Faraġ matul it-triq


Il-faraġ! X’kelma din! Kelma li, fil-vokabularju tallum, għalkemm ma tantx insemmuha, iżda, l-espressjonijiet fuq l-uċuħ, aqta’ kemm qed jitkarrbu għaliha!

Il-faraġ! U l-għaliex il-faraġ? Għax ninsabu mdejqin. Imtaqqlin. Magħfusin. Nazzarda ngħid, minn kull naħa. Imma l-għaliex għandi “nażżarda” ngħidha kelma bħal din? Wara kollox, l-inkwiet, l-għali, li jaf l-oriġini tiegħu mill-ħażen, li beda minn xi mkien sakemm sabna fejn qiegħdin illum, huwa arroganti. Ma jaħfirhiex! Għax hu invażiv! U ma jafx joqgħod bi kwietu!

U allura, jekk il-ħażen hu daqshekk ħażin li jilgħabha li l-brejkijiet ma jafx li jeżiżtu, u allura jiġġustifika ruħu li ma jżommhomx, għalfejn int u jien għandna nistħu nagħfsulu dawn il-brejkijiet? Billi nfarrġu?

Fi tweet li kien bagħat nhar l-4 ta’ Lulju 2019 Papa Franġisku kiteb hekk: Permezz tal-attenzjoni lejn iż-żgħar u l-fqar intom tistgħu tqabbdu kwiekeb billejl għal dawk li qed ibatu. Hemm hu l-faraġ ħbieb! L-attenzjoni diżinteressata tagħna lejn iż-żgħar u l-fqar! L-attenzjoni mimlija mħabba u kura lejn l-imwarrbin! L-attenzjoni mimlija ħlewwa u sabar lejn dawk li isimhom donnu mhu xi ħaġa sabiħa xejn! Hu għalhekk mela li isimhom ma jissemmix!

Il-Bibbja titħaddet ħafna fuq il-faraġ. U fuq l-importanza li nfarrġu lil xulxin. Il-faraġ hu meta persuna tipprova tikkonsla lil xi ħadd li jkun għaddej minn żmien ta’ niket. Il-kelma faraġ għandha ħafna kliem li jfissruha fl-ilsna Bibbliċi. Hekk, ngħidu aħna, il-kelma Lhudija għal faraġ hi נֶחָמָה (nechamah). Imbagħad, fl-ilsien Grieg, insibu l-kelma παράκλησις (paraklésis).

Fis-Salm 77 is-salmista jfittex bil-qawwa kollha lill-Mulej biex jfarrġu fid-dwejjaq kollha tiegħu. Jgħidilna dan is-Salm sabiħ: B’leħen qawwi ‘l Alla nsejjaħ, nsejjaħ ‘l Alla biex jismagħni. Fid-diqa tiegħi lil Sidi nfittex; ma negħjiex billejl nerfa’ idi u nitlob; ma tridx taf b’faraġ qalbi (S 77:2-3). U, dan il-faraġ, jagħmel ħafna sens u hu bil-wisq meħtieġ, proprju minħabba l-kundizzjoni daqshekk ta’ niket tal-persuna li tkun qed iġġarrab in-niket. Jgħidilna l-Profeta Iżaija: Għalhekk għedt: ‘Warrbu ħarstkom minni, ħa nibki bl-imrar li għandi; tfittxux li tfarrġuni għall-qerda ta’ bint il-poplu tiegħi’ (Is 22:4). Aktar u aktar meta l-persuna tkun fi stat ta’ ansjetà mill-akbar. Hekk jgħidilna Salm 94: Meta joktor l-hemm ġo qalbi, il-faraġ tiegħek ihennili ruħi (Salm 94:19).

Hi ħasra li, fil-ġrajja siekta ta’ kuljum tagħna l-bnedmin, mhux l-ewwel darba li ssib persuni li, għal xi raġuni jew oħra, ma jkunux iridu li jiġu mfarrġa. Il-Kelma ta’ Alla dan il-fatt turiehulna bħall-abjad fuq l-iswed kemm fil-Ktieb tal-Ġenesi u kif ukoll f’dak ta’ Ġeremija. Fil-ġrajja ta’ meta Iżrael uliedu wassluh biex jemmen l-aħbar li ibnu Ġużeppi, il-ħalliem, kienet qatlitu bhima selvaġġa kiefra (Ġen 37:33), ir-rejazzjoni tiegħu kienet waħda ta’ rifjut totali għall-faraġ li riedu jfarrġuh uliedu stess. U wliedu, subjien u bniet, qamu biex ifarrġuh, imma hu ma riedx jaf b’faraġ, u qal: “Mnikket sa ninżel taħt l-art ħdejn ibni.” U missieru bkieh! (Ġen 37:35). Filwaqt li f’Ġeremija 31 insibu hekk: Dan jgħid il-Mulej; “Nstama’ leħen f’Rama, lfiq u biki kollu mrar, Rakel titbekka għal uliedha, ma tridx taf b’sabar, għax iżjed m’humiex” (Ġen 31:15). Liema profezija l-Knisja taqra fil-festa tal-martri innoċenti nhar it-28 ta’ Diċembru ta’ kull sena.

Il-Bibbja tissokta tniżżlilna saqajna mal-art rigward il-faraġ. Fil-fatt, issemmilna għal għadd ta’ drabi l-fatt li Ġerusalemm, fil-ħerba tagħha, ma sabet lil ħadd biex ifarraġha. Billejl tibki biki tad-demm, dmugħha jġelben ma’ ħaddejha. Lil ħadd m’għandha jfarraġha, minn fost l-egħżeż tagħha; ħbiebha ttradewha, u sarulha għedewwa (Lam 1:2). U seba’ versi ‘l isfel nerġgħu nsibu l-istess kliem dwar din il-belt imkissra u mkagħbra sewwa mill-għedewwa: It-tinġis ma’ djulha, ma ħasbet qatt fi tmiemha. Għalhekk waqgħetha tgħaġġbek, ħadd m’għandha min isalvaha. “Ħares, Mulej, lejn il-miżerja tiegħi, għax l-għadu għelibni” (Lam 1:9). L-imsejkna Ġerusalemm li nistgħu nxebbħuha ma’ Ninwè. U jiġri mbagħad li min iħares lejk jitwarrab minnek, u jgħid: “Ninwè meqruda! Min se jitħassarha? Mnejn infittxilha, min iħenn għaliha?” (Naħ 3:7).

U biex wieħed jista’ jikkonsla lil xi ħadd? Billi wieħed iżur lill-imnikket jew jiktiblu xi ittra (ara 2 Sam 10:1-2). Billi, min jikkonsla, joffri ikel u xorb (ara Ġer 16:7). Inkella għajnuna finanzjarja (ara Ġob 42:11). Il-Bibbja tifħtilna moħħna li faraġ mhux għaqli jagħmel aktar ħsara milli ġid. Eżempju ċar ta’ dan huma l-ħbieb ta’ Ġob li jippruvaw ifarrġuh f’Ġob 2:11. Lil ħbiebu Elifaż minn Teman, Bildad minn Suħa u Sofar minn Nagħma (Ġob 2:11), Ġob isejħilhom farraġa msejkna intom ilkoll (Ġob 16:2). Dan l-għaliex il-“faraġ” tagħhom ma qallu xejn ġdid. Tant li qalilhom: Ħwejjeġ bħal dawn ili ħafna nisma’ (Ġob 16:2).

Dan kollu jurina li hu l-Mulej li, fl-aħħar mill-aħħar, ineħħi n-niket tagħna. Kif jgħidilna Salm 23: Mqar jekk nimxi f’wied mudlam, ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi. Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek, huma jwennsuni (S 23:4). Dan Alla li jfarraġna b’KelmtU li tgħidilna: Kull ma nkiteb fl-Iskrittura fl-imgħoddi, nkiteb għat-tagħlim tagħna, biex is-sabar u bil-faraġ li tagħtina l-Iskrittura, aħna jkollna tama (Rum 15:4). U bl-Ispirtu s-Santu, l-Ispirtu ta’ Ġesù, li biH, Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, Missier il-ħniena u Alla ta’ kull faraġ… jfarraġna fil-hemm kollu tagħna, biex aħna, permezz tal-faraġ li bih Alla jfarraġ lilna, nkunu nistgħu nfarrġu lil dawk kollha li jinsabu f’kull xorta ta’ hemm (2 Kor 1:3-4).

Dan hu aktar għandkom issibuħ fi ktieb li l-Ispirtu s-Santu tani grazzja nippubblika dan l-aħħar bit-titlu Faraġ matul it-triq.

Patri Mario Attard OFM Cap

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.