Inizjattiva sabiħa għall-familji: ħasil tar-riġlejn li jista’ jsir fid-djar ftit ħin qabel il-tixxandar il-Quddiesa.
Grazzi għall-Parroċċa tan-Nadur u lill-Arċipriet tagħha Dun Jimmy li ħarġu b’din l-idea sabiħa. Is-sejħa ta’ Ġesù fl-Aħħar Ċena, biex dawk li jemmnu fih ikunu qaddejja ta’ xulxin ċertament issib postha fil-familja, li hija l-post fejn l-insara huma qabel xejn imsejjħa biex jaqdu tassew lil xulxin. Għalhekk ir-rit tal-Ħasil tar-Riġlejn joffri simboliżu qawwa ta’ dak li aħna obbligati nagħmlu mhux biss f’Ħamis ix-Xirka, imma matul is-sena kollha.
Il-Ħamis 9 ta’ April 2020 – Ħamis ix-Xirka
Talba.
Ġesù inti għidtilna li dak kollu li nagħmlu b’sens ta’ mħabba lil ħutna, aħna nkunu qed nagħmluh lilek stess.
Agħtina qalb tajba sabiex dejjem inservuk fl-oħrajn,
l-istess kif inti ħsilt saqajn l-Appostli tiegħek u anke ta’ San Pietru.
Ġesù inti mhux biss ħsilt saqajn l-Appostli imma tajt ħajtek għalina, inti li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Nistiednu issa li xi ħadd adult mill-familja, l-omm jew il-missier jew xi ħadd mit-tfal il-kbar, jaħsel riġlejn il-membri l-oħrajn tal-familja.
(Ħejju minn qabel friskatur fl-art, xugaman u buqar bl-ilma fietel. Aħslu u xxuttaw sieq waħda ta’min hu preżenti.
Dak li jaħsel saqajn il-persuni fl-aħħar, xħin jaħsel riġlejn kulħadd, jgħid):
“Hekk għamel Ġesù mal-appostli u mal-proxxmu. Aħna wkoll irridu naħslu saqajn xulxin bil-qadi u bl-imħabba.”
Wara l-ħasil tar-riġlejn għidu flimkien dawn it-talbiet tal-fidili:
- Mulej inti lilna tagħina l-ħajja u dak kollu li għandna bżonn. Agħmel li aħna wkoll nagħtu l-ħajja billi naqdu u nobdu. …
- Ġesù inti twelidt fil-faqar. Għallimni naħseb dejjem fil-fqir u l-marid u nitlob għalihom. ..
- Mulej għinna sabiex kull darba li niftakru fil-ħasil tar-riġlejn, naħsbu li aħna rridu naqdu bħalek. ..
- Ġesù inti għaddejt ħajtek tfejjaq lill-morda. Għin lill-morda tal-corona virus. ..
- Ġesù ħares lit-tobba u lin-nurses li qed jissograw ħajjithom biex jgħinu lill-morda. ..
Talba tal-aħħar minn dak li ħasel ir-riġlejn:
Mulej ilqa’ dawn it-talbiet tagħna Agħmel li niftakru dan li għamilna fid-dar tagħna. Għinna nkunu solidali mal-oħrajn. Dan nitolbuh bi Kristu Sidna.
Tingħad it-talba tal-Missierna. Radd tas-salib.
Fis-7.00p.m., imbagħad, komplu ħudu sehem fil-quddiesa minn din il-paġna tal-Laikos …