L-Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin


Għall-okkażjoni ta’ Ħadd il-Kelma ta’ Alla, li ser ikun imfakkar il-Ħadd 26 ta’ Jannar 2020, qegħdin nippublikaw sensiela ta’ tliet artikli qosra fuq l-Ittri ta’ San Pawl lir-Rumani, lill-Korintin u lill-Galatin.

San Pawl kiteb żewġ ittri lill-Korintin. Ta’ min isemmi li l-ewwel ittra hija waħda mill-ittri l-kbar li kiteb dan l-Appostlu.

L-Appostlu tal-ġnus waqaf f’Korintu fit-tieni safra missjunarja tiegħu u din kienet l-aħħar belt li żar f’din is-safra. Il-popolazzjoni ta’ din il-belt kienet tlaħħaq madwar kwart ta’ miljun ruħ. Minnhom erbgħin elf kienu lsiera u madwar mitejn elf ruħ kienu ħielsa. F’din il-belt kienu jinsabu żewġ tempji: dak ta’ Apollo li kien magħruf għall-arkittetura tiegħu u dak ta’ Afroditi li kien famuż għall-festi u għal-logħob li kienu jsiru fih. Kien hemm ħafna ġid filwaqt li l-ħajja kienet moralment laxka.

X’aktarx li San Pawl kiteb  l-ewwel ittra għall-ħabta tal-Għid il-Kbir tas-sena 57 W.K ftit qabel ma telaq minn Efesu. F’din l-ittra kellemhom l-aktar dwar il-problemi tagħhom. Fissrilhom li l-Knisja hija waħda u ma tistax tinqasam f’partiti peress li kien hemm diversi partiti li kienu qegħdin jifirduhom. Il-magħmudija saret f’isem Kristu li huwa wieħed. Min iġib il-firda jkun qiegħed jiċħad it-tagħlim tas-salib li huwa wieħed ta’ ċaħda, għaqda u mħabba. Ikkundanna ż-żina peress li kien hemm wieħed li kien qiegħed jgħix mal-mara ta’ missieru.

Fissrilhom li ż-żwieġ ma huwiex xi ħaġa ħażina kif kienu jaħsbu xi wħud anzi huwa xi ħaġa qaddisa. Imma l-verġinità għal min jista’ josservaha tajjeb, biex wieħed jagħti lilu nnifsu kollu kemm huwa lil Alla, hija ogħla mill-istat taż-żwieġ. Dawk li huma miżżewġin jitqaddsu billi jgħinu lil xulxin filwaqt li l-verġni jitqaddes f’għotja totali tiegħu lil Alla. F’din l-ittra wriehom ukoll li l-laħam offrut lill-idoli fuq l-altari pagani ma għandux jittiekol min-nisrani u dan biex ma jkun hemm skandlu.

Spjegalhom li l-Ewkaristija għandha tkun iċċelebrata bil-qima kollha u fl-imħabba ta’ xulxin mingħajr ikel u xorb żejjed. Meta wieħed jittratta din l-ittra ma jistax iħalli barra l-Innu ta’ l-Imħabba li jinsab fiha (1 Kor 13, 1-13). Jgħidilna: “Issa hawn fidi, tama u mħabba, dawn it-tlieta; imma l-akbar fosthom hi l-imħabba” (1 Kor 13, 13).

F’din l-ittra jsemmi wkoll li d-doni tal-profezija u l-ilsna huma tajbin iżda meta jkunu meqjusa. Fil-kapitlu ħmistax jittratta il-qawmien tal-ġisem mill-imwiet. La Kristu qam mill-imwiet aħna wkoll għad inqumu fl-aħħar jum, b’ġisem imsebbaħ bi glorja kbira.

Niġu għat-tieni Ittra lill-Korintin. Din l-ittra  ġiet miktuba wara li San Pawl ħalla lil Efesus qrib l-aħħar tas-sena 57. X’aktarx li din inkitbet f’Filippi tal-Maċedonja. Din l-ittra fiha ftit tagħlim. San Pawl f’din l-ittra pprova jiddefendi ruħu kontra dawk li ppruvaw jattakkaw l-awtorità appostolika tiegħu.

It-tagħlim ewlieni ta’ din l-ittra huwa:

  1. In-nisrani meta jilmaħ in-nuqqasijiet tiegħu ma għandux jaqta’ qalbu iżda għandu jħares lejn il-qawwa ta’ Alla fil-ħidma biex jirbaħhom.
  2. Il-ministru ta’ Alla jiltaqa’ ma’ tfixkil kbir fil-ħidma missjunarja tiegħu. Iżda fl-istess ħin dan it-tfixkil ikun iqawwih u jurih li l-għemil it-tajjeb isir bir-rieda ta’ Alla u mhux bil-qawwa tan-nies ta’ din id-dinja.

Minn Angelo Xuereb