It-taqlib


Il-ħajja tibdil. U tibdil kontinwu. Tibdil li mhux dejjem għandna kontroll fuqu. U, jekk se nippruvaw nagħfsulu l-break żgur li dan it-tibdil se jagħmilna stake!

Int ħu minn ġisimna. Ara kemm tbiddilna. Konna ċkejkin. U le! X’jien ngħid! Trabi! Bil-ħarqa! Li l-ħin kollu ibdlulna. U bdejna nikbru. U, waħda mill-affarijiet li bdejna nitgħallmu kienet li nagħmlu fuq it-toilet. U mhux aktar fil-ħrieqi. Għalhekk meta nikbru hi tabilħaqq umiljazzjoni mill-kbar nett li nispiċċaw bil-ħarqa. Għal min minna jasal sa età avvanzata. Kos hux! It-taqlib! Filli konna b’rajna f’idejna u nagħmlu x’ħin jaqbadna l-bżonn. U kapaċi, f’ċertu sens, il-bżonn nikkontrollawh. U filli ġejna niddependu għal kollox minn ħaddieħor. U, l-għaliex ma nkunux kapaċi nikkontrollaw il-bżonn tagħna stess, spiċċajna bil-ħarqa mal-warrani tagħna.

Issa dan l-eżempju jidher tad-daħk. U forsi, għal uħud, jidher skandaluż ukoll. Kif Patri? Titkellem fuq il-ħrieqi mal-warrani? X’għarukaża! Imma sieħbi din ir-rejaltà! Żur ftit l-isptarijiet u d-djar tal-anzjani u ara ftit issibx dan kollu quddiem għajnejk. Kemm tbatija wara t-tibdil tal-ħarqa. Mhux biss għall-persuna li tkun, jekk dejjem tkun f’sensieha, imma wkoll għall-familjari tagħha li jarawha hekk, tiddependi minn kulħadd!

Biss ħbieb ħaġa waħda toħroġ ċara minn dan l-eżempju tas-saqajn mal-art, it-tibdil jolqotna ilkoll. U jolqotna fil-laħam il-ħaj. It-tibdil mhux għal kulħadd l-istess. Għal uħud it-tibdil jaf ifisser glorja tal-glorji. L-aktar jekk kellhom sehem “attiv” u “attiv ħafna” minn dak it-tibdil. Għax “bin-negozjati” li għamlu ma min għaddielhom il-kelma aqta’ kemm illum jinsabu tajjeb! Anzi! Illum aqta’ kemm jgħidu favur dak jew dik li huma fuqhom! Għax qdewhom mill-koxxa! U tawhom li riedu! Mela x’ma jaħdmulhomx!

Imma mhux l-istess jista’ jingħad għal min sab ismu jew sabet isimha fuq xi karta mingħajr lanqas kelma ta’ konsultazzjoni minn naħa tiegħu u tagħha. Mhux l-istess le jista’ jgħid min sab ruħu pedina fl-idejn kapriċċużi ta’ min kellu kollox diġà ippjanat! Ara dak miskin, u dik miskina, xi tridhom jgħidu? Min se jisma’ il-krib tagħhom? Min se jagħti kashom? Alla ħares ma jkunx il-Mulej Alla għalihom l-għaliex li kieku illum jispiċċaw f’xi kamra tal-lastiku. U allura viva l-Ammen! L-Halleluiah! U lil Alla bil-ferħ inkantaw! U l-bqija!

Le ħbieb! Il-Mulej ma jitfaħħarx bil-kliem. Ma jingħatax glorja bil-ħafna kliem fieragħ tal- Bibbja u mbagħad viva l-qalb ħadra u li ma tħennx u ma tifhimx il-bżonnijiet ta’ dak li jkun. Le! Il-Mulej xi ħaġa oħra! Il-Mulej hu ħniena. Mogħdrija. Il-Mulej ma jinfluwenzax ruħu minn xi klikka. Jew minn xi opinjoni pubblika. Il-Mulej jaf x’hemm f’qalbna. Il-Mulej jaf fejn għandu joħodna. Għalhekk qal għall-ipokriti li jinqdew bir-reliġjon ħa jkomplu jiħdaru: ‘Dan il-poplu bix-xufftejn biss jagħtini ġieħ, imma qalbhom hija ′l bogħod minni, Fiergħa hija l-qima li jagħtuni; jgħallmu duttrina li m’hijiex għajr preċetti tal-bniedem’ ” (Mt 15:8-9).

Kemm iserraħħli qalbi din il-kwotazzjoni mill-isbaħ tad-Djarju ta’ Santa Fawstina li, proprju, titħaddet fuq il-ħniena ta’ Ġesù! Isimgħu x’jgħid Ġesù lil Santa Fawstina bħalma jgħid lili u lilek: Jiena qed nitlob mingħandek għemejjel ta’ ħniena, li għandhom jiġu mill-imħabba li inti għandek Għalija. Inti għandek turi ħniena lejn il-proxxmu tiegħek dejjem u kullimkien. Int m’għandekx tibqa’ lura minn dawn jew tipprova tiskuża jew tassolvi lilek innifsek minn dan (Djarju, 742).

Il-ħniena kollox! Kemm isiru żbalji u żbalji ħoxnin fil-familji, fil-komunitajiet, fil-Knisja, fil-postijiet tax-xogħol u bejnietna għax suppost hekk isir! Kemm nies tkissru u qed jitkissru għax waqafna fuq is-suppost! Kemm tfarrku nies għax intqalilhom: Aħna hekk! Inkella fittex bieb ieħor! Dan id-diskors hu kriminali. Għax hu diskors li ma jirrispettax it-tibdil. Dan id-diskors joħodha qatta’ bla ħabel kontra l-bdil fil-ħajja. Le! Fil-ħajja ċ-ċirkustanzi jitbiddlu. U allura jien min jien biex niddetermina x’suppost għandu isir jew ma jsirx? Iva li nifhem lil ħaddieħor saret daqshekk rari? Għaliex ma nifhimx lil ħaddieħor? U meta rrid nibda’ nifhem lil ħaddieħor? Meta nkun bil-ħarqa u nitlob maħfra lil min ikun ħqart, l-għaliex ma fhimtux, jew aħjar għax ma kontx irrid nifhmu? Nista’ jien nirranġa l-ħsara enormi li nkun għamilt lil dik il-persuna? Liema maħfra tista’ tabilħaqq issewwi l-ħsara kbira li nkun ġibt b’idejja?

Le ħbieb! Il-Mulej kmand wieħed qiegħed jagħtina: għemejjel ta’ ħniena! U, dawn l-għemejjel ta’ ħniena, l-ebda suppost m’għandu jwaqqafhom! Il-ħajja turini kontinwament li s-suppost mhux ġej mill-Mulej imma mill-liġi mxajtna tal-fariżej. Li moħħhom biss kien biex iħaġġru u mhux biex jgħannqu bil-ħniena u bl-imħabba. Taf x’naf ingħid: li ħadd mill-fariżej ma ta ħajtu għal ħaddieħor! Ħa minnhom ma’ sallab għal ħaddieħor! Ħa minnhom ma ġie ifflaġellat għal ħaddieħor!

Hemm xena fil-film The Passion of the Christ li lili aqta’ kemm tgħallimni! Meta Ġesù jibda’ jiġi mħaġġar il-fariżej kollha jibdew jaħarbu. L-ipokriti ma jifilħux joqgħodu għad-daqqiet ħorox tal-flaġell! Kemm dabbru rashom jiġru! Barra minhekk, il-qassis il-kbir, fil-passjoni tal-Mulej, fuq il-ħmara qagħad. Hemm! Imxaħxaħ! U mhux jerfa’ is-salib tat-tbatija bħalma refgħu Ġesù! Il-veru qassis il-kbir ta’ dejjem. Għax l-qassis il-kbir bummer sieħbi! Beża’ għal ġildu! Ra x’ħa jieħu u mhux x’ħa jagħti! U dan bil-barka tas-suppost tiegħu! Imma Ġesù ħabb għax ta ħajtu! Għax ħenn! U kien hu li ħafer! U mhux il-qassis il-kbir. Li baqa’ jikkustinja sal-aħħar. U qalbu baqgħet biċċa ħadida! Jew azzar!

Il-qassis il-kbir jimxi bħal dawk li, fi żmien it-taqlib, tgħidilhom: Jiena dawn huma ċ-ċirkustanzi tiegħi. U huma jgħidulek: U mhux anki jien? U jħalluk waħdek! Ħa tara x’ħa tagħmel! Mà x’biża! X’qalb tal-ġebel! Xi ħdura! Fejn hi l-imħabba? Fejn hi l-ħniena? Fejn hi l-mogħdrija? Fejn hi s-sensittività? Qabel kont naħseb li c-chewing gum qiegħed biss fil-ħelu. Imma anki l-kelma mħabba saret chewing gum. Mela, qabel nagħmlu attakk frontali u iddisprati għax l-imħabba saret sess biss aħjar inkunu sinċieri u ngħidu li illum, għal uħud, l-imħabba saret ġustifikazzjoni mxajtna tal-ħdura. U “ħdura qaddisa”. Għax suppost. Din it-tip ta’ ħdura hi l-agħar waħda. Il-ħdura tal-abbissi tal-infern. Għax biċċa silġa. Ma tħossx għal min qed ibati. Ma tafx bi ħniena u b’mogħdrija. Lanqas fi żmien it-taqlib.

Imma t-taqlib sabiħ ukoll. L-għaliex il-Mulej jaf jippermetti ċirkustanzi fejn dak li nibnu aħna l-bnedmin, sforz il-moħqrija li nużaw ma’ xulxin, jaf jibdlu għax iħottu mill-qiegħ! Biżżejjed tinqala’ xi ħaġa gravi li tibdel kollox ta’ taħt fuq! Imma l-għaliex għandna naslu s’hawn biex niftħu qalbna? Ejjew nkunu umli! Ejjew ma nibqgħux lura milli nuru ħniena ma’ Ġesù billi nħobbu lil xulxin għax nifhmu ċ-ċirkustanzi partikulari ta’ xulxin. Ejjew inkunu Ġesù! Ejjew inħennu! Mingħajr skużi! Mingħajr ma naħarbu min dan id-dmir sagrosant bir-raġun imxajtan tas-suppost. Anki, u speċjalment, fi żmien it-tibdil.

Patri Mario Attard OFM Cap

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.