Il-progamm speċjali għall-Milied


Il-programm speċjali li sar fuq One Radio, nhar it-Tlieta 24 ta’ Diċembru 2019, mid-9.00 am sa’ 12.30, kien wieħed tabilħaqq sabiħ, informattiv u, żgur fuq li żgur, ħelu manna. Għal dawn il-kwalitajiet li semmejt żgur li ħa nibqa’ ngħożżu bħal ġawhra, aktar ma jibda’ għaddej iż-żmien minn fuqu.

Dan l-għaliex kien programm fejn fih, il-preżentatur bravu ta’ One, Clint Bajada, laqqa’ żewġ patrijiet u żewġ qassisin flimkien ħalli, fl-ispirtu ferrieħi u ta’ paċi li l-Milied waħdu jaf joffri, fi klima ta’ familja, jiddiskutu, bħala aħwa taċ-ċenaklu tal-Mulej, kif fil-fatt huma, il-Milied. Matul il-programm kellna l-grazzja li niġu akkumpanjati minn atmosfera tassew sabiħa l-għaliex kienet mimlija għanjiet tal-Milied Maltin imżewqin minn żewġ interventi telefoniċi, numru ta’ telefonati u anki messaġġi mingħand is-semmiegħa. Il-ġid kbir li l-Mulej ħareġ minn dan il-programm hu biss jafu! Għalhekk, grazzi Mulej għal dak li għoġbok tagħmel magħna permezz ta’ din ix-xandira daqstant meħtieġa u mimlija ferħ u tama għal żmien il-Milied!

Matul il-programm kemm tabilħaqq apprezzajt minn qalbi l-kumment għaqli li għadda Clint. Qal: Dan hu programm tal-Milied. Għalhekk inħallu l-politika fil-ġenb. Prosit Clint! Hekk għandu jkun! Il-Milied hi okkażjoni sabiħa li l-Mulej Ġesù, is-Sultan tal-Paċi, jagħtina, fuq platt tad-deheb, ħalli biha jgħaqqdna miegħU għax, l-ewwel u qabel kollox, jgħaqqadna flimkien. B’dan il-mod Ġesù jfakkarna li aħna familja waħda! Mela, ejjew ngħaddu messaġġi li jġibu l-għaqda, il-ferħ, is-solidarjetà u l-fraternità ma’ xulxin! Nibdew mill-Milied u nissuktaw f’kull jum, xahar, siegħa, minuta, sekonda u frazzjoni ta’ sekonda, matul is-sena kollha. Fi kliem il-Papa San Ġwann XXIII: Ejjew tabilħaqq infittxu dak li jgħaqqadna u qatt dak li jifridna!

Imbagħad, il-mistednin ta’ dan il-programm, kif diġà semmejt, kienu nteressantissmi. Issa dan qed ngħidu mhux l-għaliex, inzertajt, fiż-żifna jien! Iżda, meta toqgħod tikkunsidra ftit, tassew li konna mżewqin waħda u tajba! Għax, fuq naħa waħda, kien hemm Patri George Oscar Buttigieg OFM Conv. Bħalma nafu tajjeb, Patri George Oscar huwa midħla immens tal-Milied speċjalment bil-produzzjonijiet tas-CDs sbieħ tiegħu li joħroġ Ħelu Bambin. X’impatt sabiħ, qawwi u ta’ ġid spiritwali u liema bħalu ħallew u għadhom qed iħallu dawn is-CDs daqshekk sbieħ u mimlijin tifsira dwar it-twelid tal-Feddej tagħna Sidna Ġesù Kristu! Sintendi, bil-parteċipazzjoni tal-krema tat-talent mużikali lokali! Insomma, Patri George Oscar hu veru Franġiskan! U naqbel miegħu, mija fil-mija, meta aċċenna għal dawn il-produzzjonijiet bħala għanjiet ta’ fejqan.

Flimkien, Patri George Oscar u jien, ikolli ngħid żgur li lil San Franġisk, almenu għal dik l-għodwa, għamilnieh kuntent mis-sema! Għax liema missier ma jieħux gost meta jara lil uliedu maqgħudin flimkien? Ma ninsewx li quddiemu, fl-istudios ta’ One, kellu Patri Franġiskan Konventwal u Patri Franġiskan Kapuċċin. Prosit San Franġisk! Din id-darba żgur li ma kellekx għalfejn tgerger! Għax tassew li kellek rappreżentanza sabiħa fuq il-One!

Minn naħa l-oħra, fl-istudios kien hemm żewġ saċerdoti djoċeżani, it-tnejn li huma bravi fil-linja pastorali tagħhom. Fr. Martin Micallef, id-direttur tad-Dar tal-Providenza u Fr. Joe Mizzi, il-Kappillan ta’ Santa Luċija.

Nixtieq ngħid li għal diversi raġunijiet qatt ma nafni li ħassejtni daqshekk Franġiskan fi trażmissjoni fuq il-mezzi tax-xandir! L-ewwel nett, u fuq kollox, l-għaliex qed niltaqa’ magħkom, is-semmiegħa! Nieħu gost ħafna nisma’ dak li intom ikollkom xi tgħiduli! L-għaliex, minn dak li tgħiduli, dejjem tgħallmuni xi ħaġa utilissma għal ħajti! Imbagħad, is-suġġett ma setax ma jkunx wieħed Franġiskan: il-Milied! Jew, kif kien isejjaħlu Missierna San Franġisk, fi frażi li tant kienet għal qalbu: il-festa tal-festi. L-għaliex, kif jgħidilna tajjeb il-Fqajjar ta’ Assisi, meta jitħaddet dwar ir-rabta bejn il-Milied u s-Sagrament għażiż tal-Ewkaristija Mqaddsa, il-Milied ifakkarna f’dan il-pjan ta’ mħabba tal-Missier, għalik u għalija:

Għalhekk, intom bnedmin, kemm se ddumu twebbsu qalbkom (Salm 4:3)? Għax ma tagħrfux il-verità u temmnu fl-Iben ta’ Alla (Ġw 9:35)? Araw, kuljum jumilja ruħu (FiI 2:8), bħal meta mit-tron irjali (Għerf 18:15) ġie fil-ġuf tal-Vergni. Kuljum hu jiġi għandna f’dehra umli. Kuljum jinżel minn ħdan il-Missier (Ġw 1:18) fuq l-altar f’idejn is-saċerdot.

Barra minhekk, raġuni oħra li ġagħlitni nħossni ħafna Franġiskan f’dan il-programm, kienet il-preżenza ta’ żewġ saċerdoti djoċeżani magħna. Missierna San Franġisk kellu mħabba kbira lejn il-qassisin! Biżżejjed wieħed jagħti titwila lejn it-Testment tiegħu, li hu kiteb qabel għalaq għajnejh, darba għal dejjem, għal din id-dinja, il-Wied tad-Dmugħ.

Imbagħad il-Mulej tani u għadu jagħtini, tant fidi fis-saċerdoti li jgħixu skond kif trid il-Knisja Mqaddsa Rumana, minħabba d-¬dinjità tagħhom, imqar jekk inkun ippersegwitat minnhom irrid nibqa’ ndur lejhom. U li kelli għerf daqskemm kellu Salamun, u kelli niltaqa’ ma’ sacerdoti li jġibulek ħniena f’din id-dinja, ma rridx nipprietka kontra r-rieda tagħhom fil-parroċċa tagħhom. U nixtieq nuri biża’, imħabba u ġieh lejhom u lejn l-oħrajn daqslikieku huma sidien tiegħi. U ma rridx inqis id-dnub fihom, għax fihom nilmaħ
l-Iben ta’ Alla u huma s-sidien tiegħi. U nġib ruħi hekk magħhom, għax jien, mill-istess Iben ta’ Alla l-Aktar Għoli ma nara xejn bl-għajnejn tal-ġisem f’din id-dinja, ħlief il-Ġisem u d-Demm imqaddes tiegħu, li huma jirċievu u huma biss iqassmu lill-oħrajn.

Misjuq minn dan il-kliem tas-sema u li żgur li ħareġ ibaqbaq kollu mħabba minn qalb ta’ dan il-maħbub kbir tal-Mulej Ġesù, San Franġisk, tant li l-Knisja tagħtu l-isem ta’ alter Christus, Kristu ieħor, ma stajtx le ma naqsamx dak li kont qed inħoss f’qalbi, f’dak il-mument, waqt it-trażmissjoni! Liema ħsieb naf biċ-ċert li ma kienx sempliċiment sentiment tal-mument, għax il-Milied, iżda tama għall-mixja neċessarja u żgura tal-Knisja f’Malta, fi żminijiet mhux faċli u li qiegħdin biss wara l-kantuniera.

Meta se jasal iż-żmien li l-patrijiet u l-qassisin jibdew jgħixu flimkien fil-kunventi kbar u kważi vojta li għandna f’Malta? Meta se jasal iż-żmien li naħdmu flimkien, patrijiet u qassisin, fl-istess parroċċa u fix-xogħlijiet importanti oħra fi ħdan l-għażiża arċidjoċeżi tagħna? U meta ħa nieqfu mill-misħuta sistema pastorali li kulħadd jaħdem għal rasu? U jiġbed għal xawwatu? Qisu se jsalva d-dinja waħdu? U qisu hu biss għandu xi riċetta maġika li biha se jsalva lill-bnedmin? Kemm hi kerha ħbieb is-suppervja! U kemm hi ta’ min jitqażżieżha l-kburija! U mela fil-ġenna, ngħid jien, se nkunu tal-kannella f’dan l-isqaq, tal-griż fl-isqaq l-ieħor, tal-bojod fl-isqaq l-aktar imbiegħed filwaqt li tal-kullar jew tas-suttana qiegħdin fis-sqaq l-aktar viċin? Għadu jagħmel sens dan id-diskors fit-tagħrif li għandna dwar x’inhi l-vera Knisja? U l-Knisja fid-dinja tallum? Bir-rejaltajiet numeriċi ta’ Nsara li dejjem qed jonqsu mill-knejjes tagħna? U f’Malta kożmopolitana?

Le ħbieb! Ejjew inkunu Knisja waħda l-għaliex aħna rgħajja ma’ Kristu wieħed u li ma jinqasamx f’ta’ dawk u f’tal-oħrajn! Aħna għaqda waħda u kulleġġ wieħed ta’ rgħajja! U dan għal merħla waħda! Mingħajr diviżjoni u firdiet! Ma ninsewx li f’dinja fejn, kulma tmur, qed isseħħ il-globalizzazzjoni, mingħajr ma tintilef il-kariżma proprja ta’ kull ordni, istitut ta’ ħajja ikkonsagrata u tal-istess saċerdozju djoċeżan, ejjew naraw kif ħa ngħixu u naħdmu flimkien! Ejjew nissuperaw, bil-grazzja tal-Mulej, bil-kuraġġ u l-umiltà li jagħtina biss Hu, il-preġudizzji tal-imgħodd. Minflok, ejjew naraw kif flimkien, ma’ Ġesù wieħed li sejħilna biex ngħinuH fit-tmexxija tal-poplu tiegħu, inxammru jdejna u naħdmu flimkien! Patrijiet u qassisin! Qassisin u patrijiet! Ejjew ma ninħbewx wara l-iskuża li aħna lanqas fl-ordnijiet tagħna jew fil-parroċċi m’aħna kapaċi naħdmu flimkien aħseb u ara ma’ oħrajn. Din il-biża’ u preġudizzju nfantili u ta’ min ma jridx jikber għax ma jridx jirriskja irid jieqaf minnufih! Inkella ikkankrati konna, qiegħdin u aktar se nkunu fil-futur qarib!

