It-Tnejn, 30 ta’ Marzu 2020: Illum, fil-quddiesa mid-Dar Santa Marta, il-Papa talabna nitolbu għal tant nies li mhux qed jirnexxilhom jegħlbu l-biża’ minħabba dil-pandemija. Jalla l-Mulej jgħinhom iqawwu qalbhom għall-ġid tas-soċjetà kollha u tal-komunità kollha.
Omelija
Fis-Salm responsorjali tlabna: ‘Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni; f’mergħat kollha ħdura jqegħidni. Ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni; imexxini fit-triq tas-sewwa minħabba l-isem tiegħu. Imqar jekk nimxi f’wied mudlam, ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi. Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek, huma jwennsuni’ (Salm 23, 1-4).
Din hi l-esperjenza ta’ dawn iż-żewġ nisa li qrajna dwarhom fiż-żewġ qari: mara innoċenti akkużata bil-falz, kalunjata; u mara midinba. It-tnejn kienu kkundannati għall-mewt, l-innoċenti u l-midinba. Xi wħud mill-Missirijiet tal-Knisja, f’dawn iż-żewġ nisa jaraw xbieha tal-Knisja: qaddisa imma uliedha midinbin. B’espressjoni sabiħa bil-Latin kienu jgħidu: il-Knisja hija l-casta meretrix, il-qaddisa b’uliedha midinbin.
Iż-żewġ nisa kienu ddisprati, iddisprati umanament. Imma Susanna għandha fiduċja f’Alla. Hemm ukoll żewġ gruppi ta’ persuni, irġiel, it-tnejn li huma qaddejja tal-Knisja: l-imħallfin u l-imgħallmin tal-Liġi. Ma kinux ekkleżjastiċi, imma kienu qaddejja tal-Knisja, fit-tribunal u fit-tagħlim tal-Liġi. Kienu differenti minn xulxin. Tal-ewwel, dawk li akkużaw lil Susanna, kienu korrotti: l-imħallef korrott, il-figura emblematika tal-istorja. Fl-Evanġelju wkoll insibu, fil-parabbola tal-armla fitta, l-imħallef korrott li ma kienx jemmen f’Alla u ma kien jimpurtah xejn la minn Alla u lanqas mill-oħrajn! Id-dutturi tal-Liġi ma kinux korrotti imma ipokriti.
U dawn in-nisa – waħda waqgħet f’idejn l-ipokriti u l-oħra f’idejn il-korrotti – ma kellhomx mnejn jaħarbu. ‘Imqar jekk nimxi f’wied mudlam, ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi. Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek, huma jwennsuni’ (Salm 23, 4). Iż-żewġ nisa sabu ruħhom f’wied mudlam; kienu sejrin hemmhekk, fil-wied mudlam, lejn il-mewt. L-ewwel waħda tistqarr bla tlaqliq li tafda f’Alla u l-Mulej daħal għaliha. It-tieni waħda, imsejkna, taf li għandha ħtija, mistħija quddiem il-poplu… għax il-poplu kien preżenti fiż-żewġ okkażjonijiet. L-Evanġelju ma jgħidilna xejn dwar dan imma żgur li f’qalbha kienet qed titlob, kienet qed titlob xi għajnuna.
X’jagħmel il-Mulej ma’ nies bħal dawn? Lill-mara innoċenti jsalvaha, jagħmel ġustizzja magħha. Lill-midinba, jaħfrilha. Lill-imħallfin korrotti jikkundannahom; lill-ipokriti, jgħinhom jikkonvertu u quddiem il-poplu jgħid: ‘Min fostkom hu bla dnub jitfgħalha hu l-ewwel ġebla’ (Ġw. 8, 7), u wieħed wieħed telqu minn hemmhekk.
L-Appostlu Ġwanni hawnhekk idaħħal ftit ironija: ‘Kif semgħuh jgħid dan, qabdu u telqu wieħed wara l-ieħor, ibda mix-xjuħ’ (Ġw. 8, 9). Itihom ftit żmien biex jindmu; lill-korrotti ma jaħfrilhomx, sempliċement għax il-korrott m’għandux ħila jitlob maħfra. Mar aktar lil hinn. Għeja… le, m’għejiex: tilef il-ħila. Il-korruzzjoni serqitlu wkoll il-ħila li lkoll għandna, il-ħila li nistħu, li nitolbu maħfra. Le. Il-korrott hu ċert minnu nnifsu, jibqa’ għaddej, ikisser, jisfrutta n-nies, bħal dil-mara. Iqiegħed lilu nnifsu minflok Alla.
U lin-nisa l-Mulej iweġibhom. Lil Susanna jeħlisha minn dawn il-korrotti, jmexxiha ’l quddiem, u lill-oħra: ‘Lanqas jien ma nikkundannak. Mur, u mil-lum ’il quddiem tidnibx iżjed’ (Ġw. 8, 11). Iħalliha tmur. U dan jagħmlu fil-preżenza tal-poplu. Fl-ewwel każ il-poplu jfaħħar lill-Mulej; fit-tieni każ, il-poplu jitgħallem. Jitgħallem kif tkun il-ħniena t’Alla.
Kull wieħed u waħda minna għandna l-istorja tagħna. Kull wieħed u waħda minna għandna d-dnubiet tagħna. U jekk ma tiftakarhomx, aħseb ftit u ssibhom.
Jekk issibhom iżżi ħajr ’l Alla għax jekk ma ssibhomx int korrott. Kull wieħed u waħda minna għandna dnubietna. Inħarsu lejn il-Mulej li jagħmel il-ġustizzja, imma li tant hu ħanin. M’għandniex għalfejn nistħu li aħna niffurmaw parti mill-Knisja: għandna nistħu li aħna midinbin. Il-Knisja hi omm kulħadd. Niżżu ħajr lil Alla li m’aħniex korrotti, li aħna midinbin. U kull wieħed u waħda minna jkollu fiduċja fil-ħniena t’Alla, aħna u naraw kif iġib ruħu Ġesù f’dawn iċ-ċirkostanzi, u jitlob maħfra. ‘Hu jmexxini fit-triq tas-sewwa minħabba l-isem tiegħu. Imqar jekk nimxi f’wied mudlam’ – it-triq tad-dnub – ‘ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi. Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek, huma jwennsuni’ (cfr. Salm 23, 4).
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.