Illum il-Knisja tfakkar lil San Piju V

Print Friendly, PDF & Email

Fit-30 ta’ April l-Knisja tfakkar lil San Piju V, Papa li għex bejn is-snin 1504 sa 1572.

Anton Mikiel Ghislieri, kif kien jismu qabel sar Papa, twieled fl-1504, f’Bosco, fil-Lombardija, l-Italja, f’familja fqira.

Fl-1519, meta kellu ħmistax-il sena daħal mad-Dumnikani, u qaddes fl-1528. Għal sittax-il sena għallem it-teoloġija u l-filosofija, sakemm il-Papa Pawlu IV, fl-1556 ħatru Isqof ta’ Sutri, u fl-1557 Kardinal. Imbagħad il-Papa Piju IV li laħaq wara Pawlu IV, poġġieh Isqof ta’ Mondori.

Meta l-Papa Piju IV miet, f’Diċembru tal-1565, il-Kardinal Ghislieri ġie elett Papa fis-7 ta’ Jannar, 1566, u ħa l-isem ta’ Piju V.

Bil-ħajja qaddisa tiegħu ġab atmosfera ġdida f’Ruma. Wettaq ħafna mir-riformi fil-Knisja, mitluba mill-Konċilju ta’ Trentu (1545-1563). Ippubblika Katekiżmu, Missal u Brevjar ġodda. Irriforma l-mużika u l-liturġija tal-Knisja. Ħadem bla serħan biex jgħaqqad il-mexxejja nsara tal-Ewropa kontra t-theddida tat-Torok. Fl-1570 skomunika lir-Reġina Eliżabetta I tal-Ingilterra, u kiteb lil Mary Stuart fil-ħabs biex ifarraġha.

Malta għandha tassew biex tqisu bħala missier li ħaseb fiha ħafna bl-għajnuna kbira li ta lill-Kavallieri speċjalment biex sewwew il-ħerba li ħallew warajhom it-Torok taħt Suleiman II fl-Assedju l-Kbir u biex bnew il-belt Valletta.

Għen ħafna lil Don Juan tal-Awstrija bħala l-Kmandant tal-flotta Nisranija, u waqt li talbu biex ma jeħux miegħu nies ta’ ħajja ħażina, ordna talb pubbliku għas-suċċess tat-taqbida tiegħu kontra t-Torok li ntemmet f’rebħa kbira għall-Insara fil-battalja ta’ Lepanto fis-7 ta’ Ottubru, 1571. Fuq din ir-rebħa, il-Papa waqqaf il-festa tar-Rużarju Mqaddes (ara Festa tar-Rużarju Mqaddes), u żied it-titlu “Għajnuna tal-Insara” fil-Litanija tal-Madonna.

Kien iqatta’ ħafna ħin fit-talb, kien isum ħafna, u jgħaddi mingħajr il-kumditajiet u l-ħela, u kien josserva bir-reqqa ir-Regola bħala patri Dumnikan.

Huwa miet f’Ruma fl-1 ta’ Mejju, 1572. Il-Papa Klement X fl-1 ta’ Mejju 1672, ibbeatifikah, u l-Papa Klement XI fit-22 ta’ Mejju 1712, ikkanonizzah. Il-fdalijiet tiegħu jinsabu għall-qima tal-fidili fil-bażilika ta’ Santa Maria Maggiore, Ruma b’monument mill-isbaħ.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Leave a Reply

%d bloggers like this: