Mill-Vanġeli ta’ wara l-Għid
Ir-rakkont fi Ġwanni u f’Luqa
Fil-Vanġeli ta’ wara l-Għid, naqraw ir-rakkont tas-Sajda Mirakuluża li, skond San Luqa saret fil-bidu tal-ħajja pubblika ta’ Ġesu’. Ir-rakkont ta’ Luqa hu meta Ġesu’ sejjaħ lill-ewwel dixxipli. Ra żewġ dgħajjes weqfin ħdejn xatt l-għadira. Ma kienu qabdu xejn. Għall-kelma tiegħu, Pietru w sħabu tefgħu ix-xbiek u qabdu tant ħut li x-xibka kienet se tinqasam. Imbagħad qamu u marru warajh. Il-Vanġelu ta’ Ġwanni jirrakkonta laqgħa li kellu Ġesu’, wara li qam mill-mewt, ma’ seba’ dixxipli – Pietru, Tumas, Natanael, Ġwanni, Ġakbu u tnejn oħra – fix-xatt ta’ l-Għadira ta’ Tiberija. Dan ir-rakkont insibuh fl-aħħar kapitlu, 21, li jiġi wara l-ewwel egħluq ta’ dan il-Vanġelu, meta Ġwanni jgħid li hemm ħafna mirakli oħra li ‘mhumiex miktubin f’dan il-ktieb. Allura jidher xi ħaġa miżjuda, forsi mid-dixxipli ta’ Ġwanni li ħadmu biex jiġbru t-tifkiriet tiegħu.
Jista’ jkun li Luqa ħa r-rakkont marbut mal-Għid u mmodifikah kif ippreżentah fil-Vanġelu tiegħu. Nafu li l-istess rakkonti jissemmew f’naħat differenti tal-Vanġeli, jitħalltu u xi drabi nħossuhom barra minn posthom. Ir-raġuni hi li dawk li kitbu ma nkwetawx dwar il-kronoloġija tal-ġrajjiet. Il-Vanġeli m’għandhomx l-intenzjoni li jagħtuna l-‘ħajja ta’ Ġesu’, imma li jlaqqgħuna miegħu, ħalli nsiru nafuh. Hemm ħafna dettalji li jixxiebħu fir-rakkont ta’ Ġwanni u ta’ Luqa: is-sajjieda li ħadmu l-lejl kollu bla ma qabdu xejn, ix-xibka mitfugħa mill-ġdid għat-talba ta’ Ġesu’, ix-xibka mimlija, li f’Luqa kienet se tinqasam.
Nieħdu r-rakkont ta’ Ġwanni, u nistaqsu: L-appostli kienu saru sajjieda mill-ġdid wara li kienu ħallew ix-xbiek u d-dgħajjes għal sentejn? Għaliex fis-sajda jgħoddu eżattament 153 ħuta? X’aktarx għax dan hu n-numru tal-popli fid-dinja, kif kienu jaħsbu dak iż-żmien. Il-153 ħuta jirrappreżentaw il-popli kollha li l- appostli kellhom jevanġeliżżaw meta Ġesu’ għażilhom biex ikunu sajjieda tal-bnedmin.
Għall-bidu l-Appostli m’għarfux lil Ġesu’ u staqsew jekk kienx tassew Hu. Ġwanni biss jippreżenta ruħu mid-dixxipli. Bħal dejjem, hu għal gest, għal kelma, li l-fidi tad-dixxipli tqum,… u jagħrfuh. Ġesu’ jistieden lid-dixxipli biex jiġu u jieklu madwar in-nar u l-ġamar jaqbdu fuq ix-xatt tal-Għadira. Joffrilhom ukoll il-ħobż. Fl-aħħar, bħal fil-laqgħat l-oħra kollha, il-kolazzjon jispiċċa b’missjoni. Ġesu’ jistaqsi lil Pietru biex jirripara bi tliet mistoqsijiet iċ-ċaħda triplika tiegħu qabel ma jerġa’ jikkonfermah bħala l-veru ragħaj. “Irgħa n-nagħaġ tiegħi”. Ġesu’ kien iddikjara li Hu il-veru ragħaj. F’din il-funzjoni tiegħu ta’ ragħaj-gwida tal-bnedmin, jassoċja lil Pietru, għal titolu speċjali u ta’ rispett għoli fost l-appostli.
Il-lokalita’ u n-numri
F’Luqa u fi Ġwanni sa’ kap 20, id-dehriet ta’ Ġesu’ mqajjem mill-mewt huma ambjentati f’Ġerusalemm, sinjal tar-rabta li hemm bejn Ġesu’ u t-Testment il-Qadim. Dawn ir-rakkonti jagħtu mportanza kbira għall-għarfien ta’ Ġesu’ rxuxtat. Bil-kontra, hawnhekk, ir-rakkont fi Ġwann 21, id-dehriet saru fil-Galileja u jqiegħdu l-aċċent fuq il-missjoni, biex ifissru li Ġesu’ ġie għad-dinja kollha u li l-aħbar it-tajba trid tiġi mxandra lil kulħadd,… kullimkien.
Ir-rakkont ta’ Ġwanni 21, 1-5, ikellimna dwar sajda mhux tas-soltu. Nippruvaw, billi nitilqu mis-sens tal-kliem u ta’ l-espressjonijiet użati, nifhmu r-rikkezza u l-attwalita’ tal-messaġġ li fihom.
Kien hemm preżenti 7 dixxipli. Jew is-7 hu numru simboliku ta’ ‘hafna’, ta-kotra. Dan in-numru juri wkoll il-Knisja fl-aħħar taż-żmien (Apokalissi 1, 4) u nistghu nirrimarkaw li l- kelma ‘dixxipli’ tissemma’ seba’ darbiet fir-rakkont. Mela l-messaġġ li l-evanġelista jrid iwassal jikkonċerna l-Knisja universali. Hu l-insieme tad-dixxipli ta’ Ġesu’, dawk ta’ kull żmien li ġew imsejħa biex jieħdu sehem mill-ikla tal-Mulej li tiġi fl-aħħar tar-rakkont. Ukoll, Ġwanni jinnota li ma kienx hemm ħlief dgħajsa waħda, waqt li f’Luqa, 5 vers 7, fejn hemm ukoll il-każ ta’ sajda b’kotra ta’ ħut, isemmi żewġ dgħajjes. Din id-differenza tispjega ruħha bil-fatt li r-rakkont ta’ Luqa hu mqiegħed qabel il-mewt ta’ Ġesu’ u dak ta’ Ġwanni wara l-qawmien. Id-dgħajsa waħda tfisser l-unita li ġiet bir-ragħaj it-tajjeb li jħalli ħajtu biex ikun hemm merħla waħda (Gw 10,14 – 16).
Joe Galea