Minn wara Santa Liena


Issa l-festa ta’ Santa Liena għaddiet. U kollox għadda b’wiċċ il-ġid. U l-Mulej, permezz taċ-ċelebrazzjoni ta’ din il-qaddisa kbira, ingħata l-glorja li tassew tixraqlu! Madankollu, f’dan il-jum daqshekk sabiħ tat-18 t’Awwissu, li dlonk ifakkarni f’dak it-18 t’Awwissu tas-sena 330, fejn Elena, l-Imperatriċi Awgusta, ittajret lejn is-sema biex tieħu b’sehmha l-ħajja ta’ dejjem, kien hemm irqaqat li lili tant għallmuni! U għallmuni bil-bosta!

Ix-xemx tat-8 ta’ filgħodu. Il-ħin meta, il-qanpiena l-kbira ta’ Birikirkara, Elena, tindaqq biex tħabbar lil Gżiritna u lid-dinja, anzi lill-univers kollu, li Santa Liena ħierġa iddur fostna. Ix-xemx! U min hu x-xemx? Żgur li mhux min jieħu xi xemxata u jirranġa ruħu u ruħha għall-frisk! Le ħej! Dik m’għandniex x’nambuha! U għalhekk, li t-tobba għaqlin tagħna, jagħtuna l-magħruf parir biex ma noqgħodux fiha! Inkella kaput! Ir-raġġi tagħha saru qawwijin wisq! Mela mhux bar-raġġi tal-Ispirtu s-Santu sieħbi! Dak l-Ispirtu li hemm mpinġi fil-kwadru titulari tal-Bażilika Elenjana, xogħol tal-pittur bravissmu Malti Francesco Zahra! Eh sieħbi! Id-dawl ta’ dak imelles. Ma jagħmix. Ma jweġġax ir-ras. Għax jiftaħ il-qlub! U, iva, jiftaħ ir-ras għall-verità u mhux bħalma jipprova jagħmel magħna l-għadu tiegħi u tiegħek, li jekk inħalluh jiftħilna tagħna ktieb!

Il-qniepen. Waħda wara l-oħra. Idoqqu. U jindaqqu f’mota ferrieħa ta’ festa. Il-festa tal-qaddisa omm u, kif ippriedka tant tajjeb il-Prepostu Kan. Dun Pawl Vella, fil-paniġierku sabiħ li niseġ, omm il-Kristjanità. Għoġobni dan it-terminu! Għax smajtu għall-ewwel darba idoqq f’widnejja u jirbombja f’qalbi! Forsi l-għaliex mhux Kristjaneżimu hux imma Kristjanità, kif staqsieni xi ħadd? Minix f’moħħ il-Prepostu. Għalhekk ma nistax inwieġeb għalih. Biss lili, din il-mistoqsija, tgħinni nifhem xi ħaġa mportantissma: Santa Liena għexet il-qalba tal-messaġġ: il-ħniena, l-għajnuna, l-imħabba u r-rispett lejn il-fqar u lejn il-ministri ta’ Alla u tal-Knisja u lejn l-ikkonsagrati tal-Mulej. Santa Liena għexet minn qalbha l-frottijiet tal-Ispirtu s-Santu ma’ dawk l-aktar li kienu maħqura f’dawk iż-żminijiet. Għalhekk, tagħha, ma kienx le xi għejxien ta’ tradizzjonijiet u daqshekk. Speċi ta’, għax din nagħmluha għax hemm xi tradizzjoni mwaħħla magħha! Le! Santa Liena kienet il-mara ta’ qalb kbira għall-Mulej. U mhux sempliċiment waħda ta’ qalbha tajba fl-arja. It-tjubija ta’ qalbha kellha direzzjoni: ĠESÙ L-EWWEL U QABEL KOLLOX!

U dan hu li ħabbru l-qniepen ħbieb! Dakinnhar tat-18 t’Awwissu! Dan hu li wasslu fil-mota sabiħa ta’ festa li biha imlew mhux biss l-arja Karkariża imma lid-dinja u lill-univers. Għax proprju din it-tip ta’ arja li għandna bżonn f’pajjiżna u kullimkien. Din l-arja tal-ħniena ta’ Kristu li tissupera kollox! Din l-arja li tibdlilna qalbna u tagħmilna mhux nies tal-muskoli jew li ħadd ma jista’ għalina imma nies li bina Kristu jfejjaq bit-tjubija li toħroġ minn qalbU għalina, ilkoll kemm aħna!

Is-Salib. U hawn waqa’ l-għażż! Aħfruli l-għaliex ħarġet hekk imma ma nistax le ngħidha mod ieħor. U dan ngħidu l-għaliex kemm issir tbatija għalxejn ħbieb meta jkun hemm nuqqas ta’ għarfien! Meta l-Kelma tal-Mulej u lill-Mulej nnifsu, ma nkunux nafuh! Kemm jaħasra nbatu u anki nippriedkaw u nemmnu ħażin. Għax is-Salib mhumiex le l-problemi. Dawk għandhom isem. U, dan l-isem hu tfixkil! Ir-ras iebsa, l-arroganza, is-suppervja, il-qalb tal-bronż, il-ħdura qaddisa u l-bqija, dawk huma xkiel tax-xitan biex, int u jien, bihom jipprova jaqtagħlna qalbna ħalli ma nikkoperawx mal-grazzja tal-Mulej li jrid jagħmilna bħalu, qaddisin! Mela, is-Salib x’inhu? Il-pjan tas-salvazzjoni għalik u għalija. Il-pjan ta’ mħabba mimlija ħniena tal-Mulej li, lili u lilek, terfagħna ‘il fuq ħalli lilna, li ġieli nsibu ruħna f’dawn il-vizzji tal-biża, flimkien ma’ dawk li jippruvaw jaħqruna bil-goff jew bil-pulit, il-Mulej jgħidilna: Kemm jaħasra se ddumu taħlu saħħitkom fil-vendetti, fit-tnassis, fir-riżentimenti u fil-ħażen kontra xulxin? Kemm se ddumu toqtlu lil xulxin billi tpinġu lil xulxin mostri biex tiġġustifikaw ruħkom ħa tissuktaw bil-ħsara kontra xulxin? Kemm? Qumu minn hemm! Minn dak il-ħmieġ tal-ħażen! U ibdew ħobbu lil xulxin billi tressqu lil kull wieħed minnkom lejja ħa nsalvakom! U hekk tgħixu f’għaqda mill-isbaħ miegħi u bejnietkom! Ikbru fil-maħfra ta’ xulxin ħalli jiena nkun nista’ nsalvakom! Tgħid hemm, fil-verità, pjan isbaħ minn dan?

Il-folla tan-nies. F’jum il-festa ta’ Santa Liena l-pjazza ta’ quddiem il-Knisja kienet imdewda bin-nies. Nies li kienu ġejjin minn kull rokna ta’ Gżiritna biex jassistu għall-festa mill-isbaħ. In-nies dejjem nies jibqgħu. Kulħadd bil-mod u l-idejat tiegħu. Niggarantilkom jien li kieku tistaqsi lil kull persuna: Xi tfisser din il-festa għalik? żgur li kull persuna toħroġ b’ħafna tweġibiet differenti. Il-fattur tal-folla tan-nies hi ta’ kuraġġ! L-għaliex, meta hemm messaġġ daqstant sabiħ x’jixxerred u x’jinqasam hemm aktar ċans li dan jinżel ħelu fil-qalb, fil-moħħ u fl-ispirtu ta’ dak u ta’ dik li jkun u li tkun. Mela, jalla aħna, bħala folla tan-nies, minn massa nsiru poplu. Għax, bejnietna, tibda’ issaltan l-imħabba, ir-rispett u l-għożża. Żgur li valuri bħal dawn jagħmlulna ħemel ġid f’ħajjitna personali u dik komunitarja bħala pajjiż wieħed!

Is-sħana. Ħeqq! X’tistenna Patri! Awwissu qiegħdin hux! B’dak l-għaraq nieżel miegħek! Lanqas biss ċans tinħasel ma jtik! Imma bil-mod sieħbi! Ejja ma niġrux! Naħseb, u f’dan il-waqt, aħjar jiena u int niftakru b’umiltà fil-kelma sabiħa u ta’ qawwa li jagħtina San Ġakbu fl-Ittra tiegħu, meta jgħidilna: Hemm xi ħadd għaref u għaqli fostkom? Mela ħa juri bl-imġiba tajba tiegħu, għemilu bi ħlewwa għaqlija. Imma jekk intom għandkom l-għira u l-imrar f’qalbkom u ħsiebkom fil-ġlied, qisu li b’hekk ma tiftaħrux u tigdbu kontra l-verità. Dan m’hux l-għerf li ġej mis-sema, imma l-għerf ta’ din l-art, tal-ġisem u tax-xitan. Għax fejn hemm l-għira u l-ġlied, hemm issib it-taqlib u kull xorta ta’ ħażen (Ġak 3:13-16). Qed tisimgħu sieħbi x’inhu jgħidilna? Ħalliena mela milli nilgħabuha ta’ għorrief! Għax, min hu għaref, żgur li ma jinħelix fis-sħana tal-ġlied, l-imrar u l-għira! Min iħalli lilu nnifsu jitmexxa mis-sħana tal-ħażen jispiċċa egoist, arroganti, supperv, mimli bih innifsu u biered bruda tal-waħ waħ waħx lejn il-Mulej u lejn il-proxxmu!

