Il-Kattoliċi għandhom jevanġelizzaw


Fil-bidu tal-Quddiesa ta’ nhar it-Tnejn 28 ta’ Ottubru, festa tal-Appostli San Xmun u San Ġuda, tlabna biex bl-interċessjoni ta’ San Xmun u San Ġuda, il-Knisja ma tiqafx milli tikber u tilqa’ kuljum nies oħra li jħaddnu l-fidi.

nies celebrazzjoni 2 (2).jpgTalba bħal din tista’ ma tinżilx tajjeb għal kulħadd għax aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qed niltaqgħu ma’ nies li jirraġunaw li mhemmx għalfejn tkun parti mill-Knisja Nisranija biex tgħix it-tagħlim ta’ Kristu u allura ssalva ruħhek. Iqisu bħala importanti li timxi fuq it-tagħlim ta’ Kristu filwaqt li ma tkunx parti mill-Knisja. Nistgħu immorru aktar ‘il bogħod meta hawn min iqis lil Kristu bħala persuna li ta’ min ifassal ħajtu fuq kliemu u fuq l-għemil tiegħu imma jinjora l-fatt li Kristu hu l-Iben t’Alla u persuna mit-Trinita’ Qaddisa. Jeżisti biss biex tikkupjah.

B’din il-mentalità, jonqos it-tħabrik għal Insara ġodda. Daħlet l-idea li waħdek tista’ titlob ukoll, tista’ tħobb lill-proxxmu u taqdi d-dmirijiet tiegħek mingħajr ma tħossok obbligat għar-regoli tal-Knisja. Tispiċċa biex lanqas ma tieħu sehem fis-Sagramenti u fil-ħajja tal-Knisja. Wisq inqas ma tieħu sehem fiċ-ċelebrazzjonjiet tal-Knisja matul is-sena, lanqas dawk f’waqtiet qawwija tas-sena liturġika. B’sens ta’ rispett ikun hemm min jattendi għal xi funeral jew magħmudija, imma bħallikieku dawn huma okkażjonijiet ta’ kortesija soċjali iktar milli atti ta’ qima, jew għemejjel reliġjużi. Imma l-agħar hu meta jidħlu fil-pajjiż liġijiet li jiskuraġġixxu lil min jixtieq jgħaddi lill-oħrajn id-don tal-fidi li darba kien iħaddan u jgħożż.

Id-dritt  u d-dmir li nevanġelizzaw

 Il-Kattoliċi mhux biss għandhom id-dritt imma wkoll id-dmir li jevanġelizzaw, jiġifieri li jagħtu xhieda tal-fidi tagħhom fi Kristu. Ukoll quddiem Insara mhux Kattoliċi, iridu jippreżentaw il-verita’ tal-Knisja Kattolika, mingħajr ma jiġu akkużati bi proselitiżmu. It-terminu proselita għandu l-bidu tiegħu fir-reliġjon Lhudija. Il-proselita kien dak li għalkemm ma jappartjenix għall-poplu magħżul, issieħeb fir-reliġjon Lhudija bħala wieħed li ġie ġdid u qed isegwi vokazzjoni li tagħmlu parti mill-poplu. Il-proseliti kienu jaċċettaw li jkunu ċirkonċiżi u jirrispettaw ir-ritwali Lhud. Fl-Atti ta’ l-Appostli San Luqa jsemmi d-deċiżjoni tat-Tnax li jdaħħlu proselita minn Antijokja, jismu Nicolas, għas-servizz tal-mejda. Fil-Knisja Nisranija proseliti  bdiet tfisser ikkonvertiti ġodda. Imbagħad proselitiżmu ġie estiż bħala sinonimu għall-attivita’ missjunarja. Fi żmienna dan it-terminu ngħata konnotazzjoni negattiva, bħala reklamar għar-reliġjon b’motivi u b’mezzi kuntrarji għall-ispirtu ta’ l-Evanġelju u li ma jirrispettawx il-liberta’ tal-persuna. Hu f’dan is-sens negattiv li l-kelma qed tkun użata u hekk qed tinftiehem.

Dan hu li minn żmien għal ieħor il-Knisja tfakkar f’tagħlim marbut mad-duttrina u mal-Fidi. Hija fil-loġika tad-dokument tal-Knisja Dominus Jesus, dwar aspetti tal-evanġelizzazzjoni, li tafferma li Kristu hu l-uniku Salvatur. Kliem bħal dan għandu jeħlisna minn attitudni ta’ biża’ mhux ġustifkat li x-xandir ta’ l-Evanġelju hx indħil fil-ħajja tal-oħrajn, u li mhemmx differenza jekk wieħed ikunx jaf lil Ġesu’ Kristu, jew jekk jemminx fih.

Ħafna nies illum iqisu l-evanġelizzazzjoni bħallikieku attakk fuq il-libertà tal-bniedem u bħala xkiel għall-kuxjenza. Jaħsbu wkoll li l-pluraliżmu reliġjuż ma jippermettix ix-xandir ta’ Kristu lil min ma jafx bih. Dan hu raġunar żbaljat li jirriduċi l-missjoni f’sempliċi preżenza, waqt li jżommna milli nfittxu l-konverżjoni tal-oħrajn għall-fidi kattolika b’għarfien espliċitu ta’ Kristu u eventwalment billi jiġu inkorporati fil-Knisja permezz tal-Magħmudija. Imma Pietru qalilna: “Imkien taħt is-sema ma hemm isem ieħor (ħlief dak ta’ Kristu) mogħti lill-bnedmin li bih aħna għandna nkunu salvi” (Atti 4,12). U fuq kollox l-Imgħallem ordna lid-dixxipli bi kliem ċar daqs il-kristall: “Morru fid-dinja kollha,xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu. Min jemmen u jitgħammed, isalva; iżda min ma jemminx, ikun ikkundannat” (Mk 16,15).

Tweġiba għal xewqa fil-bniedem

L-Evanġelizzazzjoni fil-Knisja hi priorita‘, u mhemm xejn ħażin f’li wieħed jipproponi lill-oħrajn dak li hu jżomm bħala verita’, bil-għan li huma wkoll jitħajru jissieħbu f’dak li wieħed jemmen fih. Dan imiss il-kunċett m’għandux iwassal għal pluraliżmu li ma jagħmilx differenzi u li hu bbażat fuq l-affermazzjoni li kull pożizzjoni tiswa daqs l-oħrajn. Hawnhekk wieħed jinnota l-kritika għar-relattiviżmu, kunċett li jitkellem dwaru b’tant qawwa l-Papa Benedittu XVI. Ix-xandir tal-fidi hu tweġiba għax-xewqa fil-bniedem li jagħti sehem lill-oħrajn mill-ġid tiegħu. Dan hu meħud mit-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II (Dignitatis humanae) – tfakkar fil-kundizzjoni li f’dan kollu rridu nirrispettaw id-dinjita’ u l-liberta’ ta’ l-oħrajn. Imma dan m’għandux iwassalna biex nirriservaw il-verita’ tal-fidi u tal-Knisja għall-Insara biss. Dawk li mhumiex Insara jistgħu jsalvaw bil-mezzi li għandhom jekk ma kellhomx l-opportunita‘ li jsiru jafu bi Kristu u l-Knisja tiegħu. L-inizjattiva għall-għaqda bejn Insara ta’ diversi konfessjonijiet hi kundizzjoni tal-kredibbilta’ tal-missjoni tal-Knisja Nisranija.

Insara mhux Kattoliċi

Fejn jidħlu Insara mhux Kattoliċi, il-Kattoliku għandu jidħol fi djalogu li jirrispetta l-karita’ u l-verita’, li ma jkunx biss bdil ta’ ideat imma ta’ doni, hekk li jkun jista’ joffrilhom il-mezzi tas-salvazzjoni fil-milja tagħhom. LEvanġelizzazzjoni tenħtieġ rispett ġenwin għat-tradizzjoni u r-rikezza spiritwali tan-nies kif ukoll spirtu sinċier ta’ kooperazzjoni.

Niftakru lil-Knisja Kattolika ffirmat ftehim f’dan is-sens mal-Knisja Ortodossa Russa u dan jista‘ jsir ma‘ Knejjes oħra..Jekk Nisrani li mhuwiex Kattoliku għal raġunijiet ta’ kuxjenza u f’konvinzjoni tal-verita’ kattolika jitlob li jissieħeb f’komunjoni sħiħa mal-Knisja Kattolika, hemm bżonn li wieħed iqis it-tfittxija tiegħu bħala l-ħidma tal-Ispirtu s-Santu u bħala espressjoni tal-liberta’ tal-kuxjenza u l-liberta’ tar-reliġjon.Il-Knisja ma tqisx dan bħala każ ta’ proselitiżmu”.

Proklamazzjoni u xhieda

Skont il-Papa Benedittu XVI, “Il-proklamazzjoni u x-xhieda  tal-Evanġelju huma l-ewwel servizz li l-Insara jistgħu jagħtu lil kull bniedem u r-razza umana kollha, imsejħin kif inhuma biex jikkomunikaw l-imħabba ta’ Alla, li ġiet manifestata għal kollox f’Ġesu’ Kristu, l-uniku Feddej tad-dinja.” F-ewwel enċiklika tiegħu,  Deus caritas est, il-Papa Benedittu XVI jikteb li “L- imħabba li ġejja minn Alla tgħaqqadna miegħu u tibdilna minn ‘jiena’ għal ‘aħna’; ‘aħna’ li jisboq il-firdiet tagħna u jagħmilna ħaġa waħda, sakemm fl-aħħar Alla jkun f’kollox f’kulħadd.” (I Kor 15, 28)

Fil-bidu tas-seklu l-ieħor, qassis umli minn gżiritna, San Ġorġ Preca, li ried li min jemmen għandu jkun “ħabib tal-Evanġelju” u li qies il-Venġelu bħala “Leħen il-Maħbub”, ħadem biex l-Evanġelju jasal lil bosta. L-evanġelizzazzjoni għamilha popolari mhux biss fid-djar tad-duttrina imma wkoll b’laqgħat ta’ tagħlim fit-triqat u fil-pjazez. Hu eżempju għall-Knisja llum, li tinqeda b’pastorali popolari biex tkun relevanti għan-nies ta’ żmienna u tħajjar lil min jixtieq jissieħeb mal-Knisja li aħna nagħmlu sehem minnha u allura l-grazzji u l-ġid li qed nirċievu nixtiquh ukoll għall-oħrajn.

Kemm hi ħaġa sabiħa li ssir kull tant issir Quddiesa f’wesgħa bejn blokki ta’ appartamenti li huma ‘l bogħod miiċ-ċentru fejn hemm il-knisja. Li jkun hemm aktar sehem fil-midja min-nies kapaċi li jwasslu l-kelma u jagħmlu dan skont il-maġisteru tal-Knisja. Hawn ħafna nies li jħobbu l-Knisja u għandhom pinna tajba. Naraw kif inħallu lil Kristu jinħass fl-ambjenti tagħna.

Joe Galea

Dan hu artiklu li deher fil-Leħen tal-10 ta’ Novembru 2019