Illum il-Knisja tfakkar lil Santa Katerina tal-Isvezja


Fl-24 ta’ Marzu l-Knisja tfakkar lil Santa Katerina tal-Isvezja, li għexet bejn is-snin 1331 sa 1381.

Twieldet fl-1331 u kienet ir-raba’ bint ta’ Ulfo, prinċep ta’ Nierck fl-Isvezja, u martu Santa Briġida.

Kienet edukata fl-abbazija ta’ Risberg (fl-Isvezja). Ta’ 13-il sena missierha żewwiġha lil Eggard Lydersson, ta’ nisel ġermaniż, żagħżugħ ta’ reliġjożità kbira li miegħu ftehmet li tgħix fil-kontinenza. Żewġha kien bniedem marradi ħafna, u Katerina daret bih b’dedikazzjoni kbira.

Wara l-mewt ta’ żewġha, Katerina marret Ruma ħdejn ommha fl-1349 u baqgħet takkumpanjaha sakemm mietet 25 sena wara, f’Ruma. L-Omm u l-bint iddedikaw ħajjithom għall-opri tal-karità, f’pellegrinaġġi (żaru anke Ġerusalemm), u biex iġibu ’l quddiem l-ordni tas-Sorijiet tas-Santissimu Sagrament, imwaqqfin minn ommha Briġida u minħabba f’hekk jissejħu wkoll Briġittini.

Wara l-mewt ta’ ommha, fl-1373, Katerina ħadet il-fdal tagħha lura f’pajjiżha, u rtirat fl-abbazija ta’ Vadstena, li tiegħu aktar tard saret badessa. Hawn hi kisbet fama ta’ qdusija u ta’ mirakli.

Bejn l-1375 u l-1380, Katerina marret mill-ġdid Ruma. Fl-1379, kisbet l-approvazzjoni għall-Ordni tas-Sorijiet Briġittini u ħabirket ukoll biex ommha tiġi ddikjarata qaddisa.

L-Ordni tas-Sorijiet Briġittini hu affiljat mal-Ordni Agostinjan, u għandu bħala skop prinċipali x-xogħol letterarju, speċjalment bit-traduzzjoni ta’ xogħlijiet reliġjużi.

Santa Katerina tal-Isvezja mietet fl-abbazija ta’ Vadstena fl-24 ta’ Marzu tal-1381, fl-età ta’ 50 sena. Il-kult lejha kien approvat mill-Papa Innoċenzju VIII, fl-1474.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.