Għalhekk, u fid-dawl ta’ dan kollu, kemm nitlob minn qalbi u nwassal, jien patri midneb u li ma jien veru xejn, li dan il-messaġġ, din il-karba tal-Mulej Ġesù illum, fil-Knisja f’Malta, tfittex tasal minnufih għand l-Isqfijiet u l-Konferenza tas-Superjuri Maġġuri tar-Reliġjużi fl-arċidjoċeżi ta’ Malta ħalli tiġi diskussa u, wara tant snin, id-deċiżjonijiet jibdew jittieħdu! M’hemmx aktar lok għal dewmien u skużi aktar! Il-bżonn hu tassew kbir biex ix-xhieda kollettiva tagħna ta’ rgħajja, bħala kulleġġ tar-rgħajja ma’ Kristu, fi Kristu u bi Kristu Ragħaj, tkun akbar u aktar b’saħħitha! Għax tkun turija ta’ għaqda fl-għemil imsarraf f’ħajja pastorali flimkien, qassisin u patrijiet, u mhux tpaċpiċ fil-vojt u karti li ma jwasslu għal imkien!

Apprezzajt ukoll, f’dan il-programm, l-intervent sabiħ li għamlet Sr. Veronica Gerada OSA fejn tħaddett fuq il-fatt li dak li jagħmel il-Milied tassew hu meta titwassal l-imħabba tal-Mulej għand l-oħrajn. L-aktar ma’ dawk li qed ibatu. Ħadt gost nismagħha titħaddet bl-entużjażmu karatteristiku tagħha dwar kif it-tlett iskejjel tas-Sorijiet tal-Agostinjani f’Malta, jiġifieri dik ta’ Birkirkara, tal-Gżira u tal-Mosta, it-tlieta li huma joffru dan is-servizz daqstant importanti u essenzjali tal-edukazzjoni. Fl-intervent tagħha, Sr. Veronica aċċennat għall-anniversarju tal-125 sena, li qed jiġi iċċelebrat din is-sena, minn meta l-ewwel komunità tas-sorijiet Agostinjani fetħet il-bibien tagħha f’pajjiżna. Waqt li kienet qed titkellem ftakart f’kumment għaqli kien għaddiet Sr. Rachel Frendo OSA, il-Madre Provinċjali tas-Sorijiet Agostinjani, meta kienet qalet li hi dejjem tħeġġeġ lis-sorijiet ħutha biex jgħallmu lill-istudenti ħa jgħumu f’baħar imqalleb.

Fl-intervent telefoniku tiegħu s-Sur Alfred Żammit, is-Sindku tal-Belt Valletta u preżentatur fuq One TV, kompla saħħaħ l-ispiritwalità tal-programm billi fakkar fl-għaqda li għandu jkun hawn fostna f’dawn il-ġranet hekk sbieħ tal-Milied. Liema għaqda ġejja mill-għaqda tagħna ta’ Kristu, l-għajn tal-għaqda vera u li tibqa’.

F’dan il-programm personalment ħassejtni arrikkit bil-bosta mit-tagħrif siewi li ngħata fih. L-ewwel nett, saret emfażi kbira u dettaljata fuq l-ittra mill-isbaħ li kiteb Papa Franġisku nhar l-1 ta’ Diċembru dwar il-valur u t-tifsira tal-Presepju, Admirabile signum. Kemm hu mportanti li mmorru għandu Ġesù! Li noqgħodu ħdejn dik il-maxtura qaddisa u minnha nitgħallmu l-virtujiet ta’ Ġesù!

It-tradizzjonijiet tal-mużika, tal-ikel, tal-letteratura, tal-kultura tal-presepju u ta’ tant affarijiet oħra li għandhom x’jaqsmu mal-Milied, fakkruni f’ħaġa tabilħaqq importanti: Kemm hi ħaġa sabiħa u ħelwa, li l-aħwa jgħammru flimkien! (S 133:1). Meta l-patrijiet u l-qassisin jgħixu u jaħdmu flimkien! Għalhekk iva dan il-programm tal-One Radio tal-Milied, ta’ din is-sena, kien wieħed tabilħaqq speċjali!

Patri Mario Attard OFM Cap