Il-leħen li joħroġ mill-qalb

Print Friendly, PDF & Email

Inqum filgħodu. Għall-quddiesa. Biex inqaddes. U, filgħodu, dejjem filgħodu. Għodu għodu! Għax hemm tiġini l-esperjenza. L-ispirazzjoni! Sintendi, minn fuq! U, l-Id setgħana tal-Missier, mal-esperjenza tal-ħajja li ngħaddi minnha ta’ kuljum, hawn, f’dan l-isptar imbierek mis-sema, tgħallimni bil-bosta li għandi nieħu kollox bil-mod. Inkella … Gwaj! Problemi! Għax żgur, u afli żgur, li nibda’ nara jseħħ fija dak li jgħid Ġesù fil-vanġelu skont San Luqa: Mbagħad jibdew jgħidu lill-muntanji, ‘Aqgħu fuqna!’, u lill-għoljiet, ‘Ordmuna!’ (Lq 23:30).

Mas-sitta u nofs, mas-seba’, mas-seba’ u kwart bum, iddoqq il-qanpiena! Mad-daqqa tal-qanpiena d-dmugħ jibda’ nieżel minn għajnejja. L-għaliex, dik id-daqqa imbierka tal-qanpiena, tfakkarni iva fid-daqqa tal-istess qanpiena li kienet instegħmet tidwi, u li daħlet f’tant u tant qlub, fil-knisja ta’ San Giovanni Rotondo. Eżattament f’Jum il-Mulej, tal-Ħadd 22 ta’ Settembru 1968. Fuq siġġu tar-roti. Minn hemm, il-ġellied tal-Mulej, il-ġeneruż tal-Mulej, il-maħbub tal-Mulej, baqa’ jiġġieled sa’ l-aħħar għal kull ruħ!

U, avolja għadda daqshekk żmien, ma nistax le ma napplikax għalih il-kliem li l-Mulej tani fil-Polonja din is-sena. Il-kliem li Santa Fawstina għexet fedelment. Filwaqt li hu, dawn il-kelmiet, ukoll għexhom fedelment. Sal-aħħar. Bl-akbar tbatija u fedeltà:

Dejjem issielet b’konvinzjoni soda li Jiena qiegħed miegħek. Timxix skont ma tħoss, għax dan mhux dejjem ikun taħt il-kontroll tiegħek; il-mertu kollu jinsab fir-rieda. Iddependi dejjem mis-superjuri tiegħek, ukoll fl-iċken affarijiet. Minix ser nilludik bi prospetti ta’ paċi u konsolazzjonijiet; għall-kuntrarju, hejji ruħek għal battalji kbar. Kun af li issa inti tinsab fuq palk kbir fejn is-sema u l-art kollha qegħdin iħarsu lejk. Issielet bħal kavallier, sabiex Jiena nkun nista’ nippremjak. Toqgħodx tibża’ bla bżonn, għax m’intix waħdek (Djarju, 176).

Kemm jidħluli f’qalbi ħbieb it-tokki ta’ dik il-qanpiena! Għax min jaf jekk jien, il-Patri Kapuċċin, hux ħa jkolli l-istess grazzja kbira li kellu l-għażiż ħija, ħabib u benefattur spiritwali tiegħi, Patri Piju? Dik il-grazzja li lanqas l-art u s-sema qatt ma jistgħu joħolmu? Jitqanżħu kemm jitqanżħu? Jiġifieri dik il-grazzja li nibqa’ inqaddes sal-aħħar nifs ta’ ħajti? Għalkemm kull tħassib u biża’ fuq li ġej, kif tgħidli t-talba tar-Rassenzjazzoni kif miktuba għax imnebbħa lil ħija Piju mill-Ispirtu s-Santu, tgħid, nitlob lilek, Ġesù tiegħi, biex ittajru minn moħħi u minn qalbi. Ħa nimxi bil-kalma jew bil-għaġla, skont kif turini int, il-mixja li għandi quddiemi!
Iżda, bħalma dejjem ġejt mgħallem, u dejjem rajt b’għajnejja, minix le qed nagħmel din il-mixja waħdi! Sulu! Bla ma għandi lil ħadd ħdejja! Għax lanqas li kieku irrid dan ma nista’ nilqgħu! U, aħseb u ara, kemm nemmnu! Miegħi għandi lil ħuti l-Patrijiet! U anki wkoll il-Poplu tal-Mulej! Dawk in-nies, iva, imsejkna, mhux l-għaliex ta’ min jarmihom iżda l-għaliex il-ħajja hi dik li hi, li għandhom bżonn l-għajnuna u l-preżenza tiegħi. Jien li jien dgħajjef. Fir-ruħ u fil-ġisem.

