Mibgħut ġdid mill-Papa għan-Nazzjonijiet Magħquda

Print Friendly, PDF & Email

Il-Papa Franġisku ħatar lill-Arċisqof Taljan, Mons Gabriele Giordano Caccia biex ikun il-mibgħut tiegħu għan-Nazzjonijiet Magħquda. Huwa se jilħaq minflok Mons Bernardito Auza, li kien ilu mill-2014 u li x-xahar li għadda, nħatar nunzju għal Spanja u Andorra.

Caccia sar is-seba’ Osservatur Permanenti tal-Vatikan għan-Nazzjonijiet Magħquda minn mindu l-Vatikan sar Stat Osservatur Permanenti fis-6 ta’ April, 1964.

Caccia, li għandu 61 sena, se jmur New York, wara li għadda madwar 30 sena fis-servizz diplomatiku tal-Vatikan. Huwa kien ordnat saċerdot fl-1983 mill-Kardinal Carlo Maria Martini f’Milan, u għandu dottorat fit-Teoloġija u fil-Liġi Kanonika.

Huwa għamel żmien fis-Segretarjat tal-Istat tal-Vatikan, u wara serva fil-Filippini, it-Tanżanija u l-Libanu. Huwa se jibda fil-kariga l-ġdida fis-16 ta’ Jannar, 2020.

Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

%d bloggers like this: