Ħsibijiet u Talbiet fuq ir-Rakkont tad-Dixxipli ta’ Għemmaws
Ħafna drabi, ħajjitna tixbaħ lil ktieb, meta magħluq. Fiha stejjer li qishom m’għandhomx x’jaqsmu ma’ xulxin; donnhom bla sens, għax mhumiex marbutin bl-imħabba, li biha kull ma nagħmlu jsir ifisser ħafna, l-aktar meta nagħtu lilna nfusna għall-ġid ta’ l-oħrajn. Ftit imħabba, imqar ħarsa ta’ attenzjoni, jew tbissima lil min l-aktar jeħtieġha. Xi waqtiet insibuħa bi tqila biex inqiegħdu l-imħabba fl-azzjonijiet tagħna ta’ kuljum.
Tajjeb li niftħu dan il-ktieb biex nirriflettu kemm ħajjitna qed ikun fiha imħabba sinċiera u kostanti lejn l-oħrajn. U niftħu wkoll ktieb ieħor, li fost l-oħrajn ilaqqagħna ma’ tnejn min-nies li Ġesù għamel differenza f’ħajjithom, fil-għaxija ta’ l-Għid ta’ elfejn sena ilu. Ma’ dawn it-tnejn, dixxipli ta’ Ġesù fi triqthom lejn Għemmaws, nistgħu nsiru Vanġelu ħaj, insiru aħbar tajba!.
Luqa 24, 13-16: IL-LAQGĦA TAD-DIXXIPLI TA’ GĦEMMAWS MA’ ĠESÙ

“Dak inhar, tnejn mid-dixxipli ta’ Ġesù kienu sejrin lejn raħal li kien jismu Għemmaws, xi mili ‘l bogħod mill-belt ta’ Ġerusalem. Dawn it-tnejn min-nies kienu qed jitkellmu bejniethom fuq kulma kien ġara f’dawk it-tliet ijiem. Huma u jitkellmu u jistaqsu lil xulxin, Ġesù stess resaq lejhom u baqa’ miexi magħhom. Imma huma ma setgħux jagħrfuh.”
Ħajjitna hekk hi! Dejjem għaddejjin,… mexjin mat-triq waqt li ngħaddu mill-istejjer ta’ kuljum, niltaqgħu ma l-oħrajn, mexjin b’dik ix-xewqa moħbija fina, li nsibu d-dawl, li nsibu aktar sens għal ħajjitna.
U Inti, Mulej, timxi magħna, qisek il-ħabib kwiet tal-passiġġata tagħna. Għax Inti ukoll qed tieħu din t-triq tagħna, din il-mixja ta’ ħolm, ta’ dwejjaq xi drabi, u xi waqtiet naslu se naqtgħu qalbna.
Meta nħarsu lejn it-tarf tal-baħar quddiemna, narawh kbir, ma jispiċċa qatt. Nibdew nibzgħu, għax ma nindunawx li fit-tarf hemm Int qed tistenniena, tarana mexjin u tieħu paċenzja bil-waqgħat tagħna, tagħdirna fid-dgħufija tagħna, taħfrilna.
Mulej, ibqa’ miexi ħdejna, kif għamilt maż-żewġ dixxipli, li kienu ħdejk bla ma’ ndunaw, li miexi maġenbhom kien hemm Inti, li se tiċċara d-dubji ġenwini tagħhom.
Ibqa’ fil-qrib
Ibqa’ fil-qrib, ħarisna Mulejna
Ibqa’ fil-qrib, u żommna ħbieb tiegħek.
Ibqa’ Mulej, magħna f’dal-jum,
ħa ngħixu fil-hena flimkien.
Ibqa’ Mulej, magħna f’dal-jum,
ħalli ngħixu fil-hena flimkien.
fik dak li lilek jisma’.
Minn Joe Galea