U, dawn in-nies, mat-tokki tal-qanpiena, fil-post fejn tant u tant hawn tbatija, fejn it-tbatija tħossha tassew, taraha b’għajnejk, tismagħha b’widnejk, u tmissha b’idejk, jiftħu ħalqhom ħa jkantaw. Fil-bidu tal-quddiesa. Possibbli jiftħu ħalqhom biss? Tgħid il-ħalq waħdu hu biżżejjed biex itella’ għanja bħal din quddiem it-Tron tal-Mulej? Għax liema ħalq tabilħaqq jista’ iwassal dak li hemm fil-qalb? Liema ħalq jista’ jidħol fil-ħsieb u fis-sentimenti tal-qalb? L-aktar tal-qalb muġugħa?

Hemm ħbieb! It-talba tal-Poplu tal-Mulej! It-talba li titla’ u tinfed is-smewwiet! It-talba li ġejja minn ilħna mnikkta. Ilħna li qed ifittxu ftit dawl tal-mistrieħ. Ilħna li qed ifittxu l-kuraġġ u t-tama. Ilħna li qed ifittxu s-sabar. Ilħna li qed ifittxu l-hena. Jew almenu ftit serħan mill-kalċi jaħraq u jbaqbaq tat-tbatija!

O kemm meta nisma’ il-leħen tal-Poplu tal-Mulej, li jkanta b’fidi kbira f’kull Ewkaristija li l-Mulej nnifsu jagħtini grazzja li niċċelebra, moħħi imur mill-ewwel f’dak li nsibu fil-ktieb tal-Eżodu. Meta, anki l-Poplu tal-Mulej, imjassar kif kien fil-jasar tal-Eġittu, semma’ hu wkoll il-leħen tiegħu quddiem it-Tron tal-Mulej! U, għal dan il-leħen ta’ tbatija, x’seta’ jagħmel ħbieb il-Mulej jekk mhux li jwieġeb hekk lil Mosè, il-qaddej tiegħu?

U l-Mulej qallu: “Jien ħarist u rajt it-tbatija tal-poplu tiegħi fl-Eġittu. U jien smajt il-karba tagħhom minħabba fl-argużini tagħhom u għaraft l-uġigħ tagħhom. Issa nżilt biex neħlishom minn idejn l-Eġizzjani u biex intellagħhom minn dik l-art u neħodhom f’art tajba u wiesgħa, f’art tnixxi ħalib u għasel, art il-Kangħanin u l-Ħittin, l-Amurrin u l-Periżżin, il-Ħiwwin u l-Ġebusin. U issa, ara, il-karba ta’ wlied Iżrael waslet sa għandi, u rajt ukoll it-tgħakkis li bih qegħdin jgħakksuhom l-Eġizzjani. Ejja, mela, ħa nibagħtek għand il-Fargħun biex toħroġ lil ulied Iżrael, il-poplu tiegħi, mill-Eġittu.” (Eż 3:10).

Hekk hu! Il-leħen tal-Poplu tal-Mulej li nifed is-smewwiet, u ġagħal lill-Mulej iħares u jara t-tbatija tiegħu! Ġagħal lill-Mulej jisma’ il-karba! Ġagħal lill-Mulej jara l-uġiegħ! Ġagħal lill-Mulej jinżel! Ġagħal lill-Mulej jeħlsihom minn idejn l-Eġizzjani! Ġagħal lill-Mulej itellagħhom minn art il-jasar biex joħodhom f’art tajba u wiesgħa! Ġagħal lill-Mulej jagħtihom il-qaddej tiegħu Mosè biex jeħlishom!

Kos hux! X’jagħmel dak il-leħen ikanta tal-Poplu tal-Mulej fil-quddiesa ta’ filgħodu! Għodu għodu! Veru? Ma jkunx il-leħen ta’ Pavarotti. Imma hu l-leħen ta’ min qed iħalli lill-Mulej ikun Alla f’ħajtu u f’ħajjitha!

Dan huwa l-leħen ta’ dawk li jfittxuh, li jfittxu ‘l wiċċek, Alla ta’ Ġakobb (S 24:6). Mhux ta’ b’xejn mela li għal dawn in-nies, li jemmnu, il-bibien tas-sema iġibu rwieħhom hekk magħhom: Intrefgħu, bibien, infetħu, intom bibien ta’ dejjem, ħalli jidħol is-Sultan tal-glorja! (S 24:6-7). Għax tassew! Fl-ilħna ta’ dawn in-nies, li jkantaw mill-qalb, f’kull quddiesa li titqaddes, is-Sultan tal-glorja jidħol b’majestà u qawwa fil-ħajja tagħhom!

Patri Mario Attard OFM Cap

Leave a Reply

%d bloggers like this: