Il-firda


Il-kelma kankru! Kemm hi kerha! U kemm nippruvaw ma nsemmuhiex! U nagħmlu sewwa ħbieb! Għax hi kelma tal-biża’! Kelma li, meta biss issemmieha, trid tmur tara fejn se tinħeba! Għax vera tal-waħx!

Biss teżiżti kelma oħra li qed tikkankra lil kulħadd. U tikkankra lil min jilbes qasir u lil min ilbiesu kważi jkaxkar mal-art. Hi kelma li, meta tidħol, iddaħħal l-infern magħha! Kos hux! Anki fi djar fejn hemm Ġesù Sagramentat ħbieb tinstab! Daqskemm ma ssibhiex ukoll fil-Knejjes u l-postijiet li suppost huma imqaddsa. U, jekk f’dawn il-postijiet qiegħdha hemm, iddur u lesta ħa tara lil min se tibla’, aħseb u ara mela x’festa tagħmel mill-familji tagħna! Li, safejn naf jien, fihom m’hemmx il-kappella b’Ġesù Sagramentat!

Il-firda! Fl-aħħar ħriġtha! Semmejtha! Għax imxajtna! U x-xitan irridu nikfux! Ħa jaħrab minna beżgħan! Il-firda ħbieb! Li toħloq skandli kbar! Skandli tal-biża’! Il-firda! Li, meta tingħex, għandha l-ħila tipprova tgiddeb lil Ġesù. U l-messaġġ fejqani tiegħu. Il-firda! Li, meta tħossha, tħossok trid taħrab minfejn tkun. Għax l-abbissi tal-infern ikunu ġew ħdejk. Iva! Anki jekk tkun f’post li suppost hu imqaddes. Il-firda! Li tiftaħ feriti mill-kbar nett. L-għaliex, dak li jkun, jippruvaw jġagħluh iħossu u tħossha imbarazz. U mhux bniedem. U bniedma. Bl-inġustizzji tal-biża li jġagħluh u jġagħluha issofri! Aħseb u ara mela meta l-firda tiġi minn dawk li jippriedkaw il-ħniena, l-għaqda u l-maħfra ta’ Kristu! Xi ħsara kbira tagħmel ħbieb! Kemm tkisser nies! U toqtol ferħ li l-Ispirtu s-Santu jibgħat fuqna! B’affarijiet żgħar! Imma magħmulin bi mħabba kbira!

Oh ħbieb! Kemm hawn uġiegħ! U, jaħasra, min jipprova jagħti s-soluzzjoni b’xi priedka jaf, fil-prattika, l-aktar wieħed u waħda li jġib u ġġib il-firda. Għax il-firda tiġi mill-inġustizzja. Lil dak nittrattah mod u lil dak ieħor. Dak għalih kull regola tapplika. Filwaqt li l-ieħor għakksu. Aħqru. Agħmillu ħajtu nfern. Għax mhux fil-klikka tagħna. Jien ma nistax nifhem kemm hawn min jaħseb li donnu mhux se jagħti kont ta’ għemilu quddiem il-Mulej. L-aktar ta’ kemm qed jaħqar lil dawk li magħhom jgħix. U tgħix.

Issa ejjew nirraġunaw ftit ħbieb. Ilkoll qed nikbru fl-età. Ilkoll qed nixjieħu. Ngħidilha kemm ngħidilha anjzanità dik xjuħija tibqa’! U, nippostponi kemm nippostponi, il-qabar hemm, lest u miftuħ għalija qiegħed. Imma dak lest biex jilqa’ lil ġismi li jmut. Fil-verità, aħna nibqgħu ngħixu għall-eternità. Għal ħajja bla tmiem. Hi ħasra tafux li, wara ħajja bħal din, nippreżenta ruħi quddiem il-Mulej u nieħu verdett aħrax. U, dan kollu, l-għaliex inkun żrajt il-firda. Bl-inġustizzji li nkun ġibt f’qalb dawk ta’ madwari!

Il-ħajja tgħallimni li l-firda ma jiżrahiex min hu ħafna għajjat tafux. Imma mbagħad qalbu tad-deheb. U jinsa’ kollox. Le ħbieb! Il-firda jiżragħha min jikkonfoffa kontra dak u l-ieħor. U, jikkonfoffaw fil-kmamar ta’ ġewwa nett. F’dawk il-kmamar fejn, mingħalihom, ma jismagħhom ħadd. Il-firda jiżragħha min jippjana kollox skontu u skont dawk li jħokku miegħu. Il-firda jiżragħha minn jaħdem għall-klikka u mhux għall-għaqda ta’ kulħadd. Il-firda jiżragħha min jogħġob biss lil min jaqbillu. Dan hu ż-żerriegħ tal-firda. U dan hu li, ġurnata, għad irid jagħti kont ta’ għemilu! U għemilha!

Il-firda iġġib vittmi li jbatu tbatija mill-aktar ħarxa. Idħol fil-familji, fil-postijiet tax-xogħol, fil-knejjes u l-kunventi. U tara! Kemm jitla’ talb ta’ nies oppressati quddiem it-Tron tas-Sema! Nies li, min suppost jgħinhom, qed jaħqarhom bl-akbar krudeltà. Mhux l-għaliex isawwathom biċ-ċinturin imma, u sempliċiment, l-għaliex ma jagħtix kashom. Ma jismax l-għajta tagħhom. Ma jħallihomx jikbru bil-mod tagħhom. Imma jrid jimponilhom. Jaħnaqhom. Jindaħlilhom. U jkissirhom.

Kif jista’ ikun il-Mulej, mis-Sema, jibqa’ jħares ċass lejn il-vittmi tal-firda? Kif jista’ il-Mulej ma jinżilx u jintervjeni? U jġib kollox f’postu Hu? Ta’ Alla setgħani li Hu? Darba kien hemm xi ħadd li aqta’ kemm kienu jikkritikawh l-għaliex kien iħobb isemmi l-Profeta Ġeremija. Imma illum, f’din is-soċjetà, Knisja, familja, komunità, ma tistax ma tagħtihx raġun lil dan l-individwu! Illum iva ngħid kemm kien individwu qaddis u profetiku dan il-bniedem! Alvolja qala’ fuq li qala’!

Dan l-aħħar, fid-Djarju ta’ Santa Fawstina ltqajt ma xi ħaġa li aqta’ kemm għamlitli ġid. Santa Fawstina tgħid hekk: Meta l-Mulej innifsu irid ikun qrib ruħ u jmexxiha, Huwa jneħħi min-nofs kulma hu estern. Meta mradt u ħaduni fl-infermerija kelli nbati ħafna affarijiet koroh minħabba din il-ħaġa. Konna tnejn morda fl-infermerija. Is-sorijiet kienu jiġu jaraw lil Swor N. imma ħadd ma kien jiġi jara lili. Veru li kien hemm infermerija waħda biss, imma kulħadd kien ikollu ċ-ċella tiegħu. L-iljieli fix-xitwa kienu jkunu twal, u Swor N. kien ikollha d-dawl u l-kuffji tal-widna biex tisma’ r-radju, filwaqt li jiena lanqas biss ma stajt inħejji l-meditazzjoni tiegħi għax ma kellix dawl (no.149).

Dan il-paragrafu lili għamilli kuraġġ kbir ħafna! U anki għeni biex naqsam il-kuraġġ man-nies, eżattament kif irid minni Ġesù, San Franġisk u Papa Franġisku! Meta nsibu ruħna l-mira ta’ nġustizzji kbar, bħalma għaddiet minnhom Santa Fawstina stess, l-aktar dawk l-inġustizzji li ma jidhrux u li jkunu daqqiet taħt iċ-ċinturin, ejjew ma nibżgħux minnhom. Araw kif ikompli l-paragrafu 149:

Meta kienu għaddew ġimgħatejn b’dan il-mod, darba waħda filgħaxija lmenjtajt mal-Mulej li kont qiegħda nbati ħafna u li lanqas biss stajt inħejji l-meditazzjoni tiegħi għax ma kellix dawl. U l-Mulej qalli li Hu kien ser jiġi kull filgħaxija u jagħtini l-punti għall-meditazzjoni tal-ġurnata li tmiss. Dawn il-punti dejjem kienu jkunu dwar il-Passjoni ħarxa Tiegħu. Huwa kien igħid: Aħseb fuq it-tbatijiet Tiegħi quddiem Pilatu. U hekk b’dan il-mod, punt wara l-ieħor jien mmeditajt il-Passjoni ħarxa Tiegħu għal ġimgħa sħiħa. Minn dak iż-żmien ‘il quddiem, daħal ferħ kbir ġewwa ruħi u ma bqajtx irrid la viżitatturi u lanqas id-dawl; għalija kien biżżejjed Ġesu’ għal kollox. Is-superjuri kienu verament jieħdu ħsieb il-morda, imma l-Mulej ordna li jiena nħossni abbandunata. Dan l-aqwa fost l-għalliema kollha, jneħħilek kull ħlejqa sabiex ikun jista’ jaġixxi Hu stess. Ħafna drabi, kelli l-esperjenza ta’ tant tbatija u persekuzzjonijiet li s-Superjura M. (aktarx Madre Margaret) hi stess qaltli: “Sor, narak bħala waħda fuq is-salib. Imma jiena nista’ nara li hemm Ġesu’ fin-nofs. Kun fidila lejn il-Mulej.”

Anki int sieħbi, bħalma ngħid ukoll għalija innifsi, meta tħossok li qed jagħmlulek inġustizzji kbar iġri għal għandu! Ħa jgħinek! Ħa isserraħ fuqu! Għax Hu biss jista’ jgħinek! U jgħinek! Għax jimlik biH innifsu! U min bħalissa qed joppressak ġurnata għad irid jitkaxkar quddiemek! Għax jinduna li serva biss ta’ paljazza f’idejn ix-xitan!

U, biex il-vittma ta’ Brejbes tissokta tagħmillu aktar ġid, itlob għalih u għaliha ħa jara u tara d-dawl. Hekk, minn aġent tal-firda jibda’ isir wieħed u waħda tal-għaqda. Għax jibda’ jittratta lil kulħadd xorta waħda.

Patri Mario Attard OFM Cap

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.