Dħalna fil-Ġimgħa Mqaddsa. Jiġifieri l-Ġimgħa fejn se naraw it-twettieq tal-pjan tal-fidwa għalina l-bnedmin. Midinbin imma mifdija. Għalhekk mela ferħana għax ġejna maħbuba! U, bil-grazzja ta’ Dak li fdiena, għalhekk inħobbu! Għax l-ewwel konna aħna li ġejna mogħtija l-imħabba li ħadd minna ma jistħoqqlu!
Papa Franġisku għandu riflessjoni tassew ħelwa fuq x’inhi l-Ġimgħa Mqaddsa. Fl-Ewwel Udjenza Ġenerali tiegħu tal-Erbgħa 27 ta’ Marzu 2013 il-Papa qal hekk:
X’jista’ jfisser għalina li ngħixu l-Ġimgħa Mqaddsa? Xi jfisser timxi fuq il-passi tiegħu fuq il-Kalvarju lejn is-Salib u l-Qawmien? Fil-missjoni tiegħu fuq din l-art, Ġesù mexa fit-toroq ta’ l-Art Imqaddsa; sejjaħ tnax-il persuna sempliċi biex jibqgħu miegħU, jaqsmu fil-mixja tiegħu u jissoktaw il-missjoni tiegħu; għażilhom minn qalb poplu mimli bil-fidi fil-wegħdiet ta’ Alla. Kellem lil kulħadd, mingħajr distinzjoni, lill-kbar u lill-umli, liż-żagħżugħ għani u lill-armla fqira, lis-setgħana u lid-dgħajfa; ġab il-ħniena u l-maħfra ta’ Alla; fejjaq, farraġ, fehem; mela bit-tama; wassal lil kulħadd il-preżenza ta’ Alla li jinteressa ruħu f’kull raġel u mara, kif jagħmlu missier u omm tajbin ma’ kull wieħed u waħda minn uliedhom. Alla ma qagħadx jistenna li mmorru aħna għandU, imma Hu nnifsu mexa lejna, mingħajr ma qagħad jikkalkula jew iqis. Hekk magħmul Alla: dejjem Hu li jmidd l-ewwel pass, Hu li jimxi lejna. Ġesù għex ir-realtajiet ta’ kuljum tan-nies l-iżjed komuni: ħassu mqanqal quddiem il-ġemgħa li kienet donnha merħla bla ragħaj; beka quddiem it-tbatija ta’ Marta u Marija għall-mewt ta’ ħuhom Lazzru; sejjaħ bħala dixxiplu tiegħu lil wieħed pubblikan; ġarrab ukoll it-tradiment ta’ ħabib. Fih, Alla wriena biċ-ċert li hu jinsab magħna, fostna. “Il-volpijiet”, dan qalulna Hu, Ġesù, “il-volpijiet għandhom l-għerien tagħhom, u l-għasafar tas-sema l-bejtiet; iżda Bin il-bniedem ma għandux fejn imidd rasu” (Mt 8:20). Ġesù m’għandux dar għax id-dar tiegħu hija n-nies, aħna, il-missjoni tiegħu hi li jiftaħ lil kulħadd il-bibien ta’ Alla, li jkun il-preżenza ta’ l-imħabba ta’ Alla.
Xi jfisser dan kollu għalina? Ifisser li din hi wkoll it-triq tiegħi, tiegħek, tagħna. Li ngħixu l-Ġimgħa Mqaddsa billi nimxu wara Ġesù mhux biss b’qalbna mqanqla; li ngħixu l-Ġimgħa Mqaddsa f’mixja wara Ġesù jfisser nitgħallmu noħorġu minna nfusna – kif għidt il-Ħadd li għadda – biex immorru niltaqgħu ma’ l-oħrajn, biex nimxu lejn it-truf ta’ l-eżistenza, nimxu aħna l-ewwel lejn ħutna, fuq kollox dawk l-iżjed imbiegħda, dawk li huma minsija, dawk li għandhom bżonn min jifhimhom, ifarraġhom, jgħinhom. Hu wisq bżonnjuż li nwasslu l-preżenza ħajja ta’ Ġesù ħanin u għani fil-ħniena!
U, ngħid jien, f’dan iż-żmien fejn id-dinja kollha qed toħodha kontra dan ix-xitan, għax inħoss fil-qalba ta’ ruħi li nsejjaħlu, dak tal-coronavirus, mhux dan għandu jkun l-atteġament tagħna? Mhux lejn xulxin irridu nersqu? Veru, irridu fuq li irridu nobdu d-direttivi li qed jagħtuna l-awtoritajiet tas-saħħa. Għax dawn għall-ġid tagħna qiegħdin. Imma d-distanza soċjali ma jfissirx li ma nċemplux lil xulxin? Ma nitolbux fuq it-telefon ma’ xulxin? Ma nitfgħux messaġġi sbieħ u ta’ kuraġġ fuq Facebook? Ma nkellmux lil xulxin mill-bogħod meta naraw lil xi ħadd? Basta li n-numru ma jaqbiżx dak li l-awtoritajiet tas-saħħa qiegħdin jitolbu minna?
U, ħafna aktar milli ninħlew f’polemiki bejnietna, għaliex ma narawx kif ħa nimxu lejn ħutna b’mod ġdid, skont mal-Ispirtu tal-Mulej jurina u dejjem fil-qafas tal-linji gwida li qed jagħtuna l-awtoritajiet? Kemm qed naraw biex ħadd minna, li qiegħed id-dar, il-kunvent u l-postijiet tax-xogħol, ma jħossu mbiegħed u mbiegħda? Minsi u minsija? Kemm qed nitolbu lill-Ispirtu s-Santu biex isibilna modi ġodda ta’ kif nistgħu aktar nifhmu lil dawk li jħossuhom mbeżża’ u mifxula f’dawn il-mumenti diffiċli u ta’ kriżi għad-dinja kollha? Kemm qed inkunu aħna, minn tal-ewwel, li ninqdew b’dan iż-żmien biex infarrġu? U ngħinu biex bejnietna l-moral ikun għoli?
Tgħid meta nagħmlu hekk mhux ħniena nkunu qed inxerrdu bejnietna? Wara kollox Alla, li hu għani fil-ħniena, jekk nitolbuh, kif tridu ma juriniex modi ġodda ta’ kif nistgħu nkunu aktar ta’ sapport għal xulxin? L-aktar għax-xjuħ, dawk vulnerabbli f’saħħithom u dawk li qiegħdin ibatu fis-skiet?
Ħaġa pożittiva li qed isseħħ f’pajjiżna hi li ħafna reġgħu lura għat-talb! Dan sinjal tajjeb ħafna! Ejjew indaħħluha f’rasna ħuti li biex inneħħu l-agħar coronavirus li qatt jista’ jeżiżti, jiġifieri l-ħażen, irridu nilbsu l-ventilator tat-talb! Li jwassalna f’li naqdu lil xulxin, l-aktar lil dawk fostna li qed ibatu!
Kemm hi speċjali u ta’ grazzja l-Ġimgħa Mqaddsa tas-sena 2020 jekk inħallu lill-Mulej ifehmilna b’dan il-mod!
Patri Mario Attard OFM Cap