Il-Ġimgħa, 29 ta’ Novembru 2019: Fl-aħħar ġimgħa tas-sena liturġika l-Knisja tistedinna nirriflettu dwar it-tmiem, it-tmiem tad-dinja, it-tmiem ta’ kull wieħed u waħda minna, u dan insibuh fl-Evanġelju tal-lum li fih Luqa (21, 29-33) itenni kliem Ġesù: ‘L-art u s-sema jgħaddu imma kliemi ma jgħaddix.’
Hekk qal il-Papa waqt l-omelija: kollox jintemm imma Hu jibqa’. Għalhekk il-Papa stedinna lkoll biex nirriflettu fuq il-waqt tat-tmiem tagħna. Ħadd ma jaf meta se jkun, anzi għandna t-tendenza li nippruvaw ma naħsbux fuqu għax naħsbu li aħna eterni. Iżda mhux hekk. Ilkoll kemm aħna nbatu minn did-dgħufija fil-ħajja tagħna.
Il-Papa ssokta jgħid li l-jum ta’ qabel kien qed jimmedita fuq dan hu u jaqra artiklu fir-rivista Civiltà Cattolica li jgħid li dak li jagħmilna lkoll l-istess hi d-dgħufija. Ilkoll kemm aħna dgħajfa u din id-dgħufija xi ħin se twassalna għall-mewt. Għalhekk immorru għand it-tabib, biex niċċekkjaw kif inhi sejra d-dgħufija fiżika tagħna; oħrajn imorru għand il-psikologu biex ifiqu mid-dgħufija psikika. Id-dgħufija tagħmilna lkoll l-istess u ebda illużjoni ma tista’ tgħinna naħarbu minnha.
Kien hawn il-moda, żied il-Papa, li persuna tħallas għall-funeral meta għadha ħajja bl-idea li tiffranka ftit flus biex jibqgħu għall-familja. Dil-moda nqatgħet meta n-nies indunaw bil-qerq tad-ditti funebri.
Kemm drabi tqarraq bina l-illużjoni li aħna eterni, ikkummenta l-Papa. Illi aħna żgur se mmutu tgħidhulna l-Bibbja u jgħidhulna l-Evanġelju, iżda l-Mulej dejjem jurina li l-mewt hi laqgħa miegħu u magħha jżid il-kelma ‘tama’.
Il-Mulej iwissina biex inkunu dejjem lesti ħalli bil-mewt niltaqgħu miegħu għax ikun Hu li jiġi jfittixna. Il-mewt hi laqgħa. Ikun Hu li jiġi jfittixna, li jiġi biex jaqbadna minn idejna biex jeħodna miegħu.
Ma rridx li din ir-riflessjoni sempliċi tiegħi tkun qisha xi avviż funebri, qal il-Papa lill-kongregazzjoni preżenti fil-kappella tad-Dar Santa Marta. Hija sempliċi Evanġelju, hija sempliċi ħajja, hi sempliċiment li ngħidu lil xulxin: aħna lkoll dgħajfa u lkoll kemm aħna għandna bieb li xi jum il-Mulej jiġi jħabbtilna fuqu.
Għalhekk hemm bżonn inħejju ruħna sew għall-mument li fih iddoqqilna l-qanpiena, il-mument li fih il-Mulej iħabbat fuq biebna. Hemm bżonn nitolbu għal xulxin biex inkunu lesti, biex bil-fiduċja niftħu l-bieb għall-Mulej li ġej.
Il-ħajja tagħna mimlija ħwejjeġ li għad jintemmu. Minn dak kollu lil nkunu ġbarna, ġemmajna, anke dak li hu leċitu, magħna ma nieħdu xejn. Magħna nieħdu t-tgħanniqa tal-Mulej.
Għaldaqstant għandna nistaqsu lilna nfusna jekk naħsbux fuq il-mewt tagħna: jien se mmut, meta? Din id-data ma nsibuhiex fil-kalendarju imma l-Mulej jafha.
Nitolbu lill-Mulej biex iħejjilna qlubna ħalli mmutu sew, ħalli mmutu fil-paċi, ħalli mmutu bit-tama. Din hi kelma li għandha tkun dejjem f’moħħna u tibqa’ magħna tul ħajjitna: it-tama li ngħixu mal-Mulej hawnhekk biex imbagħad ngħixu miegħu n-naħa l-oħra. Nitolbu għal xulxin għal dan.
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber