Illum il-Knisja tfakkar lil San Franġisk de Sales


Fl-24 ta’ Jannar l-Knisja tfakkar lil San Franġisk de Sales, Isqof u Duttur tal-Knisja li għex bejn is-snin 1567 sa 1622.

San Franġisk, l-ikbar fost sitt ulied ta’ familja nobbli, twieled fil-21 t’Awissu 1567, f’Chateau de Sales, ħdejn Ġinevra, l-Isvizzera. Kien l-għożża speċjali ta’ ommu, li kienet tħobb taqralu l-ħajjiet tal-qaddisin li jġibu ismu: San Franġisk t’Assisi u San Franġisk minn Paola, u t-tfajjel, imħeġġeġ mill-eżempju tagħhom darba qalilha: “Mà, ġa hemm żewġ San Franġiskijiet: bija jridu jkunu tlieta.”

Kellu karattru ġentili għall-aħħar anki fil-kuntrarju, xhieda tal-profondità tal-ħajja reliġjuża tiegħu; imma fl-istess ħin kellu wkoll karattru sod. Bħala l-iben il-kbir, hu kien iddestinat biex ikun il-glorja tal-familja nobbli tiegħu, billi jkollu karriera brillanti fid-dinja u post fis-senat tas-Savoia. Imma Franġisk għażel is-saċerdozju minkejja l-insistenza ta’ missieru biex jitħarreġ fil-liġi u jaqbad karriera sekolari.

Ta’ 15-il sena kien mibgħut ikompli l-istudji tiegħu f’Pariġi (1582), imma rrifjuta li jattendi l-Kulleġġ ta’ Navarre kif riedu missieru, għax beża’ li hemm seta’ jsib tfixkil għalih; minflok għażel il-kulleġġ tal-Ġiżwiti fi Clermont. Hawn ġie f’kuntatt mar-rikkezzi tal-umaneżmu ta’ wara l-Konċilju ta’ Trentu li kien jiġbor fih it-tagħlim klassiku tar-Rinaxximent għas-servizz tal-moħħ u l-ispirtu Kristjan.

Għadda minn żmien ta’ skrupli u kien ukoll jiddubita mis-salvazzjoni ta’ ruħu. Imma jum minnhom, waqt li kien qed jitlob b’ħerqa kbira quddiem xbieha tal-Madonna biex teħilsu minn dawk id-dubji li kienu qed imarrduh, ħassu mfejjaq għal kollox u fl-istess ħin għamel vot privat ta’ kastità. Din l-esperjenza għenitu ħafna ’l quddiem fid-direzzjoni ta’ nies skruplużi.

Intefa’ b’ruħu u b’ġismu għat-tiġdid kattolika f’art twelidu, u rnexxielu jġib mill-ġdid fi ħdan il-Knisja mas-70,000 li kienu ħallewha. Dan għamlu bil-priedki, id-djalogi, u billi kien jikteb leaflets, iqabbad xi nies biex jikkupjawhom u wara jqassmuhom bl-idejn lill-familji fid-djar.

Fl-1602, sar Isqof ta’ Ġinevra, meta kellu 35 sena. Kien kontinwament jivjaġġa u jippriedka, u bil-mod ta’ ħajja li kien jgħix, bla ebda vanitajiet jew storbju fi lbiesu jew imġibtu, ġibed għal ħajja aktar reliġjuża d-djoċesi kollha tiegħu. B’mod speċjali ddedika ruħu għas-sagrament tal-qrar, u bid-direzzjoni tiegħu kien jgħin lin-nobbli u l-bdiewa li kienu jfittxuh għall-maħfra u għall-pariri.

Fl-1610, flimkien ma Santa Ġovanna Franġiska ta’ Chantal, waqqaf il-Komunita’ tas-Sorijiet tal-Viżitazzjoni. Kien ħabib kbir ta’ San Vinċenz de Paul, l-appostlu tal-karita’, u bħalu kien bniedem ta’ qalb tajba u umli. Kien spiss juża dak il-proverbju: “Iktar taqbad dubbien b’qatra għasel, milli b’barmil ħall”.

Minkejja l-ħafna xogħol pastorali, sab ħin biex jikteb diversi kotba. Il-kapolavur tiegħu huwa l-ktieb ‘Daħla għall-Ħajja Devota’ li tiegħu ġa ħarġu aktar minn 400 edizzjoni tiegħu. Warajh jiġi l-ktieb ‘Trattat fuq l-Imħabba ta’ Alla’ li dam jiktbu għaxar snin. Għandu wkoll mal-1,000 ittra u l-ktieb Konferenzi, taħdidiet li kien jagħti lis-Sorijiet tal-Viżitazzjoni. Diversi kongregazzjonijiet reliġjużi twaqqfu taħt il-patroċinju tiegħu fosthom is-Salesjani ta’ San Ġwann Bosco. Il-Papa Ġwanni XXIII kien iżomm lil S. Franġisk de Sales bħala mudell tul ħajtu kollha.

Miet ta’ 55, wara attakk ta’ puplesija, f’Lyons, fit-28 ta’ Diċembru 1622 waqt li kien qed jivvjaġġa lura wara laqgħa li kellu mar-Re Lwiġi XIII f’Avignon fejn iddiskuta miegħu dwar ċerti privileġġi għall-parti Franċiża tad-djoċesi tiegħu. Ġismu ġie midfun f’Annecy fl-24 ta’ Jannar 1623.

Il-beatifikazzjoni tiegħu fi żmien sena kienet l-ewwel beatifikazzjoni li saret f’San Pietro. Iddikjarah qaddis Alessandru VII fl-1665, u dikjarat duttur tal-Knisja fl-1877. Il-Papa Piju XI iddikjarah Patrun tal-Ġurnalisti, tal-Kittieba u tal-Istampa Kattolika. F’Malta, id-Direzzjoni ta’”Il-Leħen” kull sena tieħu inizjattiva biex f’dan il-jum l-Arċisqof iqaddes għal dawk kollha li għandhom sehem fil-qasam tal-istampa u x-xandir.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.