Illum il-Knisja tfakkar lil Santa Katerina Labourè u l-Midalja Mirakuluża


Fit-28 ta’ Novembru l-Knisja tfakkar lil Santa Katerina Labourè, Verġni li għexet bejn is-snin 1806 sa 1875 u l-Midalja Mirakuluża.

Zoe (għax dan kien l-isem tagħha qabel daħlet reliġjuża) kienet id-disa’ tarbija fost ħdax-il wild ta’ familja ta’ bdiewa mir-raħal żgħir ta’ Fain-les-Moutiers, fil-Cote d’Or, Franza. Twieldet fit-2 ta’ Mejju, 1806 minn Pierre Labourè, bidwi tat-tajjeb, u Louise Gontard, mara tar-ruħ u omm mill-aħjar. Hi ġiet mgħammda l-għada li twieldet.

Ta’ erbatax daħlet mas-sorijiet tal-karità Chatillon-sur-Seine, ħdejn Pariġi (1830), fejn għaddiet ħajjitha ddur bil-morda fil-kunvent ta’ Rue de Bac.

Fl-1832, fil-kappella tal-kunvent, il-Madonna dehritilha għal tliet darbiet, u rrikmandatilha li tħabrek biex jagħmlulha midalja f’ġieħ il-ħniena tagħha bħala omm Alla – dik il-midalja magħrufa bl-isem tal-“Midalja Mirakuluża.” Dik is-sena stess (fl-1832) saru 1,500 midalja, fit-tifkira tagħha.

Bis-saħħa tal-Midalja Mirakoluża, fil-knisja ta’ “Sant’Andrea delle Fratte,” tal-Patrijiet Minimi ġewwa Ruma, quddiem l-altar tal-“Madonna tal-Mirakli,” il-Lhudi Alfons Ratisbonne, fit-18 ta’ Jannar, 1842, ikkonverta u sar Kattoliku u anki saċerdot u fundatur tal-patrijiet u s-sorijiet tal-Madonna ta’ Sijon għall-konverżjoni tal-Lhud.

Mietet ta’ 70 sena fil-kunvent ta’ Enghien-Reuilly, fejn kienet għaddiet l-aħħar 46 sena ta’ ħajjitha bħala infermiera mal-morda u x-xjuħ, kif ukoll bħala purtinara. Hi kienet qalet minn qabel li ma tarax is-sena 1877, għax fil-fatt mietet fil-31 ta’ Diċembru, 1876.

Il-funeral kien popolari ħafna. Iżjed tard, ftit snin wara li difnuha, tifel ta’ tnax-il sena, magħtub minn twelidu, fieq b’miraklu fuq qabarha.

Il-ġisem tagħha kien għadu sħiħ 56 sena wara mewtha, meta fil-21 ta’ Marzu, 1933, ittieħed Pariġi bl-akbar solennità għas-santwarju tal-Madonna Mirakoluża, f’Rue du Bac, fejn, (flimkien ma’ dak tal-fundatriċi, Santa Louisa de Marillac), għadu meqjum sal-lum.

Ibbeatifikata mill-Papa Piju XI, fl-1933 u l-Papa Piju XII ikkanonizzaha fis-27 ta’ Lulju, 1947.

San Massimiljanu Marija Kolbe, martri Franġiskan Konventwali u fundatur tal-Milizzja tal-Immakulata, mhux biss qaddes l-ewwel quddiesa tiegħu fl-altar tal-“Miraklu” li diġà semmejna, imma xerred kemm felaħ fil-Polonja u fil-Ġappun il-Midalja Mirakoluża, kif għamel ukoll f’Malta San Ġorġ Preca.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com