It-Tlieta, 21 ta’ Jannar 2020: Li aħna nsara, saċerdoti jew isqfijiet hu rigal li Alla tahulna b’xejn. Ma nistgħux nixtruh. Il-qdusija hi li aħna nindukraw dar-rigal mogħti lilna b’xejn u mhux għall-merti tagħna. Il-Papa Franġisku qal dan fl-omelija li għamel illum, waqt il-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta.
Il-Papa beda r-riflessjoni mis-Salm responsorjali (Salm 88) u l-ewwel qari (1 Sam 16, 1-13) li kellna fil-Liturġija tal-ġurnata.
Is-Salm 88 ifakkarna fil-ħatra ta’ David bħala re ta’ Iżrael wara li l-Mulej kien ċaħad lil Sawl minħabba d-diżubbidjenza. Fl-ewwel qari l-Mulej jibgħat lil Samwel biex jidlek lil wieħed minn ulied Ġesse il-Betlemita. Id-dilka tfisser l-għażla ta’ Alla u tintuża llum ukoll fil-konsagrazzjoni tas-saċerdoti u tal-isqfijiet. Aħna l-Insara wkoll, fil-Magħmudija jidilkuna biż-żejt.
Alla jistieden lil Samwel biex ma jħarisx lejn l-aspett fiżiku għax dak li jara l-bniedem ma jiswiex, infatti l-bniedem jara dak li jidher imma l-Mulej jara l-qalb.
Il-Papa kompla jgħid li ħut David kienu jitqabdu mal-Filistin biex jiddefendu s-Saltna ta’ Iżrael, imma l-Mulej għażel lill-aħħar wieħed minn fosthom. Tfajjel fuq tiegħu li kull meta seta’ kien imur jara kif ħutu jiġġieldu mal-Filistin, iżda kien jintbagħat lura biex imur jirgħa l-merħla.
Il-Mulej isejjaħ lil David, ruxxan u sbejjaħ. U lil Samwel il-Mulej qallu biex jidlek lilu u ‘minn dakinhar ’il quddiem niżel fuq David u ħakmu l-ispirtu tal-Mulej’.
Din ġrajja li ġġiegħlek tirrifletti u tistaqsi kif il-Mulej għażel tfajjel normali li forsi, ta’ tifel li kien, kien xi ftit fuq ruħu, kien jagħmel dak li jagħmlu adoloxxenti bħalu. Mhux bilfors kien tfajjel ‘qaddis’ li jitlob kuljum, u kellu sebat aħwa ‘tal-affari tagħhom’ li forsi kien jistħoqqilhom aktar.
Madankollu, inħatar l-iżgħar wieħed fosthom, l-aktar wieħed nieqes, li ma kellux titli, li ma kellu xejn, ma kienx tqabad fil-gwerra. Dan jurina l-gratwità fl-għażliet li jagħmel Alla.
Meta Alla jaħtar, juri l-libertà tiegħu u l-gratwità. Naħsbu ftit, aħna lkoll li ninsabu hawn: imma kif inhi li l-Mulej għażel lilna? ‘Għax aħna parti minn familja nisranija.’ Le. Hemm ħafna f’familji nsara li jirrifjutaw lill-Mulej, li ma jridux jafu. Allura kif ninsabu hawn, magħżulin mill-Mulej? Gratwitament, bla ebda mertu, bil-gratwità. Il-Mulej għażilna bil-gratwità. Aħna ma ħallasna xejn biex sirna Nsara.
Aħna s-saċerdoti, isqfijiet, ma ħallasna xejn biex insiru saċerdoti, isqfijiet – tal-anqas hekk naħseb, mhux hekk? Għaliex, iva, hemm min irid jimxi ’l quddiem fil-karriera ekkleżjastika li jġib ruħu bis-simonija, ifittex jinfluwenza biex isir, jilħaq… hemmhekk… Ix-xabbaturi! Le, dan mhux Nisrani. Li tkun Nisrani, tkun mgħammed, ordnat saċerdot jew isqof, hu mogħti b’xejn. Ir-rigali tal-Mulej ma nixtruhomx.
Id-dilka tal-Ispirtu s-Santu hi b’xejn. U aħna x’nistgħu nagħmlu?, staqsa l-Papa. Inkunu qaddisin. U l-qdusija nisranija hi li nħarsu dar-rigal, xejn aktar; inġibu ruħna b’mod li l-Mulej jibqa’ dejjem Dak li jagħti r-rigal li jien m’għandix narah qisu xi ‘mertu tiegħi’.
Bosta drabi, fil-ħajja ta’ kuljum, fid-ditta, fix-xogħol, infittxu dejjem li nilħqu u nkellmu lil xi ħadd biex ‘jgħaddilna kelma!’ Dan mhux rigal, dan tixbit.
Imma li tkun nisrani, saċerdot, isqof, hu rigal u xejn aktar. U hekk jinftiehem l-atteġġjament ta’ umiltà tagħna, dak li suppost ikollna: bla ebda mertu. Kull ma għandna nagħmlu hu li nindukraw dan ir-rigal biex ma nitilfuhx.
Ilkoll kemm aħna għandna d-dilka tal-Mulej; jeħtieġ inħarsu din id-dilka li għamlitna nsara, għamlitna saċerdoti, għamlitna isqfijiet. Din hi l-qdusija – l-affarijiet l-oħra huma bla siwi: l-umiltà li għandu jkollna biex nindukraw ir-rigal.
Liema hu l-akbar rigal ta’ Alla? L-Ispirtu s-Santu! Meta l-Mulej għażilna, tana l-Ispirtu s-Santu. Din hi grazzja pura, bla mertu tagħna.
Il-Papa nnota li David ittieħed ‘minn wara l-merħla’, ‘mill-poplu tiegħu’.
Jekk aħna l-Insara ninsew il-poplu t’Alla, inkluż il-poplu li ma jemminx, jekk aħna s-saċerdoti ninsew il-merħla tagħna, jekk aħna l-isqfijiet ninsew dan kollu u nħossuna aktar importanti mill-oħrajn, inkunu qed nirroftaw ir-rigal ta’ Alla. Qisna lill-Ispirtu s-Santu nkunu qed ngħidulu: ‘Inti mur mat-Trinità, strieħ, għax jien waħdi nirranġa.’ Dan mhux aġir nisrani. B’hekk ma nkunux qed nindukraw ir-rigal.
Illum nitolbu lill-Mulej, aħna u naħsbu f’David, biex itina l-grazzja li niżżuh ħajr għar-rigal li tana, li nkunu konxji ta’ dar-rigal tant kbir, tant sabiħ, u li dil-gratwità, dar-rigal inħarsuh bil-fedeltà tagħna.
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.