Il-Papa f’Santa Marta: M’għandniex għalfejn nilmentaw, il-Mulej ifarraġ

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 10 ta’ Diċembru 2019: Il-Mulej imexxi l-poplu tiegħu, ifarrġu, imma jikkoreġih ukoll u jikkastigah bit-tenerezza ta’ missier, ta’ ragħaj. Il-Papa Franġisku qal dan fl-omelija tal-quddiesa li ċċelebra llum, fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

Il-Qdusija Tiegħu kien qed jagħmel riflessjoni dwar il-mistoqsija: Kif ifarraġna, kif jikkoreġina l-Mulej? – mistoqsija li toħroġ mill-ewwel qari tal-Liturġija tal-ġurnata, meħud mill-Ktieb ta’ Iżaija.

Is-silta tiftaħ bi tħabbira ta’ tama: ‘Farrġu, farrġu l-poplu tiegħi.’  Il-Profeta qed itenni kliem il-Mulej: ‘Kellmu lil qalb Ġerusalemm u għidulha li ntemm il-jasar tagħha, tħallsu ħtijietha.’

Il-Mulej, ikkummenta l-Papa, ifarraġna dejjem bil-patt li aħna nħalluh.  Alla jfarraġ bil-konsolazzjoni, imma kif?  Il-Papa kkwota silta oħra minn Iżaija fejn jitkellem dwar ir-ragħaj it-tajjeb li bi driegħu jiġma’ l-merħla u jerfa’ l-ħrief fi ħdanu, u jmexxi bil-ħlewwa lin-nagħaġ li jreddgħu.

Dan hu att ta’ tenerezza!  Il-Mulej ifarraġ bit-tenerezza. Kif jikkastiga l-Mulej?  Bit-tenerezza.  Tista’ timmaġina lilek innifsek imħaddan ma’ sider il-Mulej wara li tkun dnibt?

Il-Mulej imexxi, jiggwida l-poplu tiegħu; il-Mulej jikkoreġi, u nżid jien, qal Franġisku, bit-tenerezza, biż-żegħil.

L-atteġġjament ta’ Alla mhux didattiku jew diplomatiku: li jagħmel jagħmlu minn tqanqil ġewwieni.  Huwa l-ferħ li jħoss meta midneb jersaq lejh.  U dal-ferħ jagħmlu teneru.

Il-Papa Franġisku fakkar li fil-parabbola tal-iben il-ħali, il-missier jara lil ibnu ġej mill-bogħod għax kien qed jistennieh.  Kien jitla’ fuq il-bejt biex jara ibnu hux ġej lura.  Qalb ta’ missier.

U meta ibnu jasal u jibda d-diskors ta’ sogħba, jaqtagħlu kliemu u jagħmel festa.  Din hi l-qrubija tenera tal-Missier, issokta jikkummenta l-Papa.

Fl-Evanġelju tal-lum nerġgħu nsibu lir-ragħaj, dak li għandu mitt nagħġa u tintiliflu waħda.  Dan mhux se jħalli lid-99 l-oħra fuq l-għolja biex imur ifittex il-mitlufa? U jekk isibha jifraħ aktar biha milli bid-99 li ma ntilfux.  Dan hu l-ferħ li jħoss il-Mulej quddiem il-midneb, quddiemna, meta nħalluh jaħfrilna, meta nersqu lejh biex nitolbuh maħfra.  Ferħ li jsir tenerezza li tfarraġna.

Bosta drabi aħna nilmentaw minħabba d-diffikultajiet li għandna.  Ix-xitan iridna ninħakmu mill-ispirtu tad-dwejjaq, iridna fl-imrar minħabba ħajjitna u minħabba dnubietna.

Kont naf persuna kkonsagrata lil Alla, żied il-Papa, li kienu laqqmuha ‘Gemgima’ għax ma kien jirnexxilha tagħmel xejn aktar ħlief tilmenta.  Setgħet rebħet il-Premju Nobel tat-tgergir!

Kemm drabi ngergru u naħsbu li dnubietna, il-limitazzjonijiet tagħna ma jistgħux jinħafru.  F’dak il-waqt jasal leħen il-Mulej u jgħidilna, ‘Jien infarrġek, jiena qribek.’ Ikellimna bit-tenerezza.

Alla setgħani li ħalaq is-sema u l-art, Alla eroj, u biex ngħidu hekk, ħuna, li ħalla lilu nnifsu jitkaxkar sas-salib u jmut għalina, għandu ħila jmellisna u jgħidilna: ‘Tibkix.’

Kien b’din it-tenerezza, kompla l-Papa, li l-Mulej ħaddan lill-armla ta’ Najn meta qalilha: ‘Tibkix.’  Forsi quddiem it-tebut ta’ binha, Hu kien diġà ħaddanha miegħu minn qabel qalilha biex ma tibkix, għax hemmhekk kien hemm id-diżastru.

Jeħtiġilna nemmnu f’dal-faraġ tal-Mulej, għax wara tiġi l-grazzja tal-maħfra.

Xi ħadd jgħidli: ‘Imma jien dnibt wisq, għamilt ħafna  żbalji.’ Imma kun miftuħ għall-faraġ.  Tgħidli: ‘U min se jfarraġni?’  Il-Mulej.  ‘U fejn nista’ mmur?’  Mur itlob maħfra.  Kun kuraġġuż, iftaħ il-bieb u Hu jħaddnek miegħu.

Hu jersaq qribek bit-tenerezza ta’ missier, qisu ħuk.  Kif jagħmel ir-ragħaj li jirgħa l-merħla u bi driegħu jerġa’ jiġmagħha, il-ħrief fi ħdanu jerfagħhom u bil-ħlewwa jmexxi n-nagħaġ li jreddgħu.  Hekk ifarraġna l-Mulej.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber

Leave a Reply

%d bloggers like this: