Lectio Divina għas-Solennità tal-Ġisem u d-Demm tal-Mulej (Corpus Christi)


Vanġelu (Lq 9, 11-17): Is-silta tal-lum nafuha bħala “it-tkattir tal-ħobż”. Insibuha sitt darbiet fl-erba’ vanġeli. B’hekk ħafna jikkonkludu li Ġesu wettaq dan il-miraklu biex juri pubblikament li hu Alla.  Jiħtieġ nevitaw dit-tifsira żbaljata jekk irridu naslu għall-messaġġ li l-evanġelisti jridu jwasslu. Il-kliem “miraklu” u “multiplikazzjoni” (tkattir) ma nsibuhomx f’dis-silta, għalhekk hemm bżonn ninsewhom. Li nsibu hu li Ġesu ħa l-ħobż u l-ħut, berikhom, tahom lid-dixxipli biex iqassmuhom, u “kulħadd kiel u xeba’.” Jekk nieħdu s-sitt rakkonti ta’ dil-ġrajja, insibu li l-post, in-numru ta’ nies u tal-ħobżiet huma differenti.

Ħaġa oħra hi li kien filgħaxija u diffiċli għad-dixxipli biex iqassmu l-ikel fid-dlam. Mela ma nistgħux nieħdu dis-silta bħala fatt ta’ kronaka, għax kieku kien hekk, ħafna żgur  isaqsu: “Għaliex Ġesu ma jkattarx il-ħobż illum ukoll biex jitma’ l-foqra tad-dinja?” Mela aħjar nieħdu dis-silta bħala parabbola li minnha nisiltu  ħafna tagħlim. Is-sitt rakkonti ta’ dil-ġrajja huma sitt interpretazzjonijiet tejoloġiċi tal-istess ġrajja. Kull wieħed jenfasizza punt jew ieħor. Dawn jgħinu biex niċċelebraw l-Ewkaristija b’mod awtentiku.

  1. “Ġesu qagħad ikellem lill-folla u fejjaq lill-morda.” Matul dak il-jum, ħafna emmnu fi kliem Ġesu fuq is-Saltna. Fejn hemm il-fidi jseħħu l-prodiġji: “Il-fidi tiegħek salvatek.” X’ngħidu kieku tlett snin oħra ma jkunx hawn aktar nies bil-ġuħ? Li sar miraklu. Ġesu llum qed jgħidilna li dal-miraklu jiddependi minna: jekk inxerrdu t-tagħlim tiegħu ma’ kullimkien, jispiċċaw l-egoiżmu u l-inġustizzji, u kulħadd jaħseb fil-proxxmu u jara li ma jonqsu xejn. “Il-jum kien wasal fit-tmiem”, għax fi żmien Luqa, dak il-ħin kienu jiċċelebraw l-Ewkaristija.
  2. “Ibagħthom in-nies fl-irħula tal-qrib…” Dar-raġunar tad-dixxipli hu bħal ta’ xi Nsara li, wara li jkunu ssodisfaw il-preċett tal-Ħadd biex jiżguraw post il-ġenna, imorru għal rashom u jħallu l-oħrajn isolvu l-problemi tagħhom kif jistgħu. Għal dawn, l-ispiritwali m’għandux x’jaqsam mal-materjali. Id-dixxipli nkwetaw ukoll li riedu jsibu kenn għall-lejl (Luqa biss isemmiegħha din – kenn, i.e. tkun milqugħ bla preġudizzji) u ikel għal dik il-folla. Hawn qed nitkellmu fuq ġuħ materjali li jinkludi nuqqas ta’ mħabba, stima, rispett, dinjita’ u dak kollu meħtieġ biex wieħed jgħix ta’ uman awtentiku. Mela d-dixxipli pproponew: “Kulħadd idabbar rasu kif jista’.” Dan raġunar ta’ kummerċ fejn, iktar ma nara kemm għandek bżonn xi ħaġa, aktar ngħollilek il-prezz. Min għandu l-flus u saqajn tajbin, jasal l-ewwel,  jixtri u jrekken. U min hu marid, anzjan jew bla flus? Dan joħloq wied tad-dmugħ u mhux ġenna tal-art.
  3. Ġesu (i) ma jaċċettax il-firda bejn spiritwali u materjali. Irid li nibdew ngħixu ta’ ulied Alla minn issa billi naqsmu bejnietna bħal aħwa il-ġid kollu li Alla jipprovdilna; (ii) ma jaċċettax il-proposta tad-dixxipli u l-liġi (?) tal-kummerċ fejn is-sinjur isir aktar sinjur u l-fqir isir aktar fqir: 26 sinjuruni fid-dinja għandhom aktar min-nofs tal-ġid tal-foqra tad-dinja kollha. Wieħed fil-mija tal-umanita’ għandhom ġid aktar  mill-bqija tad-dinja. Dan hu effett ta’ dan ir-raġunar – kulħadd idabbar rasu kif jista’.
  4. Allura Ġesu jwissi lid-dixxipli: “ Agħtuhom intom x’jieklu! i.e. jiħtieġ li intom tintroduċu fid-dinja mod ġdid kif jinqasam il-ġid materjali b’mod li jissodisfa l-bżonnijiet ta’ kulħaddd. Intom smajtu l-Vanġelu u lqajtuh. Mela intom tridu tibdew titimgħu lil min hu bil-ġuħ.” Id-dixxipli weġbuh:  (i) “M’għandniex aktar minn ħames ħobżiet u żewġ ħutiet.” Hekk nagħmlu aħna wkoll: in-nies huma ħafna, u l-ikel ftit; mela nikkapparraw kemm nifilħu f’kompetizzjoni sfrenata, li ma jmurx l-ikel ma jservix. Hekk għamlu l-Lhud bil-manna fid-deżert; (ii) “Nistgħu mmorru aħna nixtrulhom, imma kemm għandna bżonn flus għal 5000 ruħ?” L-istess kif nagħmlu aħna: nippruvaw intaffu ftit il-ġuħ fid-dinja billi nagħtu ftit ewros għall-missjoni darba f’sena. Il-kelma “elemożina,” i.e.mill-eluf li għandi nagħti ftit ħabbiet, ma nsibuhiex fil-Bibbja, imma flokha nsibu kelma li tfisser “ġustizzja.” Il-verita’ hi li l-ġid kollu hu t’Alla. Li għandi hu biss misluf lili, u bih jien niħtieġ inwettaq ġustizzja  mal-oħrajn.
  5. “Qegħduhom bil-qiegħda ħamsin ħamsin.” Luqa biss juża dil-kelma kataklinein li tfisser “inklinat, sdrajjat fl-art rilassat.” Din kienet qagħda ta’ wieħed li jkun se jiekol mhux b’mod formali madwar mejda. Id-dixxipli riedhom bil-wieqfa ħa jservu, u l-oħrajn li kienu fil-bżonn ried li jħossuhom sidien. Ħamsin kien in-numru fl-Eżodu li jindika komunita’ fejn kull dixxiplu jħoss id-dmir li jservi lil min hu fil-bżonn biex dawn tal-aħħar iħossuhom parti minn dil-komunita’.
  6. X’jiġri meta l-ġid li pprepara Alla għal uliedu kollha jinqasam skont il-Vanġelu? “… u kulħadd kiel u xeba’.” Ġesu (i) aċċetta l-ħobż u l-ħut. Dawn kienu dak kollu li dil-komunita’ kellha x’toffri, għax fehmet il-loġika li tagħti skont il-Vanġelu, b’fiduċja li dan iwassal għall-miraklu li jtaffi kull forma ta’ ġuħ; (ii) “refa’ għajnejh lejn is-sema” biex juri minn fejn ġej kull ġid, Jekk inqis ruħi sid ta’ dal-ġid, inkun qed nisraq, l-aktar jekk naħlieh bl-addoċċ; (iii) “berikhom”, i.e. għaraf minn fejn tiġi l-ħajja u l-ġid li hu rigal tal-imħabba t’Alla, li jixtieq il-ħajja lil uliedu kollha; (iv) “qasamhom u tahom lid-dixxipli biex iqassmuhom.” Il-fidi ta’ dawk li jaċċettaw il-Vanġelu u jpoġġu ġidhom kollu biex jinqasam ma’ min hu bil-ġuħ, iġġib miraklu: kulħadd kiel u xeba’. Jekk illum dal-miraklu mhux qed iseħħ, hu tort tan-nuqqas ta’ fidi u fiduċja tagħna f’Alla. (v) “U ġabru 12-il qoffa loqom.” Xejn m’għandu jinħela mill-ġid li jipprovdi l-Ħallieq. Għajb li llum hawn kultura ta’ ħela: jarmu ikel (terz tal-prodotti), jaħlu enerġija, jużaw ilbiesi darba biss, rigali bl-addoċċ, speċjalment lit-tfal, eċċ.
  7. Biex ikompli jseħħ dal-miraklu, jiħtieġ li naċċettaw il-proposta ta’ Ġesu. Biex jgħinna nagħmlu dan, sar ħobż għalina fl-Aħħar Ċena: “Ħudu u kulu, għax jien sirt l-għixien għal kull min għandu bżonn. Ma żammejt xejn minn ħajti imma tajtha kollha bħala ikel għalikom.” Kull meta nitqarbnu aħna qed ngħidu lil Ġesu: “Iva, jien naċċetta kliemek biex l-ebda bniedem ma jsofri l-ġuħ.” Inkella t-tqarbina tagħna ma tkun tfisser xejn.

Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernandoarmellini