Vanġelu: Luqa jkompli jirrakkonta l-ġrajjiet ta’ Ġesu fi triqtu mill-Ġudeja sa Ġerusalemm. Ġeriko hija l-belt tal-palm u magħrufa ħafna għal-pjanta li minnha kienu jieħdu l-balzmu. Kienet sinjura mħabba l-kummerċ mal-Eġittu u mal-bliet tal-Mediterran. Il-Lhud sinjuri kellhom il-villa tax-xitwa hemm. In-nies ta’ Ġeriko kienu jiksru d-drawwiet ta’ missirijiethom u moħħhom fix-xalar: bil-maqlub ta’ Ġerusalemm, il-belt tat-talb.
- Hu u dieħel Ġeriko, Ġesu’ jfejjaq lill-għama. Jidħol fil-belt u nsibu ‘l Żakkew li xtaq jara wiċċ Ġesu’, wiċċ Alla. Għax Alla jrid juri wiċċu lilna permezz ta’ Ġesu’. Żakkaj tfisser pur. In-nies jaraw fih ħalliel. Imma l-ewwel kelma li jlissen Ġesu’ hija: “Żakkaj!”, pur. In-nies jaraw l-iswed biss, imma Alla jara t-tajjeb tal-bniedem. Żakkew kien pubblikan, anzi kap, mela arċiħalliel. Il-pubblikani kienu jagħmlu wkoll dnub kbir għax kienu jieħdu ġurament għall-imperatur u joffru sagrifiċċju pagan lill-ispirtu tal-imperatur (li kienu jqisuh alla). Żakkew akkumula rikkezzi kbar għall-poter, u biex jidher. Illum ħafna jagħmlu l-istess. Imma dawn kuntenti? Inkun naf hux hekk minn kif iġibu ruħhom. Għandhom kollox imma jiġru wara dik ix-xi ħaġa li ma jafux x’inhi. Żakkew ukoll. Għalhekk ifittex min kien Ġesu’. Min jaf kemm kien jiekol tajjeb, imma kien jonqsu l-ikel li jmantnieh verament: ġuħ u għatx għall-ferħ sinċier u paċi nterjuri. Jekk aħna ngħaddu minn din l-esperjenza ara li ma noħonquhiex, għax Alla ħalaqna tajbin għax ħalaqna għalih. Din l-inkwetudni (uneasiness) huwa sentiment nobbli u prezzjuż li jinbuttana biex infittxu l-unika ikel u xorb li jaqtagħlna l-ġuħ. Żakkew ried jara ‘l Ġesu’ għax kellu tama qawwija li Ġesu’ se jgħinu joħroġ min-nassa li kien daħal fiha u li kienet qed toħloqlu ansjeta kbira. Żgur li kien sema’ kif Ġesu’ kien jitkellem fuq is-sinjuri (żagħżugħ għani, Epuluni u l-bidwi li kellu ħsad abbundanti): “X’ jiswielu l-bniedem li jakkwista d-dinja kollha..” Żgur li sema’ wkoll li Ġesu kien ħabib tal-pubblikani. Żakkew qatagħha li Ġesu biss seta’ jfejqu mill-ansjeta’. Il-folla ma kinux qed jaraw lil Ġesu kif tassew hu. Biex jarah sew, Żakkew kellu jinqata’ minn mal-folla. Forsi aħna wkoll irridu niddistakkaw ruħna mill-mod kif il-folla taħseb fuq Ġesu biex ma nħallux dil-folla tħawwadna. Żakkew qasir, l-oħrajn twal. Jekk aħna t-twal nieħdu l-Vanġelu for granted inkunu bħalhom. Min jiċċekken biss jinduna li għandu bżonn iħares lejn Ġesu minn lenti differenti, minn perspettiva ġdida u friska. Allura jitla’ fuq siġra tal-ġummajs biex minn hemm jikkontempla l-wiċċ awtentiku ta’ Ġesu. Jekk għalkemm ngħix ħajja tajba għad m’għandix risposti għall-ħafna mistoqsijiet fuq Ġesu, għandi bżonn nitla’ fuq ġummajsa.
