Id-dramm tal-migranti hu t-tema tal-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara għal dis-sena

Print Friendly, PDF & Email

It-tema magħżula għall-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara, li ssir dejjem bejn it-18 u l-25 ta’ Jannar, festa tal-Konverżjoni tal-Appostlu tal-Ġnus, hija kwotazzjoni minn Kapitlu 28 tal-Atti tal-Appostli fejn insibu r-rakkont tan-nawfraġju ta’ San Pawl fostna l-Maltin.

“U huma ġabu ruħom magħna bi ħlewwa liema bħala” (Atti 28,2)

Din is-sena kien imiss lid-djoċesijiet ta’ Malta u Għawdex jagħżlu t-tema u fi kliem il-President tal-Kunsill tal-Knejjes, tal-Kummissjoni Ekumenika Djoċesana u Konsultur tad-Dikasteru tal-Vatikan, Monsinjur Hector Scerri, l-għażla kienet ħafifa ħafna fid-dawl tad-dramm tan-nawfraġju li qed jittenna llum ukoll bil-migrazzjoni ta’ ħafna li jaħarbu minn pajjiżhom u jbaħħru fl-istess ilmijiet tal-Mediterran li wasslu lill-Appostlu Missierna f’pajjiżna.

Fl-intervista li Monsinjur Scerri ta lir-radju tal-Vatikan hu spjega li minkejja li l-biċċa l-kbira tal-Maltin huma kattoliċi, illum hawn fostna ħafna nies oħra barranin ta’ konfessjonijiet oħra.  F’dar-rigward, il-Maltin għandhom esperjenza twila għax għal kważi 160 sena għexu spalla ma’ spalla mal-Ingliżi protestani u metodisti.

Il-Kunsil tal-Knejjes tad-djoċesijiet Maltin qabel illi l-akkoljenza mogħtija lil Pawlu u sħabu minn missirijietna hi pedament biex tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn id-denominazzjonijiet li hawn fostna ħalli dawn ħutna li qed iħabbtu wiċċhom mal-maltemp biex ifittxu ħajja aħjar, jingħataw l-akkoljenza li tixraq lid-dinjità ta’ kull bniedem għax l-iżgħar wieħed fosthom hu xbieha t’Alla.

Fil-ktejjeb ta’ tagħrif u suġġerimenti għat-talb matul dil-ġimgħa naqraw li fid-dramm tan-nawfraġju Pawlu afda f’Alla u bi kliemu kien fjamma ta’ faraġ u paċi għal kull min kien miegħu fuq il-ġifen.

Kontra dak li sabu n-nawfragi sħab Pawlu, ħutna li qed ibaħħru fl-istess Mediterran mhux qed isibu biss il-ħalel kontrihom imma wkoll indifferenza politika, ekonomika u umana.

Dal-prinċipju tal-akkoljenza hu punt li fuqu ssir ħafna ħidma mill-Kunsill Ekumeniku tad-Djoċesijiet Maltin għax jgħaqqad il-fehema tad-denominazzjonijiet differenti biex flimkien jaffrontaw dil-kriżi migratorja u fl-istess ħin hu prinċipju fundamentali li l-Knejjes kollha jaqblu dwaru, għalhekk prinċipju li jsaħħaħ l-għaqda.

Il-Kunsill presjedut minn Monsinjur Scerri għamel ukoll il-proposti tiegħu għal talb speċifiku kull ġurnata tal-Ġimgħa għall-Għaqda fost l-Insara.  Dawn huma: ir-rikonċiljazzjoni, id-dawl, it-tama, il-fiduċja, il-qawwa, l-ospitalità, il-konverżjoni  u l-ġenerożità.

Fl-intervista Monsinjur Scerri saħaq li t-tema magħżula għal dil-ġimgħa ta’ talb ittieħdet fi spirtu ekumeniku għax bħala nsara għandna dmir li nilqgħu lil xulxin u nkunu ġentili ma’ xulxin bħalma għandna nkunu akkoljenti u ġentili ma’ dawk li jħallu pajjiżhom minħabba nkwiet u gwerer u jiffaċjaw dal-vjaġġi perikolużi fuq l-art u aktar u aktar fuq il-baħar biex meta jaħsbu li sabu kenn, jitħallew jitbandlu mal-mewġ minħabba elementi xenofobi.

Madankollu, osserva Monsinjur Scerri, bħalma kienu ġentili ma’ Pawlu u sħabu fil-vjaġġ traġiku, illum ukoll, fil-biċċa l-kbira tagħhom għadhom juru ħniena ma’ min jasal fuq xtuthom.

Rapport għal-Laikos minn Joe Huber

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading