Inħossu mal-Knisja


Kitba ta’ Joe Galea

Kulmeta jsir survey u jkun magħruf li naqset l-attendenza għall-Quddies tal-weekend, fil-ġranet ta’ wara jsir studju u analiżi dwar x’inhuma r-raġunijiet. Jissemma’ li l-omelija ħafna drabi tkun twila u ma tkunx relevanti għan-nies tal-lum u li mhemmx ġdid x’nisimgħu. Inġibu raġunijiet oħra, bħal li wara ġimgħa taħbit irridu nieħdu l-mistrieħ tagħna u allura ma nsibux ħin għall-knisja. Nintilfu f’ħafna argumenti u xi setturi tal-midja jixxalaw fuq ir-riżultat tas-survey u jsaħħnu l-qiegħa billi jqanqlu dibattitu billi jafu kemm dan jogħġob lin-nies. U ma naslu mkien, għax nibqgħu kif konna.

Forsi jkun tajjeb kieku jintervistaw lit-tifel ta’ din l-istorja. Dan it-tifel żgħir wasal id-dar. Kien ġie lura mill-knisja, fejn sema’ l-Quddiesa tal-Ħadd. Il-papa’ tiegħu, li xejn ma kien midħla tal-Knisja, staqsih:

“Inti għalfejn tmur għall-Quddies; daqs kemm tkun twila?”

U t-tifel wieġbu: “Veru, papà,… u l-qassis nesa’ t-tliet affarijiet li jrid ikun hemm fil-priedka tal-Quddiesa.” (U ta’ tifel li kien qallu tliet affarijiet li jfissru l-istess:) ”Il-priedka trid tkun qasira, bi kliem ftit u mhux twila ħafna!’

Missieru ħatfu fil-kelma għax ħaseb li wasal fejn ried, u qallu: “Mela għalfejn tmur għall-Quddies?”

“O, papà,” wieġbu t-tifel, “jiena mmur il-Quddies għax Ġesu’ jieħu pjaċir!”

Din hi l-kwestjoni kollha. Aħna tassew inħobbuh lil Ġesu? Għandna l-Knisja għal qalbna? Naraw fil-Papa dak li qed jirrappreżenta lil Ġesù? Għax kollox jiddependi jekk inħobbux jew le. Niftakru x’qal  Ġesu’ iż-żagħżugħ għani: “Ħobb ‘l Alla b’qalbek kollha, b’ruħhek kollha u b’moħħok kollu”. Hekk għamel huwa stess, li qiegħed ir-rieda tiegħu kompletament għar-rieda tal-Missier. L-imħabba lejn Alla ħadet il-forma ta’ mħabba lejn Alla bħala t-tieni persuna tat-Trinita’, lejn Ġesu’. U Ġesu’ ħallielna l-Knisja tiegħu. Dan iġibna biex issa l-imħabba lejn Alla nuruha lejn il-Knisja. U fiha sens li nħobbu lill-Knisja, li nħobbuha bħala ommna.

pic1.jpgIl-Knisja hi aħna

Għax il-Knisja għandha karattru komunitarju, ta’ “aħna”. Il-Knisja mhix “xi ħaġa” ta’ “x’imkien”, imma hija aħna, li nibnuha. Veru li ħadd ma jista’ jgħid: “Jien il-Knisja”, imma jista’ jgħid “Aħna l-Knisja.” Iva, il-Knisja hi aħna u aħna tal-Knisja! Aħna tal-Knisja mhux għax niffrekwentaw, regolarment il-knisja, imma qabel kollox, għax aħna mgħammdin: “Wieħed isir membru ta’ dan il-poplu (il-poplu ta’ Alla) mhux bi twelid skond il-ġisem, imma bi twelid ‘mill-ġdid’, mill-ilma u l-Ispirtu s-Santu (Ġw 3, 3-5), jiġifieri bil-fidi fi Kristu u bil-Magħmudija” (Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, n. 782). Jekk inħossu mal-Knisja, irridu li din tkompli bil-missjoni tagħha.

