X’jgħallini l-għaref Wistin


Bħalissa l-Mulej qed jagħtini l-grazzja li nattendi għall-laqgħat tabilħaqq interessanti, u li qed isiru fl-Istitut Agostinjan, f’Tal-Pietà, dwar l-Istqarrijiet ta’ Santu Wistin. Inkun qiegħed nistenniehom bil-ħerqa dawn il-laqgħat informattivi u formattivi.

L-ewwel nett, nixtieq iva nfaħħar lil dawk kollha li qed jikkontribwixxu bil-kbir f’dawn il-laqgħat. Il-materjal li jgħaddulna huwa mill-aktar utli. Kemm fih innifsu, għax ġej mill-Ispirtu tal-Mulej permezz ta’ kittieb prim fl-istorja tal-Kristjaneżmu, u kif ukoll l-għaliex kull laqgħa toffri dak l-ispunt għal diskussjoni wiesa’ wiesa’ u li, mhux bilfors li wieħed dejjem għandu jaqbel ma’ dak li jingħad.

Personalment imma dawn il-laqgħat, bħalma qalilna tant tajjeb Prof. Patri Salvinu Caruana OSA, fl-ewwel laqgħa li biha infetħu dawn il-ħmistax-il laqgħa dwar Santu Wistin, ilaqqgħuna mat-test tal-Istqarrijiet. Ninsab mgħaġġeb bija nnifsi kemm sirt inħobb lil Santu Wistin! Kważi kważi donni sirt Agostinjan ukoll minbarra Franġiskan! Imma x’hemm f’Santu Wistin li jiġbed il-qalb u r-ruħ biex jidħlu u jsiru parti f’din il-mixja sabiħa, fl-iter tal-ħajja? X’hemm fl-Istqarrijiet li jvara lil dak li jkun biex jiskopri aktar dak li l-istess Stqarrijiet għalih iqabdulna t-triq?

Ma kellix dubju li Santu Wistin kien għalliem. U għalliem prim! Bħalma lanqas kelli xi dubju li kien għalliem famuż u mħejji sewwa. Imma, kull darba li naqra siltiet mill-Istqarrijiet tiegħu nħoss xi ħaġa li tixprunani li naqrahom u naqrahom aktar. U aktar fil-fond. Illum ngħid mhux fil-kwantità tal-paġni. Patri Salvinu għallimna li l-Istqarrijiet mhumiex xi test li wieħed jaqbad u jaqrahom hekk, ejja ħa mmorru. Le! Bħalma qed jgħallimni l-Mulej bih u b’xi kelliema f’dan il-kors interessantissmu li qed nattendi bi ħġari għalih, u dejjem meta nista’ minħabba l-impenji kbar tiegħi f’Mater Dei, wieħed irid jieħu test u jixtarru sewwa. Dan l-għaliex Santu Wistin għandu ħabta kif jilgħab bil-lingwa. U juża tixbihat tant sbieħ li jaf iffissrlek affarijiet tant fini permezz ta’ dik il-frażi li juża.

Iżda mhux biss fuq il-kapaċità ta’ kif juża’ l-ilsien, li diġà hi xi ħaġa kbira u kbira ħafna, li l-qaddis Isqof ta’ Ippona jinkullani mat-test tiegħu tal-Istqarrijiet. Hemm element aktar u aktar importanti minn hekk! Santu Wistin, ta’ bniedem għaref li kien, meta kien jagħmel xi ħaġa kien jidħol b’ruħu u b’ġismu għaliha. Mela, meta fil-ktieb numru erba’ tal-Istqarrijiet, hu daħal għall-astroloġija kien daħal daħla sew fiha. U ħallieha fil-ġenb wara li tgħidx kemm ħareġ iddiżappuntat l-għaliex intebaħ bil-qerq tagħha. Għax Wistin intebaħ li l-bniedem jibqa’ responsabbli ta’ għemilu. Għalhekk x’jgħidu u kif jinfluwenzawh l-istilel ma jneħħilux xagħra li hi xagħra mir-responsabbiltà ta’ għemilu!

Il-fattur li, ngħid għalija, l-aktar li jolqotni fih meta kiteb l-Istqarrijiet hu li jieħu episodji minn ħajtu u janalizzahom waħda sew. U, aktar ma beda dieħel f’dawn l-episodji, aktar beda jislet, tagħlima wara l-oħra, damma ta’ tagħlim tassew utli. Ma ninsewx li Wistin, dawn l-Istqarrijiet, kitibhom mhux għan-nies iżda lill-Mulej. Fil-fatt, għalih, il-Mulej waħdu kien l-udjenza tiegħu. Għalhekk, mal-Mulej, il-Konfessur waħdieni tiegħu, Wistin seta’ jinżel fil-qiegħ nett ta’ ċerti sitwazzjonijiet f’ħajtu li, għalih, kienu tassew importanti. U fihom, minbarra li ra l-bluha tiegħu, ra wkoll ix-xogħol tal-grazzja tal-Mulej li ħadmet bil-bosta f’ħajtu!

