M’għandux ikun tabù li titkellem fuq il-ħajja li tibda mat-tnissil


Il-Ħadd, 15 ta’ Settembru 2019: Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi fil-Knisja tal-Vitorja, Ħal Qormi fil-festa tal-Vitorja.

L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi – Fil-Knisja tal-Vitorja, Ħal Qormi

Hu interessanti kif fis-silta tal-Evanġelju li għadna kif smajna, li hi s-silta li tiftaħ l-Evanġelju skont San Mattew bil-kelmiet Ktieb in-nisel ta’ Ġesù Kristu, qalb il-ħafna ismijiet li smajna, il-kelma ‘nissel’ (jew ‘nisel’ jew ‘tnissil’) insibuha għal aktar minn 40 darba. F’din is-silta hemm l-istorja tat-tnissil ta’ ġenerazzjonijiet differenti li wasslu fl-aħħar mill-aħħar għat-tnissil ta’ Ġużeppi, ir-raġel ta’ Marija li minnha twieled Ġesù bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.

Hi storja sħiħa ta’ tnissil li turina t-triq li twassal sa qrib Ġesù, bid-differenza li fl-aħħar nett dak li jitwieled – Ġesù – mhuwiex frott ta’ dan il-proċess kollu, li nkunu għadna kif smajna, imma hu frott tal-ħidma tal-Ispirtu s-Santu.

L-insistenza fuq it-tnissil fl-Evanġelju tal-lum jurina li m’għandux ikun tabù, li titkellem fuq il-ħajja li tibda mat-tnissil.

Omm il-ħajja
Għaliex tolqotni din il-kelma ‘tnissil’? Li kif għidt nisimgħuha b’xi forma jew oħra f’din is-silta għal aktar minn 40 darba. Għaliex naraha ta’ valur speċjalment din is-silta li naqrawha llum meta qed niċċelebraw it-twelid tal-Verġni Mqaddsa Marija? Kif nafu, it-tnissil mhuwiex it-twelid. It-twelid iseħħ xhur wara t-tnissil, u hu għalhekk li fil-fatt niċċelebraw is-solennità tat-twelid ta’ Marija fit-8 ta’ Settembru, disa’ xhur eżatt wara s-solennità tat-tnissil tagħha, l-Immakulata Kunċizzjoni.

L-insistenza fuq it-tnissil fl-Evanġelju tal-lum jurina li m’għandux ikun, kelma li jużawha ħafna llum – tabù, li titkellem fuq il-ħajja li tibda mat-tnissil. Kultant issib minn qisu jibża’ jgħidha din, jew min irid iwarrabha fil-ġenb, imma l-Evanġelju jfakkarna għal aktar minn 40 darba li m’għandniex nibżgħu ngħiduha.

X’messaġġ hu dan għalina llum? Li mill-Immakulata Kunċizzjoni – jiġifieri t-tnissil ta’ Marija – għat-Twelid ta’ Marija li l-festa niċċelebrawha fit-8 ta’ Settembru, illum qed niċċelebrawha b’solennità f’din il-knisja; hemm mixja ta’ ħajja. Fit-twelid ta’ Marija dehret fid-dinja din it-tarbija, imma l-ħajja tagħha bdiet xhur qabel fit-tnissil tagħha.

Għalhekk l-Evanġelju tal-lum hu qabel xejn innu tal-ħajja. Bl-enfasi tiegħu fuq it-tnissil ifakkarna li t-tnissil hu l-bidu tal-ħajja umana, u li l-ħajja umana li nilqgħuha fit-twelid hi għażiża mill-mument li titnissel għax dak huwa l-ewwel waqt tagħha.

Il-festa tal-lum tfakkarna fit-twelid ta’ din l-Omm li minnha mbagħad twieled Ġesù s-Salvatur tagħna. It-twelid hu esperjenza ta’ ċelebrazzjoni, ta’ ferħ – kif tista’ tgħid il-familja ta’ Mariah li qiegħda hawnhekk magħna – u għalhekk aħna nfakkru t-twelid ta’ Marija bil-ferħ kif għedna flimkien fis-salm “Nifraħ b’ferħ kbir fil-Mulej!” Nifirħu b’din Omm il-ħajja, li magħha hemm marbuta l-għożża tal-ħajja.

Il-Knisja f’Malta dejjem tfakkar b’għożża din il-protezzjoni ta’ Marija fil-mument tal-prova. Marija għalhekk tfisser rebħa, u Marija tfisser ir-rebħa tal-ħajja.

Il-Vitorja
F’Malta din il-festa hi okkażjoni ta’ ferħ speċjali għax hemm rabta kbira ta’ din il-festa, jiġifieri t-twelid ta’ Marija mal-istorja ta’ pajjiżna. Għalhekk fil-fatt minn din is-sena, wara talba tal-Isqfijiet, il-festa tal-Vitorja ġiet iċċelebrata bħala solennità – jiġifieri tgħodd mal-akbar festi fil-ħajja tal-Knisja.

Aħna nsejħulha l-Vitorja għax tfakkarna fir-rebħa li għamlet Malta fl-Assedju l-Kbir tal-1565 kif ukoll fl-assedju fit-Tieni Gwerra Dinjija wara li kien hemm talb ħerqan lil Ommna Marija. Kienet essenzjalment ir-rebħa tal-ħajja fuq il-mewt u fuq it-theddida tal-mewt.

Il-Knisja f’Malta dejjem tfakkar b’għożża din il-protezzjoni ta’ Marija fil-mument tal-prova. Marija għalhekk tfisser rebħa, u Marija tfisser ir-rebħa tal-ħajja. Hi dik l-Omm speċjali li tana Ġesù biex tipproteġina, imma wkoll biex turina kif ħajjitna ngħixuha tassew b’mod sabiħ u nkunu rebbieħa. Għalhekk il-Vitorja hija l-omm li tipproteġina u hija l-omm li turina kif ħajjitna tkun tassew ħajja ta’ rebħa.

Kull meta nħarsu lejn Marija, aħna narawha omm rebbieħa. Mhux biss għax hi l-omm li tidħol għalina, imma wkoll għax hi l-omm li turina kif għandna ngħixu biex ħajjitna tkun tassew rebbieħa. Jekk f’Marija naraw ir-rabta mar-rieda ta’ Alla – l-umiltà, il-ġenerożità, il-qadi tal-oħrajn, il-maħfra, il-fedeltà – hi tfakkarna li dawn huma dejjem rebbieħa, ukoll meta tiltaqa’ ma’ tbatija u tfixkil għax tgħix bħalha.

Nitolbu ’l Marija li tgħinna niskopru dejjem aktar it-triq rebbieħa fil-ħajja tagħna billi ngħixu dawk il-valuri li għexet hi

Kultant jista’ jgħaddilna l-ħsieb, anki influwenzati minn nies oħra, li r-rebħa f’ħajjitna hi meta nfittxu lilna nfusna, meta nkunu komdi aħna, meta nagħmlu li jaqblilna, meta jirnexxilna npattuha lil min jagħmlilna d-deni, meta l-oħrajn jaqduna, meta ta’ madwarna japprovaw dak li aħna nagħmlu. Marija tfakkarna li mhuwiex hekk. Hi turina li r-rebħa vera mhijiex għax l-oħrajn jaqblu magħna, jew għax aħna magħhom, mhijiex għax l-oħrajn japprovaw dak li nkunu qed nagħmlu. Ir-rebħa ma tiddependix fuq il-kunsens tal-oħrajn imma fuq it-tajjeb li minnu nnifsu hu rebbieħ. Kull darba li nagħżlu t-triq ta’ Marija qed nagħżlu t-triq rebbieħa.

Nistedinkom għalhekk biex illum, f’din il-festa għażiża tal-Vitorja f’din il-knisja ddedikata lilha, lil Marija nagħmlulha dawn iż-żewġ talbiet speċjali:

Nixtieq nagħmilhom proprju fil-quddiesa tal-lum u nistedinkom biex flimkien nagħmlu dawn iż-żewġ talbiet lil Marija. L-ewwel nett, nitolbuha li aħna li qed niċċelebraw it-twelid tagħha ngħożżu dejjem il-ħajja u ngħożżuha mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha, u f’kull waqt tagħha.

It-tieni, nitolbuha ’l Marija, li hi tgħinna niskopru dejjem aktar it-triq rebbieħa fil-ħajja tagħna billi ngħixu dawk il-valuri li għexet hi, u nkunu konvinti li din hi r-rebħa vera li tagħmlilna ħajjitna ħafna isbaħ u twassalna mbagħad għar-rebħa finali magħha fis-sema.

Nitolbu lil Marija tidħol għalina, hi li hi omm il-ħajja u li hi omm rebbieħa.

✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju

Sors: www.knisja.mt
Ritratti: www.knisja.mt/ritratti