Għadda l-Milied! Għaddiet l-ikla! U għaddew l-għoti tar-rigali! U, wieħed dejjem jittama, għaddiet ukoll il-quddiesa ta’ billejl flimkien mal-qrara magħha wkoll! Għax jekk nimmisjaw din allura xi jkun ġie jagħmel il-Milied f’ħajjitna l-aħwa? Għall-affarijiet li jgħaddu u jtiru mar-riħ?
U issa, wara l-festa tal-festi, kif kien iħobb isejħilha San Franġisk, abbli qed ineħħu wkoll xi ftit tal-abra! Daqskemm kellna attivitajiet x’nattendu għalihom! U f’hiex nieħdu sehem fihom! U issa, il-hassle, suppost li għaddiet! Imma, u biex inkunu għedna kollox, iswed fuq l-abjad, il-Milied għandu jkun tabilħaqq hassle?
Darba, ħassieb lokali, kien qal li għalih il-Milied hu mument fejn jsib post għall-kwiet u joqgħod jirrifletti. Hemm! F’dak is-skiet! Kieku l-idea tidher sabiħa! Għalkemm, fil-fond ta’ qalbi, inħoss iva li ma naqbilx sa barra miegħu! L-għaliex, il-Milied, li hu l-festa ta’ Ġesù, jiġifieri ta’ kif l-Iben ta’ Alla niżel mis-smewwiet, anzi ċarrathom, għoġbu jidħol f’ħajjitna u jsir bħalna. Wieħed minna! U hekk, Alla nnifsu, f’Ġesù Kristu, biddel l-istorja tiegħek u tiegħi, u ta’ kull bniedem. Għalhekk, u f’dan id-dawl, ma naħsibx li wieħed sempliċiment għandu jillimita lilu nnifsu daqshekk u l-Milied għandu jqattgħu waħdu fi sqaq mudlam. Għad-dellijiet ta’ biżgħat li mhux dejjem jeżiżtu. U jekk jeżiżtu abbli għax wieħed ikun ġabhom ukoll b’idejh. Għax jekk nitbiegħed mid-dawl veru (Ġw 1:9) li jdawwal lil kull bniedem, x’nistenna li se tkun ħajti? Xi kwalità, fil-verità, jista’ ikollha?
Veru! Il-Milied għadda! U forsi, għall-ewwel darba, stajt iva napprezza x’familja għandi! Jew x’komunità l-Mulej għoġbu jdaħħalni fiha biex biha jissapportjani! Għalkemm, minn xiex għaddejt, dan mhux dejjem kont f’pużizzjoni li nilqgħu. U nlaħħmu miegħi. Mela, u jalla, issa li l-Milied għadda, ħa nibqa’ iva napprezzaha din il-familja li hu tani! U, f’dan id-dawl, ħa nagħmel ħilti kollha biex nipprommovieha! U nitħaddet fuqha! Għax ħbieb, naħseb li bħali taqblu li l-familja għandna nipprommovuha u mhux inħalluha titbandal u titkisser mal-imwieġ tad-dinja bla direzzjoni li qed ngħixu fiha! Il-familja, l-omm, il-missier, u frott imħabbithom, l-ulied, għandna nissalvagwardjawha u nħarsuha minn dak kollu li moħħu biss biex ixaqqaqha sakemm jiftħilha bokka u jkissirha! Biex imbagħad, kulma jonqosu hu li jifqagħha.
Daqskemm ukoll m’għandniex għalfejn nieħdu ħsieb il-komunità. Li żgur m’hix konformiżmu. U lanqas xi forma ta’ setta, magħluqa fiha nnifisha! U, wisq anqas, dittatorjat! Le! Imma komunità vera għandha tkun waħda fejn, min qed jgħix fiha, ikollu l-libertà sħiħa li jsemmi Ġesù fil-vanġelu skont San Ġwann meta jitħaddet fuq il-bieb: Jiena hu l-bieb; jekk xi ħadd jidħol ġewwa permezz tiegħi jsalva, u jidħol u joħroġ u jsib fejn jirgħa (Ġw 10:9). Mela żgur li bieb Ġesù m’huwiex dak li jingħalaq b’xi stanga mat-tokki tal-Ave Marija! Bħalma lanqas m’hu dak il-bieb li min jaf kemm ħruxijiet isiru warajh! U żgur fuq li żgur li dan il-bieb ikollu jassisti miskin għal ħafna uġiegħ ta’ inġustizzji, preferenzi u ikkontrallar imxajtan!
Oh kemm hu sabiħ il-bieb ta’ Ġesù! Hu bieb ta’ salvazzjoni għax min jidħol minnu għandu l-libertà li jidħol, joħroġ u jsib fejn jirgħa! Iva ħi! Il-bieb ta’ Ġesù aqta’ kemm fih libertà! Tista’ tidħol fi x’ħin trid! Għaddi! Jekk trid! Imma idħol! Għax jekk tidħol taf x’se issib! U lil Min issib! Li dejjem lest biex jilqgħek! Fil-fatt, se ssib tilqgħek xi ħaġa li aqta’ kemm ilek tfittex li jkollok! Għalkemm, jekk toqgħod naqra għall-kwiet, issa li għadda l-Milied, malajr se tintebaħ x’inhi! Hi l-imħabba! Jiġifieri l-ħajja! Dik il-ħajja li mingħajrha, int min int, u għandek kemm għandek, jew m’għandekx kemm m’għandekx, żgur li ma tgħix! Daqskemm jien, il-Patri, ma nistax ngħix mingħajrha! Bħalek!
Imbagħad hemm il-verb l-ieħor li jsemmi Ġesù, joħroġ. Mela! Int ma’ Ġesù tista’ toħroġ! U mela int, għax temmen, għandek xi jxekklek biex ma toħroġx?! Anzi! Oħroġ! Hu x’qalilna? Morru! (Mk 16:15). Fejn Mulej? Morru fid-dinja kollha! (Mk 16:15). Għax, x’toqogħdu tagħmlu hawn? Maqfulin? U mirżuħin? Fil-beżgħat tagħkom? X’toqogħdu tagħmlu hawn, taħlu l-ħin? Tgħoddu l-madum? X’toqogħdu tagħmlu tgħoddu t-travi u l-madum tal-kamra jew tal-kuritur? Morru! … Ara, jiena qiegħed nibgħatkom bħal nagħaġ qalb l-ilpup (Mt 10:16). Għax anki lill-ilpup jien ħlaqthom! U l-ilpup, qabel saru ilpup, taħt il-ġilda tagħhom huma nagħaġ! U jien, safejn naf jien, lin-nagħaġ ġejt infittex! U lin-nagħaġ ġejt insalva! Mela … morru! Ħa ġġibuhomli, bil-grazzja li nagħtikom, nagħaġ! Iva! Ġibuhomli lin-nagħaġ! Għax ħlaqthom u fdejthom jien!
U fejn se mmorru? Fid-dinja! Iġru ‘l barra! Iġru! Tibqgħux imwaħħlin mal-ħbieb u l-ħbieb tal-ħbieb. Mal-familja u tal-familja. Mal-klikka u tal-klikka. Mal-kunvent u tal-kunvent. Iġru ‘l barra! Għax iż-żmien għaddej! Qed joqrob! U ħa jiġi bħall-ħalliel. Inkiss inkiss. Morru! Mhux maħrubin minn quddiemi! Għax m’għandkomx l-għaliex titgerrxu minni! Imma Morru! Basta tiftakru li mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn! (Ġw 15:5). Imma … morru!
U għax dan id-diskors sieħbi, għalkemm ingħad elfejn sena ilu, jibqa’ jagħmel sens? Anki illum? Għax fis-soċjetà tallum, fil-familja tallum, fil-ħajja tal-kunvent tallum, fil-ħajja tal-Knisja tallum, fil-ħajja tax-xogħol tallum, aqta’ kemm għandna bżonn nitgħallmu nirgħu! Intom għax taħsbu li hawn dan l-istress kollu fostna? Mhux għax la nistgħu nidħlu, la nistgħu noħorġu u lanqas nistgħu nirgħu x’imkien?! Għax hemm arana … dejjem għaddejjin! U, jaħasra, bqajna nagħmlu ħsara enormi b’gideb faħxi ta’ x’suppost nagħmlu u ma nagħmlux!
Għax min jista’, tabilħaqq, jagħti definizzjoni ta’ kif wieħed jgħix il-ħajja tad-dar, tas-soċjetà, tax-xogħol, tal-Knisja u tal-kunvent? Teżiżti xi forma ta’ definizzjoni? Żgur li le! U meta kien hemm tentattivi biex tingħata din id-definizzjoni aqta’ kemm tkissru nies! Imma Ġesù, ta’ Alla u l-filosofu veru li Hu, għax Hu l-Filosfu tal-filosfi, tana dan it-tagħlim: Jiena hu l-bieb; jekk xi ħadd jidħol ġewwa permezz tiegħi jsalva, u jidħol u joħroġ u jsib fejn jirgħa (Ġw 10:9). Issa dan id-diskors jagħmel sens l-għaliex, kif smajt bosta drabi minn min jifhem, il-vanġelu ta’ San Ġwann hu kollu ilma! U, daqskemm fih ilma, trid timxieh bil-boots! Jiġifieri, il-vanġelu skont San Ġwann huwa l-vanġelu tal-Ispirtu s-Santu! Dak li uħud, fis-soċjetà, fil-familja, fil-postijiet tax-xogħol u d-divertiment, u anki fil-Knisja u fil-kunvent, aqta’ kemm jiżżufjettaw bih! Għax ma jemmnux fih! Għax, minflok fih, li hu l-ħajja vera, għażlu li jemmnu aktar il-beżgħat u l-uġiegħ tagħhom milli l-mediċina li tfejjaqhom! Ħajjithom imsejsa fuq is-suspetti u s-sakrażmu u mhux fuq l-imħabba! U, għax huma mgħaddsa f’dan il-ħama, ma jintnux huma biss imma jnittnu lil ta’ madwarhom! Imsieken!
