Illum il-Knisja tfakkar lil Santa Leonie Aviat


Fl-10 ta’ Jannar l-Knisja tfakkar lil Santa Leonie Aviat, magħrufa wkoll bħala Franġiska de Sales Aviat li għexet bejn is-snin 1844 sa 1914.

Twieldet fis-16 ta’ Settembru 1844, fil-belt ta’ Sezanne (Franza). Missierha kien Theodore Aviat u ommha kien jisimha Emilie. Huma kellhom ħanut tal-merċa.

Ta’ 11-il sena, daħlet boarder, mas-Sorijiet tal-Viżitandini mwaqqfin minn Santa Ġiovanna de Chantal. Kellha żewġ gwidi spiritwali. Hija damet għal 5 snin fl-iskola ta’ dawn is-sorijiet.

Kellha sens kbir tal-evoluzzjoni soċjali li kienet għaddejja minnha Franza – imma fl-istess ħin ħarġet mill-iskola konvinta li Alla qed isejħilha għall-ħajja reliġjuża. Missiera talabha biex tħalli d-deċiżjoni għal meta jkollha 20 sena.

Darba minnhom, ommha bagħtitha qadja f’fabrika tan-nuċċalijiet Sezanne. Hemmhekk rat ħafna xebbiet jaħdmu, u din id-dehra aktar ikkonvinċietha biex tgħin u tiggwida lil dawn ix-xebbiet. Xi snin wara, fl-1858, is-saċerdot Brisson, induna li ħafna xebbiet kienu qed jiġu minn bliet oħra biex jaħdmu fil-fabrika u qed jiġu sfruttati u abbandunati. Huwa waqqaf l-opra ta’ San Franġisk de Sales, li tieħu ħsieb dawn ix-xebbiet.

Leonie kienet addattata għal dan ix-xogħol. Fl-1866 marret tagħmel irtir u fis-16 ta’ April ħadet f’idejha r-responsabbilità tal-opra. Biddlet isimha u saret Sour Franġiska de Sales Aviat – b’rispett lejn San Franġisk de Sales. Fetħet hostels, fejn ix-xebbiet kienu jirċievu t-taħriġ, edukazzjoni u formazzjoni soċjali. Kienet tinsisti ħafna magħhom fuq – id-dinjità tagħhom bħala nisa – u fuq id-dinjità tax-xogħol. Kienet tinkuraġġihom ifaddlu l-flus, u jimxu fuq l-eżempju ta’ Marija u Ġużeppi. Din kienet tema wisq għal qalb Dun Brisson. Din l-organizzazzjoni ta’ Dun Brisson u Leonie, ħadet l-isem ta’ Obbati tal-Opra ta’ San Franġisk de Sales. L-opra żviluppat ruħha f’pajjiżi oħra madwar id-dinja.

Darba waqt laqgħa ma’ Dun Brisson, hu għarrafha li l-isqof kellu suspetti fuq is-siwi ta’ din l-opra li jieħdu ħsieb in-nisa, għalhekk għal xi żmien it-tnejn li huma kellhom jieqfu mix-xogħol li kienu qed iwettqu. Iżda fl-1893, l-isqof reġa’ poġġiha superjura tal-opra.

Fl-1903, il-Gvern Franċiż keċċa lir-reliġjużi kollha, kemm irġiel u kemm nisa minn Franza, u ħadilhom il-propjetà kollha tagħhom. Lis-sorijiet, l-isqof tahom ordni li jneħħu l-abitu tagħhom u jilbsu pajżana biex ikunu jistgħu jkomplu l-opra. Leonie, ġiet sfurzata biex titlaq minn Franza u marret f’Perugia, l-Italja. F’Perugia, Leonie tant għamlet isem, li t-Taljani bdew isejħulha l-Qaddisa.

Suor Franġiska De Sales Aviat, mietet fl-10 ta’ Jannar 1914. Hi ġiet beatifikata fl-1992 u kanonizzat fil-25 ta’ Novembru, 2001.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com