Iċ-Ċrieki magħluqa


Mara żagħżugħa, li sentejn ilu tgħammdet fil-Knisja Kattolika, ilmentat li xtaqet tieħu sehem fl-attivitajiet tal-parroċċa fejn toqgħod, imma ma sabitx dak li kienet qed tistenna. L-entużjażmu tagħha, hekk kif ngħaqdet mal-Knisja li xtaqet, ma damx ma waqa’, minħabba l-mod kif ġiet milqugħa min-nies midħla tal-knisja, iċ-ċirku ta’ persuni li huma attivi fil-parroċċa. Sabet ħitan li għalqulha l-inizjattivi tagħha, meta ppruvat tissuġġerixxi xi ħaġa ġdida. Jgħidulha: “Le, għax dejjem hekk għamilna. M’hemmx għalfejn inbiddlu.”

Knisja 1
Hemm wisa’ għal min jixtieq jagħti sehemu.

Ma tridx wisq biex tifhem il-frustrazzjoni ta’ din il-mara, li wara li kellha l-grazzja li tiskopri lil Kristu, li kellha l-kuraġġ tagħmel din il-bidla f’ħajjitha u tiġi milqugħa fil-Knisja, sabet li l-istedina għal parteċipazzjoni mill-poplu t’Alla kienet biss fuq il-karti, għax ir-realtà wriet il-kontra. Sakemm sabuha għal xi xogħol ordinarju, kien kollox sew; meta bdew is-suġġerimenti tagħha, bdiet tifhem li sehemha mhux verament apprezzat. Wara ftit żmien bdiet tiddubita jekk għamlitx għażla tajba li ngħaqdet ma’ komunità bħal din.

Huwa fatt li anke fostna ssib persuni li jħabirku għall-parroċċa u li għaliha ilhom jagħtu saħħithom u ħinhom sa parti kbira minn ħajjithom. Huma nies attivi bħal dawn li jikkonfrontaw lil min jiġi b’xi ideat ġodda u li ma jkunux jaqblu mal-gosti jew mal-agenda tagħhom. Minħabba f’hekk jinħolqu sitwazzjonijiet diffiċli fil-parroċċa li jwasslu biex persuna li mhix ‘fiċ-ċirku’ tħoss li għandha toqgħod attenta anke kif titkellem. Xi drabi titħajjar tistaqsi: “Imma eżattament min hu l-kappillan?”, għax ikun hemm minn ikollu kontroll żejjed f’dak li għandu x’jaqsam mal-knisja speċjalment meta l-kappillan ma jkollux esperjenza biżżejjed u jkun għadu ma daħalx fil-kultura tal-lokal.

Dan jiġi mill-fatt li ftit huma dawk il-persuni li jimpenjaw ruħhom b’mod konsistenti u li ma ssibhomx biss fil-bnazzi. Bir-raġun li l-kappillan tal-parroċċa jew ir-Rettur ta’ knisja jkun kuntent li għandu nies fuq min jafda u jserraħ moħħu li l-affarijiet isiru. Imma dan fih ir-riskju li xi wħud jieħdu r-riedni f’idejhom u ma jħallux wisa’ għal nies ġodda li jixtiequ jagħtu sehemhom fl-attivitajiet tal-knisja li tkun.

Din l-imġiba mhix xi ħaġa tagħna, imma teżisti kullimkien, tant li l-Papa Franġisku, fid-diskors li għamel lill-Kurja Vatikana f’Diċembru tal-2014 semma lista ta’ mardiet li huma komuni f’għaqdiet, kongregazzjonijiet, parroċċi u movimenti oħra tal-knisja. Il-Papa jgħid li dawn huma mardiet, jew tentazzjonijiet perikuluzi għal kull Nisrani u għalhekk huma indirizzati lill-Knisja kollha. Nistgħu nsemmu xi wħud minnhom.

Il-Papa jsostni li aħna nistgħu nħossuna indispensabbli u naħsbu li mn’Alla rridu nkunu aħna biex l-affarijiet isiru u jsiru sew. Isemmi l-marda tal-“martiżmu”, kelma ġejja mill-ġrajja ta’ Marta fil-Vanġelu. Din hi l-marda ta’ dawk li tant jintefgħu b’ruħhom u b’ġisimhom għax-xogħol u jispiċċaw jittraskuraw “l-aħjar sehem”, dak li joqogħdu bilqiegħda f’riġlejn Ġesù. Nies ta’ dan it-tip ma jibqgħux sensittivi għall-oħrajn. Il-Papa jgħid li għalhekk Ġesù sejjaħ lid-dixxipli tiegħu biex “jistrieħu ftit”, għax meta tittraskura l-mistrieħ meħtieġ, dan iwasslek għall-istress.

Hemm il-marda ta’ l-“ebusija” tar-ras, li ttellef is-serenità interjuri. Jiġri wkoll li n-nies tal-knisja jinħbew wara l-karti hekk li jsiru “magni tal-uffiċċju” u mhux “nies ta’ Alla”. Marda oħra hi dik tal-ippjanar żejjed, kollox jiġi mfassal sal-inqas dettall u nibdew nemmnu li jekk il-pjan ikun perfett, l-affarijiet se jmorru għall-aħjar. Nispiċċaw awdituri jew konsulenti tan-negozju. Il-Papa jsemmi wkoll ir-rivalità, il-vanaglorja u l-piki. Imbagħad hemm il-marda tas-seksik, tad-diskors minn taħt u tat-tpaċpiċ fieragħ fuq l-oħrajn. Jiġbor kollox meta jsemmi l-marda taċ-“ċrieki magħluqa”.

Dawn in-nuqqasijiet huma realtà komuni. Imma tajjeb nifhmu li l-Papa kien qed jindirizza d-diskors tiegħu lil nies ta’ ċertu livell. Jiġifieri ma nistennewx li dawk li jħabirku għall-knisja tal-lokal tagħhom huma konxji dejjem ta’ dak li San Ġorġ Preca kien tant jgħallem dwaru: l-intenzjoni retta. Irridu nagħdru lin-nies u nitgħallmu nittolleraw.

U fost in-nies ‘ta’ madwar il-knisja’ ssib ħafna li huma ġentili u li jagħmlu kollox minn qalbhom bla ma jistennew xejn. Hu bil-għajnuna ta’ nies bħal dawn li l-affarijiet imorru tajjeb. Hu b’dawn in-nies li mill-ikbar knisja sal-iċken kappella f’Malta u Għawdex jinżammu nodfa u f’kundizzjoni tajba biex iħajru lin-nies jersqu lejn il-knisja.

Dawk li, bħal din il-mara li tgħammdet fil-Knisja u tixtieq tieħu sehem fl-attivitajiet li jsiru, għandhom jagħmlu kuraġġ. Nifhem li mal-Magħmudija rċeviet ukoll il-Griżma tal-Isqof. Dan għandu jagħtiha l-kuraġġ li ma tibżax. Tibqa tgħin, filwaqt li titgħallem tħobb bħalma ħabb Ġesù. Aħna ma nistgħux inbiddu n-nies, imma nistgħu ninbidlu aħna għall-aħjar.

Joe Galea