Għal dan jeħtieġ li jkollna s-Saċerdoti, u rridu ngħinu għall-vokazzjonijiet. Il-Papa Benedittu darba ltaqa’ ma’ Kappillan fil-Ġermanja li rrakkuntalu kif għal ħafna snin ma kien hemm ħadd li sar Saċerdot fil-komunita’ tiegħu. X’jagħmel? Għax il-vokazzjoni mhix ħaġa tal-bnedmin. Alla jagħmilha. Imma se nibqgħu hekk, ma nagħmlu xejn? Iddeċieda li kull sena jmur, f’pellegrinaġġ twil u ta’ tbatija, lejn Santwarju tal-Madonna b’talb b’din l-intenzjoni. Sena wara oħra, żdiedu dawk li jieħdu sehem. Imma sena minnhom, fl-aħħar, setgħu jiffesteġġjaw l-ewwel Quddiesa ta’ Saċerdot novell, għall-ewwel darba sakemm jiftakru, mill-komunita’ tagħhom.

Hi ħasra li ħafna mgħammdin ma jgħixux din ir-realtà ta’ Knisja-Omm. Għal dawk li ma jippruvawx jidħlu f’dan il-misteru tal-għaġeb, huma jħossuhom ’il bogħod minn ommhom il-Knisja; huma jħarsu lejn il-Knisja bħala xi istituzzjoni ’l-barra minnhom; jirraġunaw ‘huma u aħna’. Huma jimxu għal rashom u l-Knisja miexja għal rasha. Dawn l-insara jgħixu aljenati “imħawlin fid-dinja bħall-ħaxix tal-baħar fuq il-blat” (Klement ta’ Lixandra, Protrepticos). Fi stat bħal dan, jitilfu s-sens tar-rabtiet li suppost għandhom bħal dik fil-komunità tal-familja, tas-soċjetà umana, tal-Knisja.

Aħna membri tal-Knisja li hi ommna u għandna nħossuha bħala tali. M’hemmx mod ieħor kif tkun nisrani fis-sens sħiħ tal-kelma. “Min għandu xewqa bħal din (li jkun tal-Knisja) ma jsibhiex biżżejjed li jkun lejali u ubbidjenti (lejn il-Knisja), li jagħmel eżattament dak li titlob il-professjoni tal-fidi Kattolika. Bniedem bħal dan ikun iħobb is-sbuħija tad-Dar ta’ Alla; il-Knisja tkun serqitlu qalbu. Hi art twelidu spiritwalment, ‘ommu u ħutu’, u xejn li jikkonċerna lilha ma jħallih indifferenti jew maqtugħ għal rasu. Iħawwel lilu nnifsu fil-ħamrija tagħha, jieħu l-għamla tagħha, u jagħmel lilu nnifsu ħaġa waħda ma’ l-esperjenza tagħha” (Henri De Lubac).

Il-bniedem tal-Knisja jħoss mal-Knisja

Meta nagħrfu dan kollu u napprezzawh, nibdew inħossu mal-Knisja. Ma jistax ikun li nqisu l-Knisja bħala ommna u ma nbatux, ma nifirħux, ma nirrespirawx, ma nħossux magħha.

Inħossu mal-Knisja – sentire cum Ecclesia, mhuwiex eżerċizzju sentimentali. Tħoss mal-Knisja jfisser tgħix il-ħajja u l-avventuri tagħha. In-nisrani Kattoliku, “billi hu bniedem tal-Knisja, iħobb l-imgħoddi tagħha. Jimmedita l-istorja tagħha, iżomm it-tradizzjoni b’qima waqt li jesplora fil-profond tagħha” (Henri De Lubac). Dan ma jagħmlux b’nostalġija imma f’rabta mal-maġisteru llum. Kultant inħossu t-tensjoni bejn l-interessi, il-ġid tagħna bħala individwi u l-interessi, il-ġid komuni fil-Knisja. Din id-differenza nimlewha bis-sentire cum Ecclesia, u ninterpretaw il-kmandamenti tal-Knisja permezz ta’ epikeia (epikeia = niġġudika skond x’naħseb Ii kien jippretendi l-leġiżlatur f’sitwazzjoni li m’hix milħuqa mil-liġi) mdawla mir-rieda ta’ Alla li hi manifestata interjorment u li hi biss timponi obbligazzjoni assoluta.

Il-bniedem tal-Knisja “ma jwarrabx minn moħħu kull ħaġa li l-Knisja tapprova” (Henri De Lubac). U jkompli: “Hu jkun il-ħin kollu għas-servizz tal-komunità l-kbira, jaqsam magħha l-ferħ u l-provi tagħha, u jieħu sehem fil-battalji tagħha.” Joqgħod attent li ma jħallix il-ħwejjeġ tad-dinja jieħdu post dawk ta’ Kristu: “Hu jikkultiva fih u jfittex li jinkuraġixxi f’ħutu u s-sens tas-solidarjetà Kattolika…Hu jirreżisti l-ġibda tad-dinja…” (Ibid., p.248).

Il-bniedem tal-Knisja mhuwiex fanatiku u ma jfittixx li jimpressjona lill-oħrajn; hu bniedem tas-sagramenti li fihom jara l-ispirtu qawwi ta’ Ìesù Kristu. Hu bniedem li joqgħod għad-doiveri ’imposti’ fuqu mill-Knisja. Hu bniedem li jagħti raġunijiet tat-tama tiegħu (1 Piet 3,15). “Hu jfittex li jaħseb mhux biss ’mal-Knisja’, imma ’fil-Knisja’”), u jkompli: “Hu dejjem iħalli lilu nnifsu jiġi mdawwal, iggwidat u ffurmat mhux bid-drawwa jew konvenzjoni, imma bil-verità dommatika.”

Il-bniedem li jħoss mal-Knisja hu dak li jemmen li “m’hemmx salvazzjoni ħlief fil-bilanċ” (San Girgor Nazzjanzenu), bħalma jidher ċar fid-domma kollha u kif inhu kkonfermat fl-istorja sħiħa ta’ l-ereżija. Il-bniedem li jħoss mal-Knisja joqgħod attent li ma jikkonfondix l-ortodossija jew il-fermezza dottrinali ma’ moħħ magħluq jew apatija intellettwali, waqt li jiftakar li wieħed mid-doveri tiegħu hu dak li “jdawwal lin-nies ta’ żmienu dwar il-ħwejjeġ meħtieġa għas-salvazzjoni” (San Injazju ta’ Loyola). Hu bniedem li meta fil-Knisja tqum il-polemika, din ma tirrabbjaħx, anzi, waqt li jiddefendiha, jfittex li jaħdem għall-għaqda u jfittex l-imħabba tal-aħwa. Ikun bħalma Santu Wistin jgħid fuq ċiprijanu: “iben il-paċi tal-Knisja” (Santu Wistin).

It-tfixkil fi żmienna

Qatt daqs illum ma tinħass din il-ħtieġa, meta aħna mdawrin b’ħafna tagħlim ħażin u perikoluż għall-aħħar, meta aħna ngħixu f’mentalita’ kważi ta’ disprezz lejn il-Maġisteru. Illum m’hawnx gwerra miftuħa kontra l-Knisja, imma pjan fin, komdu għal min jagħmlu bi skop, l-aktar tal-flus. Dan l-aħħar qed niltaqgħu ma’ ċerti ideat li għalkemm ma jeħduhiex kontra l-Knisja, imma jdgħajfuha billi jgħallmu li trid taddattaha għalik. Dan iwassal għall-idea li r-Reliġjon qisha supermarket, fejn wieħed jista’ jqasqas mill-valuri u t-tagħlim ta’ Kristu skond ma jfettilu, a skapitu ta’ dawk li huma l-veritajiet essenzjali Kristjani. Hekk, l-abort, l-ewtanasja u aspetti oħra fundamentali qed jitqiesu kwistjonijiet ta’ għażla morali individwali u ħażin għalih min jindaħal u jimponi t-tagħlim tal-Knisja, għax b’hekk ikun qed jabbuża mid-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Kristu sar verita’ waħda minn ħafna, fejn Buddiżmu, Islam, Ġudajiżmu, Induiżmu u tant reliġjonijiet oħrajn jitqiesu bħala toroq indaqs għalkemm differenti li jwasslu għand l-istess qawwa divina. U għas-segwaċi tal-filosofija tan-New Age, din il-qawwa divina impersonali tinsab saħansitra ġol-bniedem innifsu.

pic2.jpgNifirħu li aħna parti mill-Knisja

Lejliet Għid il-Ħamsin, is-Sibt 3 ta’ Lulju 2006, erba’ mitt elf ruħ imlew Pjazza San Pietru u l-Via della Conciliazione, quddiem il-Bażilika tal-Vatikan, għall-għeluq tal-Kungress Mondjali ta Movimenti ekkleżjali u Komunitajiet ġodda. Kemm tgħodd għalina t-tema ta’ dak il-Kungress, li tat lill-Papa opportunita’ biex jagħmel wieħed mill-aqwa diskorsi tiegħu. It-tema kienet: ”Is-sabiħ li aħna nsara u l-ferħ li nwaslu dan lill-oħrajn”.