Il-Madonna ta’ Mechelen

Print Friendly, PDF & Email

Ta’ kull sena, fil-Ħadd ta’ qabel il-Festa ta’ Tlugħ is-Sema tal-Mulej, issir waħda mill-eqdem purċissjonijiet fil-Belġju, fil-belt medjevali ta’ Mechelen, fin-Nord ta’ Brussel. Tissejjaħ il-‘Purċissjoni ta’ Hanswijk’. Mechelen hi belt tradizzjonalment Fjamminga li l-abitanti tagħha fuq iż-żewġ naħat tax-xmara Dijle iwasslu sa’ żmien ir-Rumani. Fiha arkitettura medjevali u darba kienet il-kapitali tal-Belġju, taħt Margerita tal-Awstrija. Illum Mechelen hi ċ-ċentru reliġjuż tal-Belġju u s-Sede tal-Arċisqof tal-
Belġju.

DSC0120.jpgL-istorja tal-purċissjoni twassal sas-sena 988 meta bastiment deher ibaħħar fix-xmara Dijle u mat-tagħbija kellu statwa tal-injam tal-Verġni Marija. Qrib ir-raħal ta’ Hanswijk il-bastiment inkalja u wara taħbit għalxejn biex joħorġuh għax-xmara, niżżlu l-istatwa l-art u minnufih il-bastiment iżżerżaq għal ġox-xmara. Kien sinjal li l-Madonna riedet tibqa’ hemm.

Fl-1272 Mechelen kienet imħabbta minn taqlib u wkoll mill-marda tal-pesta. Magħfusin kif kienu għall-aħħar, in-nies ta’ Mechelen irrikorrew lejn il-Verġni Mbierka u ġabu l-istatwa tagħha fil-belt. Meta waqfet il-pesta, huma wiegħdu li kull sena jġorru l-istatwa b’mod sollenni mat-toroq ta’ Mechelen. Id-devozzjoni lejn l-istatwa mirakoluża kibret hekk kif kull sena l-Madonna nġarret mat-toroq tal-belt mill-abitanti rikonoxxenti. Fl-1876 l-istatwa kienet inkurunata f’isem il-Papa; sinjal tat-tagħrif uffiċjali ta’ disa’ sekli ta’ devozzjoni lejn il-Madonna ta’ Hanswijk.

Il-purċissjoni tibda’ kmieni, fit-tlieta ta’ wara nofsinhar, bit-taqtigħ ta’ qalb minħabba x-xita u l-maltemp tant komuni f’dawn in-naħat. Imma darba, inzertajt rajt din il-purċissjoni f’jum ta’ bnazzi, taħt ix-xemx sħuna li sebbħet l-okkażjoni, f’temperatura ta’ 30 grad.

Il-purċissjoni fiha tliet partijiet: l-istorja tar-raħal ta’ Hanswijk, bil-miġja tal-patri Irlandiż Rombout li wasal Mechelen fis-seklu 7 fejn kien milqugħ b’mod kordjali, u l-ġrajja tal-bastiment li ġab l-istatwa; episodji mill-ħajja tal-Madonna; u tagħlaq bil-purċissjoni tas-Sagrament.

DSC0116L-isfilata hi magħmula minn ‘floats’, misjuqin minn żewġt iżwiemel daqshiex, bin-nagħal tagħhom  iħabbtu fuq iċ-ċagħaq ta’ l-art. Il-‘floats’ tal-bidu jirrappreżentaw l-istorja tal-bastiment, imbagħad jgħaddu dawk tat-Tħabbira tal-Anġlu lil Marija, iż-żjara ta’ Marija lil Eliżabetta; it-Twelid ta’ Ġesù, iż-żjara tar-ragħajja u tal-Maġi; il-Preżentazzoni ta’ Ġesù fit-Tempju; Ġesù mitluf fit-Tempju; it-Tieġ ta’ Kana; Ġesù joħrog għall-missjoni tiegħu, jgħallem u jfejjaq; il-Misteru tal-Għid; u Marija Madalena tħabbar lill-Appostli l-Qawmien ta’ Ġesù. Quddiem kull ‘float’ ikun hemm ħafna persunaġġi, tfal u kbar, bi lbies imlewwen u li jiddrammatizzaw l-episodju li jkun.

Tiggosta lil tfal lebsin ta’ anġli jkantaw fl-episodju tat-Twelid ta’ Ġesù, lil San Ġużepp inkwetat jistaqsi lin-nies preżenti jekk rawx lit-tifel tiegħu Ġesù meta dan ‘intilef’; lill-Madonna tfaħħar lill-Mulej bil-Magnificat, u lil Ġesù ħiereġ minn wara l-blata tal-qabar u jinżel fit-triq. Ma’ kull ‘float’ hemm kor, bil-membri lebsin b’kuluri sbieħ u li jirrappreżentaw epoki differenti u allura stili varji ta’ kant.

Din hi purċissjoni devota. Mhijiex biss festival ta’ kuluri, mużika, żfin u attrazzjoni turistika. Fil-fatt hi reklamata b’mod modest ħafna. L-għan prinċipali hu radd il-ħajr għal dak li Marija, bl-istatwa ta’ Hanswijk, għamlet ma’ l-abitanti ta’ Mechelen.

Kollox isir b’kalma u b’serjetà, b’attenzjoni min-nies li tippermetti l-leħen tal-flawt ta’ tfal ċkejknin jista’ jinstema’. L-għadd kbir ta’ żwiemel u ta’ nagħaġ li huma sehem mill-purċissjoni lanqas ma jtellfu minn din is-serjetà.

Ħaġa tassew sabiħa li l-purċissjoni ta’ Mechelen tispiċċa b’ Ġesù Sagramentat, li tixbaħ lil dik ta’ Corpus Domini. Hawn ukoll hu evidenti r-rispett li f’naħat fl-Ewropa fejn is-sekulariżmu jinħass sewwa, min hu nisrani hu nisrani konvint. L-imġiba devota tal-poplu waqt purċissjoni bis-Sagrament hi sinjal tal-fidi fl-Ewkaristija.

Aspett ieħor interessanti hu li f’din il-purċissjoni jagħtu sehem lil diversi kategoriji ta’ nies: m’hemmx età, nazzjonalità, jieħdu sehem bdiewa, studenti u nies għolja fis-soċjetà; imma l-aktar li tolqtok hi l-inklużjoni ta’ nies b’diżabilità, madwar wieħed mill-‘floats’.

Il-purċissjonijiet tagħna f’Malta huma stil ieħor; forsi minn dik ta’ Michelen nistgħu nitgħallmu li l-purċissjonijiet huma kultura li twassal għal qima reliġjuża li tesprimi l-gost taċ-ċelebrazzjoni. Jekk fl-ibliet u fl-iħula Maltin infittxu li l-festi tagħna jwasslu għal ferħ ġenwin u għal għaqda fil-komunità, dawn ma jibqgħux biss ‘folklor’ imma jersqu kemm jista’ jkun lejn l-iskop tad-devozzjoni popolari.

Kitba ta’ Joe Galea

%d bloggers like this: