In-Nunzju tas-Sirja radd ħajr lill-Knisja tal-Ungerija.


In-Nunzju Appostoliku tas-Sirja, il-Kardinal Mario Zenari, kiteb ittra formali ta’ radd il-ħajr lill-Knisja tal-Ungerija. Il-Konferenza Episkopali Kattolika tal-Ungerija organizzat kampanja ta’ donazzjonijiet b’kollaborazzjoni mal-Caritas Sirja u l-aġenziji tal-fondazzjoni AVSI.

mario zenari.jpg
In-Nunzju Appostoliku tas-Sirja, il-Kardinal Mario Zenari

Fl-Ungerija nġabru aktar minn mitejn miljun Ewro li ntużaw bħala għajnuna għall-inizjattiva ‘Syrian Open Hospital’ (Sptar miftuħ Sirjan).

Din hija inizjattiva li tnediet fl-2016 bl-għan li lil uħud fost l-ifqar ċittadini tas-Sirja toffrilhom sptar bla ħlas.  Bħalissa din l-inizjattiva qed tagħti sapport lil tliet sptarijiet Sirjani.  Tnejn minnhom jinsabu Damasku u l-ieħor qiegħed Aleppo.  Bħala riżultat ta’ dawn l-inizjattivi diġà ingħataw kura b’xejn madwar 30,000 persuna.

Il-gwerra ċivili fis-Sirja ilha għaddejja sa mill-2011 u kienet inbdiet fiż-żmien magħruf bħala ‘Ir-rebbiegħa Għarbija’.

Il-Kardnal Zenari stqarr li l-kunflitt li hemm fis-Sirja hu serju ħafna u nnota illi dan il-kunflitt imdemmi, il-qerda li ilha sejra disa’ snin, il-mewt u l-għadd bla qies ta’ kampijiet tar-rifuġjati, għadhom jiżdiedu.

Niftakru biss, żied jgħid, li l-bumbardamenti fil-majjistral għaddejjin kuljum filwaqt li fil-punent tal-pajjiż is-sitwazzjoni għadha mwiegħra.

Hu kompla jgħid li jsib faraġ fil-qlubija u r-rieda tajba tan-nies li jimxu fuq l-eżempju tal-Veronika, ta’ Xmun minn Ċirene u tas-Sammaritan it-Tajjeb biex jgħinu lil min hu persegwitat isib kenn żgur.

Il-Kardinal Zenari ilu Nunzju fis-Sirja mill-2008.  Kien maħtur Kardinal mill-Papa Franġisku fl-2016 bħala għarfien  tal-ħidma tiegħu fil-pajjiż li l-Papa sejjaħlu “il-maħbuba Syria martri”.

Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Published by

laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.