Għalhekk, irridu niġġieludha din it-tip ta’ sħana! Liema sħana tagħmilna boloħ! Għax tagħmilna suppervi tal-prima klassi! Jiftħilna għajnejna San Ġakbu:

Mnejn hu ġej il-ġlied u t-tilwim bejnietkom? Jaqaw mhux minn dan, mill-passjonijiet li hemm jitqabdu f’ġisimkom? Tixtiequ, u ma ssibu xejn; mbagħad toqtlu, u tgħiru, bla ma tistgħu tieħdu xejn; mbagħad tiġġieldu u titqabdu. Ma għandkom xejn għax ma titolbux. Titolbu, u ma tiksbux, għax titolbu ħażin: titolbu ħa jkollkom xi tberbqu fix-xalar. Nies adulteri! Ma tafux li l-ħbiberija mad-dinja hija l-għadu ta’ Alla? Min mela jrid isir ħabib tad-dinja huwa għadu ta’ Alla. Taħsbu li għalxejn l-Iskrittura tgħid: “L-Ispirtu li jgħammar fina jħobb b’imħabba għajjura”? Hu jagħti grazzja akbar minn hekk: għalhekk l-Iskrittura tgħid li “Alla jieqaf lill-kburi u jagħti l-grazzja lill-umli” (Ġak 4:1-5). Mela għandna bżonn iż-żiffa ħelwa tal-umiltà. Li, fi kliem Santa Fawstina, “m’hi xejn ħlief il-verità” (Djarju, 1502).

Santa Liena. Il-vara. Imma l-vara biss? Jew il-persuna li hemm wara l-vara? U hawn jidħol id-diskors kollu dwar l-ikonografija, għal min iħares lejn il-lvant, jew l-arti statwarja għal min jinkludi din l-arti u jħares b’lenti aktar wiesa’ tal-punent. Għax, meta ħarġet Santa Liena, ma stajtx le ma nħallix il-kliem sabiħ, melliesi u mimli fejqan tas-Salm 131 ifarraġ, iberred, jifdi, iqawwi u jsaħħaħ lil qalbi mis-sħana tal-imrar tal-ħażen:

Mulej, ma tkabbritx qalbi, anqas ma ntrefgħu għajnejja; jien ma ġrejtx wara ħwejjeġ kbar,
jew wara ħwejjeġ ogħla minni. Imma żammejt ruħi fis-skiet u l-mistrieħ, bħal tarbija f’ħoġor ommha; bħal tarbija miftuma, hekk hi ruħi ġewwa fija. (S 131:1-2). Kos hux! Mhux ta’ b’xejn li dan is-Salm jissejjaħ l-Għanja tat-Telgħat li l-pellegrini Lhud kienu jitolbu huma u sejrin f’pellegrinaġġ lejn il-Belt il-qaddisa ta’ Ġerusalemm. U, fil-fatt, hija din it-tip ta’ għanja li jien u int sieħbi, għandna tant bżonn, hekk kif nitilgħu l-għoljiet li toffrilna ħajjitna, aħna u resqin lejn Ġerusalemm tas-Sema! U, biex żgur din ir-rejaltà ma ninsewhiex l-istess Salm jagħlaq b’dawn il-kelmiet: Ittama, Iżrael, fil-Mulej, minn issa u għal dejjem! (S 131:3).

Kos hux! Ittama (u hawn poġġi ismek) fil-Mulej minn issa u għal dejjem! Eżatt mela bħalma għallmittna Lieni oħra, Santa Elena Marija Kowalska: ĠESÙ JIENA NAFDA FIK! Tafu li din it-talba se tkun dik li se takkumpanjani ħajti kollha! U jien, lilek nistiednek tagħmel l-istess! Għax m’hemmx isbaħ milli nkellmuH hekk, dirett! Kif irid Hu! U dan hu li qtajtha li nagħmel minn wara Santa Liena!

Patri Mario Attard OFM Cap

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.