Agħmel li l-ħarsa tiegħek tkun il-ħarsa ta’ Ġesù: ħarsa kollha verità, ħniena u mogħdrija


Il-Ħadd, 19 ta’ Jannar 2020: Quddiesa fil-bidu tal-ħidma pastorali ta’ Patri Josef Pace bħala kappillan tal-Parroċċa ta’ San Pawl il-Baħar fil-Knisja Parrokkjali ta’ Marija Addolorata, San Pawl il-Baħar.

Capture

L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

“Inti l-qaddej tiegħi, bik jiena nkun imfaħħar” (Iż 49:3). Għażiż kappillan, Fr Josef, din il-profezija ta’ Iżaija li l-Knisja llum qiegħda tapplikaha għall-Mulej Ġesù, tkun ukoll dawl fil-ministeru ġdid li llum qiegħed tibda. Il-Mulej qiegħed isejjaħlek biex taqdih fil-poplu tiegħu f’din il-parroċċa hawnhekk f’San Pawl il-Baħar, iddedikata taħt it-titlu ta’ Sidtna Marija Addolorata, Reġina tal-Martri.

Inti l-qaddej tal-Mulej u aħna nawgurawlek li permezz tiegħek il-Mulej ikun imfaħħar. Dan huwa l-istess Mulej li għamlek qaddej tiegħu minn ġuf ommok. Il-Mulej qed jagħtik il-grazzja taraha hawn miegħek llum flimkien ma’ missierek u mal-familja tiegħek, tifraħ bik u titlob għalik. Il-Mulej bagħtek hawnhekk fostna. U aħna nifirħu bik parruċċani tiegħek u nitolbu ħafna għalik.

Ġwanni jilmaħ lil Ġesù u lid-dixxipli tiegħu jgħidilhom: “Araw il-ħaruf ta’ Alla” (Ġw 1:29). Il-kelma ħaruf bl-Aramajk, li x’aktarx kien jitkellem Ġwanni l-Għammiedi, Ġwanni l-Battista bħalma kien jitkellmu Ġesù, il-kelma ‘ħaruf – talyâ’ tfisser tliet affarijiet: ħaruf, qaddej u iben. U b’kelma waħda, bi xbieha waħda Ġwanni l-Battista qiegħed jindika ’l Ġesù bħala l-ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja, l-agnus dei, imma wkoll qed jindikah bħala l-qaddej ta’ Alla li minnu jitkellem ukoll Iżaija fl-Ewwel Qari f’dik il-profezija, u l-iben ta’ Alla. Ġwanni stess f’dan id-djalogu mad-dixxipli tiegħu, li wħud minnhom imbagħad telquh biex imorru wara Ġesù, jgħidlu hu x’jgħid – huwa xhud li dan Ġesù huwa l-Iben ta’ Alla.

Għażiż Fr Josef, int ukoll imsejjaħ biex lilna tfakkarna min hu tassew Ġesù. Mhux biss bil-kelma tiegħek li tfakkarna dwar l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem li huwa Ġesù għaliex se jsalva lill-poplu minn dnubiethom, Alla jsalva. Mhux biss tfakkarna li Ġesù huwa l-qaddej li jerfa’ fuqu d-dnubiet u l-mard tagħna, li huwa l-Iben ta’ Alla, imma inti tfakkarna f’Ġesù bix-xhieda tiegħek. “Xhedt, dan hu l-Iben ta’ Alla” (Ġw 1:34). Ix-xhieda tiegħek hija neċessarja. Għalina hija don kbir li r-ragħaj tagħna jfakkarna min hu Ġesù għax aħna meta nħabbtu l-bieb ta’ qalbek, dan qegħdin infittxu. L-għatx tagħna huwa għal Ġesù għax nafu li l-ebda qalb ta’ bniedem, kbira kemm hi kbira, ma tista’ xxebba’ l-għatx ta’ qalbna, il-ġuħ li għandna għat-tajjeb, għas-sewwa.

M’intix qed tissejjaħ biex iddur id-dinja bħalissa għax id-dinja ġiet għandek.

Fr Josef, ħu ħsieb li mill-ħanut tiegħek toħroġ il-kelma bnina tal-Imgħallem. Inti ma tbigħx la ġebel biex tissuttana bih u lanqas imsiemer biex isallabna bihom. Inti tagħti b’xejn il-ħniena, il-grazzja. U aħna li aħna dgħajfin u midinbin u li fi triqtna nogħtru, meta nħabbtu fuq il-bieb ta’ qalbek bħala r-ragħaj tagħna, ħu ħsiebna, ħu paċenzja bina. Agħmel li l-ħarsa tiegħek fuqna tkun il-ħarsa ta’ Ġesù, dik il-ħarsa kollha verità, imma kollha ħniena u mogħdrija.

San Pawl Missierna jsejjaħ lilu nnifsu l-protos, l-ewwel fost il-midinbin u jgħid li Alla għażlu biex juri permezz tiegħu l-paċenzja kbira ta’ Ġesù Kristu u biex b’hekk, meta aħna naraw din il-paċenzja kbira li jaħfer bla ma jgħejja, li jagħder, aħna nagħmlu l-qalb u jiġina l-kuraġġ ngħidu – kyrie eleison ‘Mulej ħniena’.

Is-superjur tiegħek, il-Provinċjal f’isem il-Mulej, bagħtek hawn fostna u aħna nafdawk u nafdaw il-ministeru tiegħek f’idejn l-interċessjoni qawwija ta’ Sidtna Marija. Fil-mument l-iżjed diffiċli ta’ ħajjitha, ħdejn is-salib ta’ binha, baqgħet wieqfa tibki, qalbha maqsuma, tixhed li minkejja li huwa msallab, Ġesù huwa l-Iben ta’ Alla. Inti wkoll, inti u twassal il-ħniena tal-Mulej lill-morda, lill-batuti, lil tant nies minn diversi pajjiżi li qegħdin jgħixu hawnhekk f’din il-parroċċa, ftakar ukoll li iben Marija huwa dak il-qaddej li s-salvazzjoni tiegħu hija salvazzjoni li tinfirex sa truf l-art. Ħafna minnhom jibagħtu dak kollu li jaqilgħu bl-għaraq ta’ ġbinhom permezz ta’ xi aġenzija, biex hekk il-flus jaslu għand il-familji tagħhom fid-dinja kollha, imma huma jibqgħu hawnhekk. Dawk ukoll huma il-merħla tiegħek.

M’intix qed tissejjaħ biex iddur id-dinja bħalissa għax id-dinja ġiet għandek. M’intix qed tissejjaħ biex titkellem b’ħafna lingwi għax biżżejjed se jkollok tisma’ lingwi differenti. Imma f’kull lingwa tad-dinja hemm għajta waħda: Mulej ħniena, henn għalina. Kun inti l-qaddej ta’ din l-imħabba.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Iż 49, 3.5-6
Salm: 39 (40), 2.4ab.7-8a.8b-9.10
Qari II: 1 Kor 1, 1-3
Evanġelju: Ġw 1, 29-34