Għalhekk il-Mulej, bil-għaref Wistin, lili jgħallimni li għandi naqra ħajti bħala ktieb. Jiġifieri dak il-ktieb li fih hemm miġbur, fil-qosor, dak kollu li għaddejt minnu. Sintendi, huwa mpossibbli għalija li nirrakkonta, ħaġa b’ħaġa, dak kollu li għaddejt minnu f’ħajti! Kważi kważi, nazzarda ngħid li kieku trakk ma jkunx biżżejjed biex fih naħżen il-karti kollha li fuqhom inkun ħarbixt dwar dak kollu li nkun ħsibt, xtaqt, ma xtaqx, għaddejt u li m’għaddejtx minnu f’ħajti! Għalhekk, bħal Wistin, li ngħid li jien nasal nikteb xi bijografija fuq ħajti illum lil din l-idea tassew nidħkilha! Għax, u fil-verità, m’hi possibbli xejn!

Imma, u li hu possibbli, hu l-fatt li nieqaf fuq xi episodji ta’ ħajti. U, fihom, inħalli l-Ispirtu tal-Mulej iniżżilni fil-qiegħ tagħhom. U, aktar ma jniżżilni fil-qiegħ tagħhom, aktar ninduna, bħal Wistin, kemm jien midneb. Kemm għandi bżonn ninbidel. U kemm aktar għandni nifhem li jien, waħdi, bil-ħila tiegħi ma nistax le nagħmel il-ġid. Qatt! Qatt! U qatt! Imma l-grazzja tiegħu fija tista’ tagħmel kollox!

Barra minhekk, meta ninżel f’xi episodji ta’ ħajti, nista’, bħal Wistin, ikolli l-għanja ta’ tifħir lejn it-tjubija bla tarf tal-Mulej! Dik it-tjubija li ma timxix fuq l-apparenzi tal-bniedem. Li, anki jekk ikun ‘skular’ jew ‘skulara’ jaf jgħassed u tgħassed tgħassida żul minn hemm! Għax min jista’ tabilħaqq jifhem moħħ u qalb il-bniedem? (S 64:7). Min jista’ jifhem dawn il-labirinti eżiżtenzjali? Għajr Dak li ħalaqhom b’tant u tant għaqal u majestrija?

Imbagħad hemm ħaġa oħra li titla’ tiġri fil-wiċċ meta wieħed jaqra, naqra naqra, l-Istqarrijiet tal-kbir Wistin: min hi l-umanità! Min huma l-bnedmin! X’inhi l-ħajja li tgħaddi malajr! Aktar mal-Mulej niżżilni f’dawn l-Istqarrijiet tal-għaġeb li stqarr Santu Wistin aktar bdejt nintebaħ kemm anki jien, f’xi episodji partikulari f’ħajti, intbaħt kemm il-bniedem, kif tgħidilna tant tajjeb il-Bibbja: Tassew, daqsxejn ta’ nifs kull bniedem. Bħal dell jgħaddi l-bniedem, għalxejn joqgħod jitħabat, jaħżen il-ġid bla ma jaf min għad jiġbru (S 39:6-7).

Għalhekk, il-fraġilità tal-bnedmin kollha ħuti, u l-frugħa tal-ħajja ‘il bogħod mill-Mulej, għallmuni naqbad episodji minn ħajti stess u nħalli l-Ispirtu tal-Mulej janalizzahom Hu fija u bija. U hekk, ħajti, issir ukoll l-Istqarrija tiegħi lill-Mulej!

L-għaliex ma tagħmilx bħal Santu Wistin u iżżomm Djarju fejn fih tikteb x’għaddejt u x’tgħallimt minn dik is-sitwazzjoni li kont fiha? Jekk għadek ma tafx kif ħa tibda’ tagħmel dan nissuġġerilek tittawwal ftit lill-Istqarrijiet ta’ Santu Wistin u tħalli lilu jgħallmek. Kif, għall-grazzja tal-Mulej, qed jgħallem bil-mod il-mod lili kull darba li nagħti titwila lejn dan it-test tad-deheb ta’ letteratura u, fuq kollox, ta’ spiritwalità tal-għaġeb!

Patri Mario Attard OFM Cap