Inklussività tfisser ukoll akkoljenza tal-ġenju moħbi fis-sensibbiltà kbira ta’ persuni bl-awtiżmu

L-Erbgħa, 30 ta’ Ottubru 2019: L-inawgurazzjoni mill-Arċisqof Chares J. Scicluna ta’ proġett ġdid fil-Mużew tal-Katidral tal-Imdina li permezz tiegħu l-mużew issa huwa ‘autism friendly’. Dan huwa l‑ewwel proġett tax‑xorta tiegħu f’Malta li sar bil‑għan li l‑mużew ikun aċċessibbli għal persuni bl‑awtiżmu.

D5W_3951 301019122811
30/10/2019 12:28:11 Imdina

L‑Arċisqof u l‑Ministru għall‑Edukazzjoni Evarist Bartolo indirizzaw il‑konferenza tal‑aħbarijiet u qassmu ċ-ċertifikati lill-impjegati li ngħataw it-taħriġ meħtieġ biex jassistu aħjar lil persuni bl-awtiżmu. Tħabbar ukoll li l-mużew ser ikun miftuħ għall-ħinijiet itwal f’ġranet partikolari speċifikament għal dawn il-viżitaturi.

Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
L-ewwel nett nixtieq insellem lill-personalitajiet distinti, b’mod speċjali lilek onorevoli Ministru Bartolo, nirringrazzjawk tal-preżenza tiegħek hawnhekk. Nixtieq nirringrazzja ħafna lill-istaff ta’ dan il-Mużew tal-Katidral.

Inħossni onorat li qed nitkellem ukoll fil-preżenza ta’ Mons. Ġwann Azzopardi, verament benefattur kbir ta’ dan l-imkien, li huwa b’xi mod depożitu tas-sbuħija u tal-patrimonju kbir tal-Gżejjer Maltin. U għalhekk huwa wkoll ta’ privileġġ għalija li nkun preżenti waqt li l-Mużew qed jagħmel pass importanti fl-aċċessibbiltà tiegħu.

Illum mhux biss irridu nifhmu l-aċċessibbiltà bħala kwistjoni fiżika imma wkoll bħala kunċett ta’ aċċessibbiltà psikoloġika, li persuna li għandha sensibbiltajiet differenti tħossha milqugħa u tkun ispirata minn din is-sbuħija. Fil-kuntatti tiegħi ma’ persuni bl-awtiżmu rrealizzajt is-sensibbiltajiet tagħhom fil-qasam tal-mużika, tal-arti u anke tal-matematika ħafna drabi. Dawn huma rifless tal-ġenju uman.

B’din l-esperjenza f’dan il-mużew, nawguraw li ħutna li għandhom din l-esperjenza ta’ perċezzjoni kważi differenti tar-realtà, minn din is-sbuħija kollha li hawn hawnhekk jiġu stimulati biex jagħtu kontribut ukoll li jibqa’. Mhux biss allura li nkunu inklussivi imma li aħna jkollna l-kuraġġ u l-ġenerożità nilqgħu dak kollu li huma kapaċi joffru. Għalhekk l-inklussività tfisser ukoll akkoljenza tal-ġenju moħbi fis-sensibbiltà kbira ta’ dawn in-nies.

Illum mhux biss irridu nifhmu l-aċċessibbiltà bħala kwistjoni fiżika imma wkoll bħala kunċett ta’ aċċessibbiltà psikoloġika

Jien inħossni onorat ninawgura din il-ħidma, filwaqt li nirringrazzja lil kull min ħadem biex din issir realtà. Ovvjament faċilment tinawgura da nil-proġett, il-manutenzjoni issa f’idejkom, Mons. Edgar Vella. Jien nimmaġina li importanti ħafna li, anki f’dawn l-orarji speċjalizzati, ma’ dawn il-persuni u l-familji tagħhom noħolqu ambjent fejn they feel at home u jieħdu pjaċir jerġgħu jiġu.

Nixtieq nirringrazzja wkoll lill-kunsilli lokali li ġa impenjaw ruħhom li jippromwovu din l-inizjattiva. Hemm kunsilli oħrajn li l-istedina tagħna hi li huma wkoll jipparteċipaw biex jippromwovu din l-esperjenza. Nixtieq ukoll nagħlaq billi nirringrazzja lil kull min jafda patrimonju prezzjuż f’idejn il-Mużew tal-Katidral, u f’isem il-Knisja wkoll nimpenja ruħi li mhux biss inżommuh għall-ġenerazzjonijiet futuri imma nippromwovuh ukoll bħala ġojjell ta’ dak li jagħmilna Maltin u parti minn dak li propju aħna.

Nirringrazzjakom ħafna u nberikkom!

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Sors: www.knisja.mt
Ritratti: www.knisja.mt/ritratti

Leave a Reply