Nitolbu għall-Mejtin


Ħi sentenza de fide li l-fidili ħajjin jistgħu jgħinu lill-erwieħ tal-Purgatorju bis- suffraġi. Sa ftit ilu dan kien aċċettat minn kulħadd, imma dan l-aħħar uħud daħħlu ħafna dubbji u għalhekk tajjeb li nittrattaw ftit bis-serjeta’ fuq dan is-suġġett.

10.jpg
Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem

X’tgħid il-Bibbja? Skond it-tieni ktieb tal-Makkabin kienet tezisti fil-Ġudaizmu reċenti l-konvinzjoni li dawk li mietu fil-ħtija setgħu jkunu megħjuna bit-talb u s-sagrifiċċju tat-tpattija. Ħekk insibu lil-Lhud jitolbu għal dawk li mietu bl-idoli fuqhom, u jagħtu 12,000 drakma tal-fidda Ġerusalemm biex jiġu offruti bħala sagrifiċċju tat-tpattija’. Il- kittieb sagru japprova dan l-aġir għax “hu (Ġuda) qies li mietu fis-sewwa u kellhom il-barka fuqhom. Għalhekk hu ħsieb tajjeb u qaddis li titlob għall-mejtin biex jinħelsu minn dnubiethom.” (12, 42-46).

U meta San Pawl, fit-Tieni Iittra lil Timotju rrefera għal Oneziforus, li kien miet, qal: “Jalla l-Mulej jagħtih il-grazzja tal-ħniena f’dak il-jum.” (1:18).” “F’dak il-jum” ifisser jum il-Gudizzju.

 Kristu jkompli jagħtina ħjiel fuq hekk f’numru ta’ sentenzi. “Min jidgħi b’Bin il-Bniedem jiġi maħfur , imma min jidgħi bl-Ispirtu s-Santu ma jkunx maħfur, la f’din id-dinja u lanqs fl-oħra.” (Mt. 12 :32) Fuq din is-sentenza San Girgor il-Kbir jikkumenta li “…nistgħu noħduha li tfisser li ħafna dnubiet jinħafru f’din id-dinja, imma ħafna oħrajn jinħafru fid-dinja l-oħra.” Għandna wkoll is-sentenza l-oħra ta’ Kristu: “Tassew tassew ngħidlek ma toħroġx minn hemm qabel tħallas sa l-inqas ħabba.” (Mt. 15, 26) Issa din il-maħfra ma tistax tkun akkwistata mill-erwieħ infushom għax, kif qal band’oħra Kristu stess, dawn “daħlu fil-lejl li fih ħadd ma jista’ jaħdem.” Mela tiġi weħidha l-konkluzjoni li ħaddieħor irid jagħmel tajjeb għalihom.

U l-Maġisteru tal-Knisja? It-Tieni Konċilju Generali ta’ Lyon, (1274) u l-Konċilju ta’ Firenze, (1439) jaqblu illi s-sagrifiċċju tal-Quddiesa, talb, karita’ u għemejjel oħra ta’ tieba li l-fidili mdorrrijin joffru għal xulxin skond l-istituzzjonijiet tal-Knisja huma ta’ siwi għall-erwieħ imsejkna, biex jittafilhom il-kastig. U l-Konċilju ta’ Trentu, (1545) jiddikjara li l-erwieħ mizmuma fil-Purgatorju jistgħu jirċievu għajnuna mit-talb tal-fidili u fuq kollox permezz tas-sagrifriċċju tal-Altar Imqaddes li tant jogħġob lil Alla.

It-Tradizzjoni għandha wkoll l-importanza tagħha. L-Insara komplew it-tradizzjoni ġudajka u biblika, jiġifieri li jitolbu u joffru sagrifiċċji għall-erwieħ. Tertuljanu jitkellem mhux biss minn talb għall-erwieħ imma saħansitra miċ- ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija fl-anniversarju tal-mewt tagħhom. SanCirillu ta’ Gerusalemm fid-deskrizzjoni tiegħu tal-Quddiesa jsemmi li wara l-konsagrazzjoni kien isir talb għall-mejtin li kellu l-qawwa jirrikonċiljahom ma’ Alla. San Ġwann Grizostmu jgħid li l-mejtin jistgħu jkunu megħjuna mill-għoti ta’ flus bħala karita’. Dan isostnih ukoll Santu Wistin. Insibu wkoll li fuq diversi oqbra tat-tieni u t-tielet seklu nstabu appelli għal talb għall-mejtin

Bis-smiegħ tal-Quddies, bit-talb, bis-sagrifiċċji u b’opri tajba għall-erwieħ, barra li nkunu qed nissodisfaw obblikgu Nisrani ta’ mħabba, inkunu wkoll nissodisfaw il-ħtiġijiet sentimentali tagħna. In-Nisrani li jiftakar f’dawk li telqu fit-triq tal-eternita’ jħossu anke marbut magħhom b’rabta dejjiema li taqbez saħansitra l-għatba tal-mewt. Li tifakar fil-mejtin hu wieħed mill-aqwa opri tal-ħniena għax hi għajnuna lil min assolutament ma jistax jgħin ruħu.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem, id-dawl ta’ dejjem jiddi fuqhom, jistrieħu fis-sliem. Ammen.

Joe Galea