- Ġesu kien imdawwar mid-dixxipli li kienu qed jgħattuh minn dawk li mexjin fit-triq. Anki llum jista’ jiġri li d-dixxipli tal-lum (i.e. nies li suppost huma viċin ta’ Ġesu) jaħbulna l-wiċċ awtentiku ta’ Ġesu bl-eżempju ħażin u n-nuqqasijiet tagħhom. Kieku Żakkew skandalizza ruħu bid-dixxipli u telaq lejn id-dar ma kienx jakkwista l-ferħ. Il-ġummajsa għandha ħafna weraq. Żakkew seta’ jara bla ma jarawh. Aħna rridu nfittxu dik il-ġummajsa – li tista’ tkun xi ħadd li jfehmna passaġġ mill-Bibbja b’mod frisk u ħaj, persuna spiritwalment matura li nikkonsultaw biex naraw dan il-wiċċ awtentiku ta’ Kristu u jtina risposti għad-domandi jaħarqu li jkollna. “Ġesu għolla għajnejh” – i.e. fil-baxx iħares ‘il fuq. Diffiċli taċċetta li Alla mhux “hemm fuq” u aħna hawn isfel. Alla permezz ta’ Ġesu jitbaxxa biex iservi lilna. (L-adultera wieqfa u Ġesu fl-art jikteb fit-trab). Ġesu jintebaħ l-ewwel b’Żakkew moħbi imħabba il-mistħija. Aħna wkoll nistħu quddiem Alla imħabba dnubietna imma Alla xorta jarana sbieħ. Jekk ikollna tebgħa żgħira f’libsa aħna nħarsu biss lejha. Alla jħares biss lejn il-libsa sabiħa. Ġesu jistieden lil Żakkew – l-għan aħħari ta’ Ġesu kien biex Żakkew jibda jqim lil Alla veru. Ma jgħidlux “Ej, int..” imma “Żakkaj” għax Alla jafna b’isimna. “Isa, ħaffef.” Naraw din l-għaġla, l-urġenza biex jaqta’ xewqet Żakkew li jsir jaf lil Ġesu. Bħal namrati – seba’ mitt sena biex jiltaqgħu. U kif jinfirdu għal ftit, sms’s, facebook.eċċ. Ma qallux, “l-ewwel mur qerr” imma, “jiħtieġli niġi għandek” għax Ġesu ħabbu kif inhu. ILLUM.
- Ġesu ma jqisx il-bieraħ, kif nagħmlu aħna nimmormraw fuq il-passat. “Jiħtieġli” mhux “min jaf kieku”. Ġesu hu Alla li jħobb (innamorato) lil bniedem kif inhu, l-aktar dak li mhux ferħan. Għal dawn Alla jiħtieġlu (għandu bżonn) ikun magħhom. Għandna ħafna bżonn nassimilaw dan il-wiċċ t’Alla. Żakkew jinżel malajr u jistiednu għandu. Ninnutaw il-verbi ta’ moviment f’dis-silta: Ġesu daħal Ġeriko, qasam il-belt, Żakkew ġera ‘l quddiem, telgħa u niżel mis-siġra, jimxi ma’ Ġesu lejn id-dar. Hawn Ġesu jistrieħ u jħossu at home. Min jilqa’ l-kelma ta’ Ġesu se jħossu ferħan. Xi wħud jaħsbu li jekk iħallu dil-kelma tidħol f’qalbhom se tisirqilhom il-ferħ. Fil-fatt jiġri l-kontra. Kulħadd, anki l-appostli, gergru u skandalizzaw ruħhom għax daħal f’dar wieħed midneb. Għax kienu tgħallmu li Alla jħobb it-tajbin u joqgħod ‘il bogħod mill-ħżiena. Ma setgħux iniżżluha li Alla jħobb il-midinbin. Aħna mhux ukoll tgħallimna li Alla jippremja t-tajbin u jikkastiga l-ħżiena? Imma Ġesu ried jurihom wiċċ Alla kif tassew hu – Missier ħanin. Jekk inkomplu nqimu alla li ħlaqna u ffurmajna aħna f’moħħna, dan hu idolu u mhux Alla veru. “Jiena ġejt għal min hu marid.”
- Għand Żakkew kulħadd ferħan, u barra (it-tajbin?) kulħadd imdejjaq. Żakkew wieqaf: għax min jilqa’l-Vanġelu, jerġa’ jqum fuq saqajh. Żakkew għoġbu Alla bħal dan, li qatt ma ċanfru għal-dnubietu, u li qatt m’hu se jsemmihomlu. Dawk ta’ barra le’ – jibqgħu bil-geddum. Imma Ġesu sodisfatt li kemm Żakkew u kemm l-oħrajn fehmu l-messaġġ tiegħu fuq il-wiċċ awtentiku t’Alla. Żakkew jieħu l-atteġjament tan-namrati: “Jien lilu nħobb, lilu rrid u ma jimpurtanix x’se jgħidu n-nies. Nagħti nofs ġidi lill-fqar” – qabel għal Żakkew dawn kienu nies li jisfrutta. Issa nfetħulu għajnejh u għarafhom ta’ li huma. Intebaħ li l-ġid li kellu mhux tiegħu, imma misluf minn Alla biex hu jaqsmu b’mod xieraq ma’ ħutu l-bnedmin l-aktar dawk fil-bżonn. Meta naqsmu l-ġid tagħna mal-foqra, dawn se jixhdu favurina quddiem Alla. “F’din id-dar waslet is-salvazzjoni” – mhux il-Ġenna, imma li naraw sew li ngħixu ħajjitna hawn, minn issa, fil-ferħ skond Ġesu’.
lachiesa.it / liturgia /domenica (data) / omelie /fr fernando armellini