Imma ħbieb, irrilevanti kemm jien insigur u insigura, għax ġejt imweġġa’ u mweġġa’, l-Ispirtu s-Santu kollox! U jekk jien irrid inkun veru liberali u progressiv, lilU irrid nitlob! Għax Hu ma jimxix fuq il-ħsibijiet tagħna l-bnedmin! Dawk ħsibijietna li huma tant difettużi. Għax kollha ġejjin, minn ftit u minn ħafna, minn xi esperjenza ta’ uġiegħ! U allura, l-ideja, tajba kemm hi tajba, xorta jkollha dik id-doża ta’ eżaġerazzjoni u rabja! Għalkemm dawn għandhom it-tajjeb tagħhom l-għaliex iqajmu kuxjenza aħna rridu mmorru lil hinn minnhom! Fil-fatt, u fil-verità, aħna rridu nidħlu fil-fond sewwa ta’ Dak li l-ktieb tal-Ġenesi jiddiskriviehulna b’dan il-mod: Fil-bidu Alla ħalaq is-sema u l-art: u kienet l-art taħwid u baħħ; u d-dlam kien fuq wiċċ l-abbissi u fuq wiċċ l-ibħra kien jittajjar l-ispirtu ta’ Alla (Ġen 1:1-2).
Ħbieb, issa li l-Milied għadda u mar, u ġie mniżżel u mnaqqax fl-istorja tagħna, tiegħek u tiegħi ukoll, jiġifieri f’dik l-istorja komuni u personali, int u jien irridu nwaħħluha f’rasna li nibdew nitolbuh jagħmilna bħalU! F’kelma waħda li nħalluh itajjarna fuq wiċċ l-ibħra! Imma, ngħid jien, l-ibħra x’inhuma? X’għandhom x’jaqsmu ma’ dan id-diskors li qed nagħmlu? Fil-mentalità biblika l-ibħra huma postijiet ta’ insigurtajiet kbar. Fi żminijiet bibliċi wieħed kien joqgħod b’seba’ mitt għajn li jbaħħar f’nofs il-baħar. Għax, f’nofs il-baħar, kien jirriskja li jinħataf mill-mostru Levjatan. U għalhekk, l-aħjar hu li wieħed ibaħħar mal-kosta. Viċin, kemm jista’ ikun, l-art!
Applikat għal ħajti u ħajtek dan id-diskors qed jgħidilna li aħna wkoll irridu nitolbuh lill-Ispirtu s-Santu biex jagħtina għerfU. U jmexxina bl-għaqal tiegħu. Ħalli, mgħejjuna minnU, aħna wkoll naraw l-affarijiet b’mod ħolistiku. Jiġifieri, naraw il-viżjoni sħiħa tal-affarijiet. U din il-viżjoni narawha mhux indipendentement minnU! Jekk nagħmlu jew noħolmu li se nagħmlu hekk, se nibqgħu nagħmlu l-qassatat ħbieb! MingħajrU inħawwdu fuq li nħawdu nistgħu! MingħajrU kawlata fuq oħra nagħmlu! Kemm b’mod individawli u anki flimkien!
Mela issa, li għadda l-Milied, ħa ngħożżu aktar l-għaqda ta’ dawn iż-żminijiet daqshekk sbieħ u għeżież. Liema għaqda mhix xi valur anonimu. Jew inkella newtrali, għax ‘il bogħod mill-Mulej! Ma ninsewx li meta nibdew nirraġunaw hekk, allura se nkunu aħna stess li nibdew inħejju l-ingredjenti għall-kawlata l-kbira. Il-kawlata tal-kawlati! Għaqda ‘il bogħod minn Kristu Ġesù sempliċiment hi ħrafa tal-ħrejjef! Għax ma teżiżtix!
U, għax imsaħħin minn Kristu, issa, li l-Milied għadda, se nħarsu ‘il quddiem għax qed nintebħu li meta niftħu qalbna għaliH f’ħajjitna nibdew naraw id-differenza! Għax, filwaqt li nibdew, bil-grazzja tiegħu, innaqsu d-differenzi ta’ bejnietna, ġejjin minfejn ġejjin, nibdew naraw id-differenza minn meta konna qabel għal dak li qiegħdin ngħixu issa. Qabel ħbieb neżiżtu konna! Imma issa, li qed nagħrfu l-valur tal-valuri l-oħra kollha, Ġesù Kristu, ħajjitna bdiet tieħu s-sens veru tagħha. Liema sens li dejjem hemm kien. Imma, u għal xi raġuni jew oħra, int u jien tfajnielu t-torba jew ħallejna xi ħaxix ħażin, trab, ġebel u xewk jikbru miegħu sakemm radmuh.
Issa li l-Milied għadda … ħa ngħix bi Kristu, ma’ Kristu u fi Kristu! Li kellmtu mhux ta’ bniedem speċjali, jew ta’ xi profeta imma ta’ Alla li sar bniedem, bħali u bħalek!
Patri Mario Attard OFM Cap