieħed, din l-imbierka leħja, għall-istgħaġib u l-iskantament kollu tiegħi, mill-ewwel iva nerġa’ insibha tibda’ tispunta! U, tispunta u tispunta, sakemm tikber u tixxeblek! Imma, it-tingiż ta’ meta tibda’ tispunta l-leħja lili joħodni f’tant u tant snin ‘il bogħod. Sewwasew fit-tfulija tiegħi. Fil-fatt, it-tingiż tal-leħja jfakkarni fir-raxketta! Dik il-magħrufa raxketta li biha, in-naġġara ta’ ħila tagħna, kienu jħejju l-ġebla tal-franka qabel titqiegħed fuq il-ħajt.

Kemm kont niddarras meta z-zijiet, ħija u missieri, Alla jaħfirlu, kienu jgħaddu l-ġebel bir-raxketta! U, illum, meta niftakar biss fl-esperjenza, arani ndaħħal subgħi il-werrej bejn iż-żewġ saffi ta’ snieni ta’ quddiem! Mà! X’tidrisa dik! Imma ħej, niddarras kemm niddarras u tiddarras kemm tiddarras, ir-raxketta kien hemm bżonnha! Inkella l-ġebla kif kienet se tiġi tal-qjies? Kif kienet se taqbel ma’ l-invell? U kif kienet se żżomm il-ħajt dritt xemgħa?

U hekk hu ħbieb! Il-leħja! U l-leħja-raxketta! Kemm tniggeż! Imma xi jfakkarni t-tingiż ħelu jew mill-anqas ħelu tagħha? It-tingiż ifakkarni li fil-ħajja ebda warda m’hi bla xewka! Sbieħ is-snien! U importanti! X’nagħmlu mingħajrhom? Kif ħa nkissruh l-ikel biex niddiġeruh? Għalhekk, is-snien, għandna bżonnhom tassew bil-qabda! Imma ħej kemm nibku meta jibdew ifaqqgħu d-dgħras fil-ħnieki tagħna! Meta konna żgħar! U, f’każ li int u jien ma niftakrux biżżejjed ħa nistaqsu lil ommijietna u ‘l missirijietna. Jekk għadhom ħajjin. Inkella niftakru x’kienu jgħidu dwar dan. U tibżgħux! Għax malajr noħduha t-tweġiba! U dan ngħidu l-ewwel għalija nnifsi tafux! L-għaliex mhux l-ewwel darba li jitlagħli d-diskors sabiħ, ħelu u għalliemi tal-għażiża ommi li kienet tgħid meta kienet tisma’ lil xi ħadd mit-tfal ta’ ħuti jibku. Meta kienu għadhom żgħar żgħar, daqs naqra: Qed ifaqqgħu d-dgħras!

Il-bikja irqiqa imma qawwija tat-tfal żgħar muġugħa bid-dgħras tfakkarna li fil-ħajja kollox bis-sagrifiċċju ħbieb! Ajma! Aktar u aktar meta nibdew inneħħu l-kilos minn fuq żaqqna! Kieku sabiħa l-figura! U naħseb, almenu ngħid dejjem għalija, kieku tajjeb li minn gwardarobba niġi almenu daqs il-komodina li għandi biswit soddti. Xi tgħidu eh? Il-aħwa kemm nitqażżeż u nfaqqa’ subgħajja meta nitla’ fuq il-miżien u nsib li l-piż tiegħi nieżel bis-sigħat! Daqskemm tinżel b’ħeffa kbira l-veloċità ta’ karozza meta tkun ħa tieqaf biex tipparkja? Inkella dik ta’ ajruplan li jibda’ l-inżul tiegħu fl-ajruport? Imma ħej ejjew ma ninsewx kemm sagrifiċċji jkollna nagħmlu biex naslu għal dan il-livell tant mixtieq! Kemm jiġu mumenti li jkolli ngħid dik il-Le grazzi! ħalli ma ngħidhiex a la Ingliża, no thank you! U kemm ikolli nigdem idi jew inżomm idi fuq l-istonku tiegħi biex dak il-kannol ngħidlu Bye! Bye! Jew dik il-pattata moqlija ngħidilha biss: irridek biss mgħollija!

Il-ħajja hekk ħbieb! Bir-raxketta! Bis-sagrifiċċju! U dan anki fl-imħabba vera tafux jiġri! F’dik ukoll hemm ir-raxketta! Le! Minix qed immur għall-“imħabba” taż-żlieq! Fejn fiha min jieħu subgħajh. Min joħodha għal geddumu. Min jispiċċa b’xi gundalla u, Alla ħares qatt, min jiftaħ rasu ktieb l-għaliex ħabat ma’ xi xifer. Imħabba waħda hemm: dik li trid il-ġid veru tal-persuna li lejha tingħata. U mhux dik li tfittex l-interess ta’ min jagħtiha.

Iżda fejn tidħol ir-raxketta f’dan ir-rigward? U hawn, ħelu ħelu, bħat-tingiża ħelwa tal-leħja-raxketta, tiġini s-sentenza għaqlija ta’ Santu Wistin! Jiġifieri dik il-biċċa li l-għaref duttur tal-Knisja, l-Isqof ta’ Ippona, kien kiteb dwar il-ħbiberija. Il-famuża ħbiberija! Il-kbir Wistin kien qal hekk: Mhux dejjem min hu ħelu magħna hu l-ħabib tagħna. Bħalma lanqas min jimxi iebes magħna ma jfisser li jkun l-għadu tagħna. Aħjar il-ġriegħi tal-ħabib milli l-bews qarrieq tal-għadu. Aħjar wieħed iħobb b’ebusija milli jqarraq bil-ħlewwa.

X’raketta dik ħbieb! Imma x’għerf u x’imħabba hi ukoll! L-għaliex il-ħabib veru jgħinna nipprevenu! U qatt ma jasal biex jitmagħna ikel u daqstant ieħor, jisqina xorb ivvelenat bi ħlewwa liema bħalha! Il-ħabib veru qatt ma jiġi jgħannaqna b’idu ‘l waħda filwaqt li bl-oħra għandu stallett lest għalina biex bih jinfidna. Jagħmel hekk min hu qattiel! Min jobgħod! Min jeqred! Min irid iġib il-ħsara! Imma l-ħabib veru lest li jitlef wiċċu magħna basta lilna jsalvana minn ħafna gwaj. Li jara ġej għal fuqna mill-bogħod ‘il bogħod. U, il-ġriegħi li jagħmilna l-ħabib veru, meta mqabbla mal-ħsara li nkunu se ngħaddu minnha meta nkunu se nidħlu f’xi basla baslun, ikunu bil-wisq anqas ħarxa, ħelwin u ta’ fejqan kemm tridhom!

Oh raxketta tiegħi! Leħja ċkejkna ta’ żgħażugħ li qed jixjieħ! Kemm int ħelwa! U kemm taf xi tgħid! L-għaliex, dak li qed tgħid, mintix tgħidu int! Daqskemm qed jgħidu l-Ispirtu ta’ Alla, il-Mulej li jagħti l-ħajja! U issa ja leħja, issa li spiċċajt minn dawn il-ħsibijiet, se nsellimlek u se ngħaddilek ix-xafra. Ħalli tmur tistrieħ. Sakemm terġa’ tispunta u tgħaddili xi żewġ messaġġi oħra li jaħju lili u lil dawn ħuti, il-qarrejja ta’ dan il-ġurnal.

Sabiħa mħabbtek ja raxketta! Għax bir-raxketta!

Patri Mario Attard OFM Cap