Illum il-Knisja tfakkar lil Santa Katerina Drexel


Fit-3 ta’ Marzu l-Knisja tfakkar lil Santa Katerina Drexel, Reliġjuża li għexet bejn is-snin 1858 sa 1955.

Il-qaddisa twieldet f’Filadelfja, nhar is-26 ta’ Novembru, 1858, it-tieni bint ta’ Francis Drexel, u Hannah Langotroll li mietet xahar biss wara t-twelid ta’ Katerina. Ftit wara li romol, missierha Francis iżżewweġ lil Emma Bouvier, li kienet kattolika, u li rabbiet lil Katerina u lil oħtha l-oħra fil-fidi.

Fl-1879, meta għalqet 21 sena, Katerina kienet imdaħħla fis-soċjetà għolja ta’ Filadelfja, imma kienet aktar miġbuda għal l-ħajja reliġjuża. Ommha tar-rispett, mietet dik l-istess sena. Meta miet missierha, Katerina u oħtha wirtu, kull waħda minnhom, renta ta’ elf dollaru kuljum.

Meta kellha 28 sena, fis-sena 1886, Katerina mardet u marret il-Ġermanja biex tieħu saħħitha. Waqt li kienet hemm, hi ġabret diversi saċerdoti u sorijiet biex imorru jaħdmu fil-missjonijiet fost l-Indjani tal-Amerika, wara li kienet issuġġeriet it-twaqqif ta’ fond kattoliku għal dawn il-ħidmiet.

Waqt li darba Katerina Drextel kellha udjenza privata mal-Papa Ljun XIII, il-Papa qalilha biex hi ssir missjunarja. Fis-sena ta’ wara hi bniet skejjel fl-istati Amerikani ta’ Dakota, Wyoming, Montana, Kalifornja, Oregon u New Mexico.

Ta’ 31 sena, Katerina daħlet novizza mas-sorijiet tal-Ħniena (Sisters of Mercy), u ħadet il-libsa reliġjuża fis-7 ta’ Novembru, 1889 mill-Arċisqof Ryan ta’ Filadelfja. Sentejn wara, fl-1891, Katerina ħadet il-voti bħala l-ewwel membru tas-Sorijiet tas-Santissmu Sagrament għall-Indjani u l-Poplu ta’ Kulur. Hi fetħet novizzjat, u sat-tmiem tas-sena, f’Cornwall Heights qrib Filadelfja, kien hemm fil-kongregazzjoni 21 reliġjuż. L-ewwel missjoni kienet dik ta’ Santa Katerina f’Santa Fé, New Mexico. Imbagħad infetħu missjonijiet oħra u skejjel, fosthom ukoll Xavier University fi New Orleans. Il-Papa San Piju X ta l-approvazzjoni preliminari għall-kongregazzjoni tagħha fl-1907.

Barra l-voti tal-faqar, safa u ubbidjenza, Katerina daħħlet fil-kongregazzjoni tagħha r-raba’ vot: dak li s-sorijiet tagħha jkunu ommijiet u qaddejja tar-razez Indjani u Suwed skont ir-regoli tas-Sorijiet tas-Santissmu Sagrament, u li ma jieħdu ebda xogħol li jista’ jwassal li r-razez Indjani u lin-nies ta’ Kulur jistgħu jiġu traskurati jew abbandunati. Hija rċeviet ukoll pariri siewja u prudenti mill-qaddisa fundatriċi ta’ żmienha, Santa Franġiska Saverja Cabrini.

Katerina kienet magħżula superjura ġenerali, u kompliet tifrex l-iskop tal-ħidmiet tal-kongregazzjoni. Fl-1912, meta kienet fi New Mexico, ħadet il-marda tat-tifù u ħtiġielha tagħmel żmien biex tieħu saħħitha. Wara li fieqet, fl-1915 waqqfet Xavier University fi New Orleans – l-ewwel istituzzjoni kattolika ta’ edukazzjoni għolja għas-Suwed.

Fl-1935 attakk tal-qalb ġagħalha tirtira minn superjura. Hi marret fl-infermerija tal-kunvent biex titlob u timmatura fil-ħajja komtemplattiva.

Santa Katerina Drexel mietet fit-3 ta’ Marzu, f’Cornwell Heights, Pennsylvania, fl-età ta’ 96 sena. Il-Papa San Ġwanni Pawlu II ddikjaraha beata fl-1988, u dan l-istess Papa ddikjaraha qaddisa fl-1 ta’ Novembru, 2000.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com