Illum il-Knisja tfakkar lil Santa Marija Bernarda tal-Qalb Imqaddsa ta’ Marija


Fid-19 ta’ Mejju l-Knisja tfakkar lil Santa Marija Bernarda tal-Qalb Imqaddsa ta’ Marija, Reliġjuża li għexet bejn is-snin 1848 sa 1924.

Verena Butler, għax dan kien l-isem li ngħatat meta tgħammdet, twieldet fit-28 ta’ Mejju 1848, ġewwa Auw, Aargau, fl-Isvizzera, minn familja ta’ bdiewa. Hija kienet ir-raba’ minn tmien ulied.

Minn età bikrija ħafna uriet li kienet persuna miġbura u tgawdi intimità speċjali m’Alla. Hija kellha devozzjoni kbira lejn l-Ewkaristija. Minn kmieni ħafna ħasset is-sejħa għall-ħajja reliġjuża.

Meta bdiet titfarfar hija tgħarrset, iżda ndunat li ż-żwieġ ma kienx il-vokazzjoni tagħha, għalhekk ħassret u bdiet taħseb biex tingħaqad ma’ ordni reliġjuża. Fl-1866, hija ngħaqdet mal-Ordni tas-Sorijiet tas-Salib Imqaddes, ġewwa Menzingen, iżda ma kienx għadda wisq żmien li ma rritornatx lura lejn darha biex titlob u tiddixxerni, għaliex bdiet tħoss li dik ma kinitx il-propja sejħa tagħha.

Fit-12 ta’ Novembru, tal-1867, ingħaqdet mas-Sorijiet tal-Ordni Franġiskan Kapuċċin, fil-kunvent ta’ Marija Għajnuna tal-Insara, f’Altstatten, l-Isvizzera. Hija ħadet l-isem ta’ Swor Marija Bernarda tal-Qalb Imqaddsa ta’ Marija, u ħadet il-professjoni solenni fl-4 ta’ Ottubru, 1871. Hija serviet bħala Majjistra tan-novizzi u Madre Superjura għal tliet darbiet.

Fl-1888, marret ukoll il-missjoni fl-Ekwador, f’parti fejn ma kien hemm l-ebda reliġjuż. Hemm hija waqqfet il-Missjoni Franġiskana tas-Sorijiet Ulied Marija Għajnuna tal-Insara, biex ikun jista’ jitwettaq dan ix-xogħol. Hija kienet is-Superjura għal 30 sena. Fl-1895, kien hemm rivuluzzjoni kontra l-Kattoliċi u hi u s-sorijiet tagħha ġew eżiljati. Għalhekk huma marru l-Kolumbja u bdew imexxu l-operat tagħhom hemm. Dejjem kienet tirrepeti li l-Evanġelju huwa l-kewkba u l-gwida tagħha.

Hija mietet fis-19 ta’ Mejju, 1924, ġewwa Cartagena, Bolivar, Kolumbja, b’kawżi naturali u l-qabar tagħha mal-ewwel sar post ta’ pellegrinaġġi. Il-Papa San Ġwanni Pawlu II ibbeatifikaha fid-29 ta’ Ottubru, 1995 u l-Papa Emeritus Benedittu XVI, ikkanonizzaha fit-12 ta’ Ottubru, 2008. Illum is-sorijiet tagħha jkomplu jaħdmu fl-iskejjel, kulleġġi u kindergartens. Anke ġewwa sptarijiet u djar residenzjali fl-Isvizzera, il-Kolumbja, il-Brażil, l-Awstrija, Liechtenstein, l-Italja u xi pajjiżi Afrikani.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.