(Kif tesperjenza Pentekoste Personali llum)
Għażiż Sieħbi,
Kif inti? Ilna ma niltaqgħu u meta niltaqgħu l-kliem bħaċ-ċirasa u nitkellmu fuq ħafna affarijiet dwar familja, sport, xogħol, saħħa .. insomma l-kantaliena tas-soltu!
Iddeċidejt li niktiblek għax ngħidlek il-verità, wiċċ imb wiċċ inħossni li ma nkunx kapaċi nwassallek dak li nixtieq ngħidlek. Dan li se niktiblek hu messaġġ ġenwin li nemmen li kull bniedem għandu bżonn ferm aktar milli wieħed jaħseb. Ara tieħu xi impressjoni li jien naħseb li jien xi qaddis jimxi fl-art. Xejn minn dan imma, bħal wieħed qed jegħreq sibt salvauomo, sibt min qalagħni mill-għarqa żgura.
Illum qed ngħix ħajja fuq dimensjoni ĠDIDA, ħajja eċitanti u mimlija sorpriżi u avventuri. Interessat tkun taf kif int ukoll tista’ ssib qawwa ĠDIDA għall-ħajja ta’ kuljum?
A: X’BI ĦSIEBNI NAGĦMEL
Irrid inwassallek messaġġ li jista’ jbiddillek ħajtek b’mod l-aktar radikali. Aħfirli li domt daqshekk ma wassalthulek imma issa ma nistax nostorlok aktar dan is-sigriet.
Ifhimni sewwa: li se ngħidlek mhux ġej minn moħħi imma hu rigal li bih qed jissorprendi ħafna miljuni ta’ nies, Dak li xewqtu hi li jara l-bnedmin ferħanin. Ma jridekx tkun wieħed minn dawk li għadhom jgħixu daqslikieku ma jafux b’das-sigriet. Das-sigriet jibqa’ sigriet sakemm xi ħadd iwassaluhulek bl-aktar mod sempliċi imma fl-istess ħin effiċjenti.
S’issa dal-messaġġ semgħuh dawk li attendew laqgħat ta’ talb hekk imsejħa Kariżmatiċi jew Pentekostali. Iżda ma jistax ikun li int u ħafna oħrajn li qatt ma messew ma’ dat-tip ta’ laqgħat tibqgħu miftuma minn dak li skoprejna aħna. Dan hu li se nipprova nagħmel. Mingħajr ma nidħol fi sqaqien teoloġiċi u f’terminoloġija li inti m’intix midħla tagħha, sejjer nipprova nispjegalek bl-iqsar mod possibbli kif int tista’ tiskopri għalik innifsek is-sigriet ta’ qawwa ĠDIDA.
B: IL-QAWWA TA’ PENTEKOSTE
Żgur smajt kif l-Appostli għexu ma’ Ġesù għal tliet snin imma meta ġiet is-siegħa tal-prova ħarbu. Anke wara li Ġesù rxoxta xorta baqgħu mneżżgħa mill-qawwa li kellhom bżonn biex joħorġu jxandru l-Aħbar sensazzjonali tal-irxuxtar tal-Messija. Baqgħu msakkrin fil-kamra ta’ fuq. Rawh tiegħla lejn is-sema imma HU tahom struzzjonijiet ċari: tippruvawx tmorru tippritkaw qabel titlibbsu bil-“QAWWA MINN FUQ”.
Din il-qawwa kien WEGĦEDIELHOM li se tiġihom meta HU jibgħat fuqhom lill-ISPIRTU QADDIS. U meta dan ġara, il-bidla fihom kienet tremenda. Il-biża’ nbidel f’kuraġġ, id-dubju nbidel f’fidi żonqrija u l-fomm magħluq infetah f’żewġ direzzjonijiet: vertikali u orizontali. Vertikali għax fommhom imtela’ b’tifħir ‘l Alla li kien tant qawwi li ħasbuhom fis-sakra, orizontali għax fommhom imtela’ bi kliem perswassiv li wassal għal konverżjoni ta’ mases kbar ta’ nies.
L-appostli ma kinux weħidhom. Kellhom magħhom lil Marija omm Ġesù, lil qrabatu, u dixxipli oħrajn: b’kollox kienu 120. Bdew jitkellmu b’ilsna ġodda, bdew ixandru lil kulħadd il-famuża BREAKTHROUGH: Kristu msallab ma baqax skeletru fil-qabar imma qam!!
L-istess SPIRTU TA’ QAWWA li qajjem lil Ġesù mill-mewt issa kien fihom biex b’qawwa supernaturali jkunu jistgħu jwettqu l-istess li kien jagħmel Ġesù: ifejjaq, jgħallem, iqajjem mill-mewt, ikeċċi x-xjaten u jxandar li s-SALTNA T’ALLA WASLET.
Faċilment tgħid bil-paroli li għandek il-qawwa fik imma l-verità ta’ dak li kienu qed jgħidu beda jiġi ppruvat mill-fatti. Il-magħtub ta’ bieb it-Tempju beda jaqbeż u jogħla, il-mara mejta qamet isservihom, l-indemonjati bdew jinħelsu: dak li kien għamel Kristu ftit xhur qabel bdew jagħmluh huma wkoll: mela veru li Kristu qam, veru li Kristu kien inviżibbilment magħhom iwettaq bis-sinjali l-Kelma tagħhom.
Il-link li kellu Ġesù Kristu ma’ Alla l-Missier issa ngħata wkoll lilhom. Sajjieda ordinarji saru bnedmin b’qawwa straordinarja. Imma, u hawn qiegħda l-kbira imma, din il-qawwa tal-ewwel Insara ndifnet magħhom jew għada possibbli li narawha llum f’ħajjitna?
C: PENTEKOSTE: ĠRAJJA TA’ DARBA?
Kieku l-manifestazzjonijiet tal-Ispirtu ġraw darba fl-Atti tal-Appostli allura jkolli naqbel li din kienet splużjoni ta’ darba biex tinawgura bil-kbir iż-żmien ta’ bejn iż-żewġ miġjiet ta’ Kristu. Imma jekk tqalleb l-Atti ssib li kull darba li individwi rċevew bil-fidi lill-Ispirtu s-Santu ġara xi ħaġa fihom.
U dix-xi ħaġa dejjem kienet espressjoni ħierġa mill-fomm: jew bdew jipprofetizzaw, jew bdew jitkellmu bl-ilsna jew bdew ifaħħru lil Alla. U dan ġara b’mod mhux ippjanat imma ġara riżultat ta’ intervent ġewwa fihom li huma dejjem attribwewh għal sors wieħed: L-ISPIRTU QADDIS.
Dan ġara kemm‑il darba fl-Atti u matul l-istorja tal-Poplu t’Alla li dejjem kellna individwi li meta ĊEDEW GĦALL-ISPIRTU S-SANTU dawn imtlew b’qawwa enormi li biddlithom totalment. Hemm xi ċans li INT tkun wieħed minn dawn l-individwi?
D: PENTEKOSTE: REALTÀ TA’ ŻMIENNA
Mill-bidu ta’ dan is-seklu ‘l hawn miljuni ta’ nies għaddew minn esperjenza simili. Pentekoste ma baqax għalihom ġrajja t’elfejn sena ilu imma bla tlaqliq setgħu jgħidu: “Nemmen f’Pentekoste mhux għax qrajt fuqu imma għax doqtu jien stess”. Ġwanni l-Battista (jiġifieri l-għammiedi) kien ippunta subajgħ lejn Ġesù bħala dak li jgħammed
“BL-ISPIRTU QADDIS (JEW IS-SANTU) U BIN-NAR”. Sakemm Ġesù kien għadu fid-dinja HU BISS kien konsagrat bl-ISPIRTU T’ALLA imma meta rxoxta u tela’ s-sema beda fażi ĠDIDA tax-xogħol tiegħu għalina: beda jgħammed lill-bnedmin bl-ISPIRTU S-SANTU.
Dawk il-bnedmin li bdew jirċievu bil-fidi din l-esperjenza jiġifieri li jħallu ‘l Ġesù Kristu jgħamiddhom bl-Ispirtu s-Santu bdew isejħu din l-esperjenza: “il-Magħmudija fl-Ispirtu s-Santu”. Oħrajn bdew isejħulha RELEASE, oħrajn EFUŻJONI, oħrajn TIĠDID. Issejħilha x’issejħilha, int għaddejt minnha?
Int irċevejt dak li l-Mulej imxennaq tant li jagħtik? Hu jixtieq: it-TRANSMISSION għaddejja. X’tgħidli fuq ir-RECEPTION tiegħek? Kif tista’ tingħaqad mal-miljuni ta’ Kristjani minn diversi knejjes u denominazzjonijiet li llum jistgħu jistqarru bla tlaqliq ta’ xejn li għalihom il-baptism with the Holy Spirit hi l-isbaħ u l-aqwa ħaġa li ġratilhom f’ħajjithom?
E: XI TRID TAGĦMEL BIEX TKUN LEST TIRĊIEVI DIL-QAWWA ĠDIDA?
Hawn kotba sħaħ u metodi differenti fuq dan. Però biex inkun sempliċi, se nsemmilek xi prinċipji li jgħinuk biex jekk int verament tixtieq, illum stess tkun imfawwar b’dil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Dettalji aktar milli se ntik jgħinuk biex tifhem aktar fil-fond aktar ’il quddiem imma b’li se ngħidlek hu biżżejjed biex int tirċievi dan id-DON hekk importanti għalik.
- Ftakar li hu l-Mulej li sejjaħ Huwa Hu li qed jieħu inizzjattiva. Huwa HU li dal-ħin qed jagħtik invit personali biex tħallih iwettaq dak li tant imxennaq jagħtik.
- Dak li ser tirċievi hu RIGAL mhux premju. Ħadd, l-ebda bniedem ma jista’ qatt jimmaġina illi hu tajjeb biżżejjed biex Alla jippremjah ta’ xi opra tajba li għamel b’Don hekk sublimi. Dan id-Don hu don, rigal mogħti b’xejn, frott tal-fidwa li wettaq Ġesù Kristu b’demmu stess.
- Dan ir-rigal Alla jagħtih lil min jaċċetta r-rigal li jitwieled mill-ġdid mill-Ispirtu. Aċċettajt li “d-demm u l-laħam” ma jistgħu qatt jirtu s-Saltna ta’ Alla? Mur u aqra t-tielet kap mill-Evanġelju ta’ San Ġwann u għaraf li “Alla hekk ħabbek li bagħat lil Ibnu biex JEKK INT TEMMEN FIH ma tintilifx imma jkollok il-ħajja ta’ dejjem.”
- TAĊĊETTA li inti midneb? Taċċetta li għandek bżonn tas-salvazzjoni?
- TAĊĊETTA li Ġesù miet u rxoxta biex JEKK INT TEMMEN FIH u ssejjaħ isem il-Mulej int tkun salv?
- TAĊĊETTA li tħalli ‘l Ġesù ta’ Nazaret li jkun IL-LIBERATUR, REDENTUR, FEDDEJ, SALVATUR u MULEJ ta’ ħajtek?
- TAĊĊETTA li tinħall minn kull rabta ħażina u minn kull għemil li taf fil-kuxjenza tiegħek li ma jaqbilx mat-tagħlim li nsibu fl-Iskrittura speċjalment fl-erba’ Evanġelji?
- TAĊĊETTA li ma tagħmilx kompromess mal-kmand ċar ta’ Kristu: dik li taħfer lill-għedewwa tiegħek?
- TAĊĊETTA li titlob ‘l Alla jbierek lil kull min mexa miegħek bl-inġustizzja jew bl-egoiżmu jew bl-arroganza?
- TAĊĊETTA li waħdek dil-ħaġa hi impossibbli imma li bl-għajnuna ta’ Dak li għalih xejn m’hu impossibbli int lest li taħfer …… u tinsa?
- TAĊĊETTA li tirrinunzja għal kull prattika ta’ okkult: oroskopji, qari tax-xorti, kuntatt ma’ spirti, eċċ. (Jekk għandek xi dubju fuq xi ħaġa jekk hix okkult jew le ċċekkja ma’ xi ħadd li jifhem imma jekk m’intix ċert, “Better safe than sorry”, irrinunzjaha.) Jekk qatt kont involut ma’ xi attività satanika lest tirrinunzjaha?
- TAĊĊETTA li tħobb lil kulħadd speċjalment lil dawk li huma dixxipli ta’ Ġesù?
- TAĊĊETTA li tkun lest tilqa’ kull forma ta’ persekuzzjoni “għax int ta’ Kristu”?
- TAĊĊETTA li tabbanduna kull forma ta’ idolatrija, jiġifieri dik li tpoġġi persuna, oġġett, karriera, jew kull ħaġa maħluqa qabel ALLA ?
- TAĊĊETTA li ma tadura ’l ħadd u ’l xejn ħlief lil Alla: il-MISSIER, L-IBEN U L-ISPIRTU S-SANTU?
- TAĊĊETTA li tabborri t-tlellix tal-flus u l-pjaċiri tad-dinja biex minflokhom tkun tista’ dduq il-ħlewwiet tas-sema? Kull dnub hu bħal hamburger tajjeb u delizzjuż li tħalli fuq mejda għax xi ħadd stiednek għal 5-course dinner ġo 5-star restaurant!!
Jekk int lest taċċetta dan, fuq is-saħħa li tagħti l-KELMA MIKTUBA TA’ ALLA jien nassigurak li għandek id-dispożizzjonijiet neċessarji biex ma timblukkax il-ħidma ta’ Ġesù Kristu biex Hu … iva Hu stess jkun jista’, personalment, jgħammdek fl-Ispirtu.
F: XI JRID JAGĦMEL ĠESÙ KRISTU FIK META INT TĦALLIH JGĦAMMDEK FL-ISPIRTU S-SANTU?
Kull patt fih żewġ elementi: naħa x’qed toffri, naħa x’qed tilqa’. Importanti għalik li tifhem il-“BASICS” ta’ dak li qed joffrilek Ġesù Kristu meta int tħallih jgħammdek fl-Ispirtu s-Santu. Kull tifsira oħra, kull aspett ieħor imbagħad tkun tista’ taqra fuqu WARA li tkun ġejt mgħammed fl-Ispirtu.
Inqas ma tikkumplikaha l-ħaġa, aktar tista’ tirċiviha bħal tifel żgħir li jintelaq b’kunfidenza bla tarf fi ħdan id-daddy tiegħu li jaf x’inhu jagħmel..
Mela isma’ b’mod ċar dak li jiena nemmen li qed joffrilek bħalissa l-Mulej Ġesù:
JIEN, ĠESÙ KRISTU, IR-RIGAL LI TAK IL-MISSIER, QED INQIEGĦED QUDDIEMEK PROPOSTA UNIKA:
- TĦALLINI NQIEGĦED IDEJJA FUQ RASEK U NFAWREK BIL-QAWWA TAL-ISPIRTU S-SANTU?
- TĦALLINI NPOĠĠI ĠEWWA QALBEK IN-NAR LI HEMM ĠO QALBI STESS?
- TĦALLINI NQABBADLEK HUĠĠIEĠA TA’ NAR ĠOL-ĠEWWIENI TA’ QALBEK BIEX TKUN TISTA’ TĦOBB LIL MISSIERI B’QALBEK KOLLHA, B’SAĦĦTEK KOLLHA, B’MOĦĦOK KOLLU U B’KULL MA’ INT U B’KULMA GĦANDEK?
- TĦALLINI NIMLIEK BIN-NAR TA’ MĦABBTI GĦALL- BNEDMIN KOLLHA LI GĦALIHOM XERRIDT DEMMI?
- TĦALLINI NQIEGĦED L-ISPIRTU TA’ ALLA FL-ISPIRTU TIEGĦEK ĦALLI TKUN TISTA’ TGĦAJJATLU BĦALMA NGĦAJJATLU JIEN: “ABBA MISSIER”?
- TĦALLINI NTIK L-ISPIRTU S-SANTU BIEX HU JKUN JISTA’ JGĦALLMEK TITLOB SKONT KIF IQANQLEK HU?
- TĦALLINI NTIK “IL-ĦLEWWA TAL-ILSNA TAS-SEMA” BIEX TKUN TISTA’ TESPRIMI L-ĠIĦ LI JIXRAQ LILI U LIL MISSIERI?
- TĦALLINI NKUN KONTINWAMENT IS-SID TIEGĦEK BILLI NMEXXIK F’KULL DEĊIŻJONI TIEGĦEK SKONT L-GĦERF LI TANT NIXTIEQ INTIK PERMEZZ TAL-ISPIRTU S-SANTU?
- TĦALLINI NURIK LILI NNIFSI MHUX BISS DARBA IMMA MATUL ĦAJTEK XI TFISSER LI JIEN HU DAK LI NGĦAMMED BL-ISPIRTU S-SANTU U BIN-NAR?
- TĦALLINI NUŻAK KIF U FEJN IRRID JIEN BIEX NILĦAQ IN-NAGĦĠA L-MITLUFA U NKOMPLI NFEJJAQ, NIRRIVELA, NEĦLES U NKOMPLI X-XOGĦOL TIEGĦI BIEX NIBNI L-ĠISEM TIEGĦI LI HI L-KNISJA?
- TĦALLINI NINDAĦALLEK F’KULL DEĊIŻJONI TIEGĦEK, INMEXXIK F’KULL XOGĦOL TIEGĦEK, NISPIRAK F’KULL ĦIDMA LI TWETTAQ, FI KLIEM IEĦOR: LI NKUN TASSEW SIDEK ERBĠĦA U GĦOXRIN SIEGĦA KULJUM?
- TĦALLINI NKUN TANT MAGĦQUD MIEGĦEK LI BL-UMILTÀ KOLLHA TKUN TISTA’ TGĦID: MHUX JIEN NGĦIX IMMA KRISTU JGĦIX ĠO FIJA?
- TĦALLINI NQADDSEK? JIĠIFIERI NAGĦMLEK TIEGĦI U BIL-PREŻENZA KONTINWA TAL-ISPIRTU S-SANTU TKUN KOMPLETAMENT IMQADDES F’KULMA TAĦSEB, KULMA TGĦID, KULMA TAGĦMEL U F’KULL TWETTIQ TAD-DMIRIJIET TIEGĦEK?
- TĦALLINI? IVA JEW LE?
G: L-AĊĊETTAZZJONI TIEGĦEK
Minn hawn ’il quddiem ma tantx nista’ ngħinek għax kollox jiddependi minn kemm tgħid ive jew le għal kull waħda minn dawn il-mistoqsijiet.
Fl-opinjoni tiegħi jekk l-iva tiegħek għal kull mistoqsija mhix ċara imma fiha xi kundizzjonijiet, allura itlob kemm trid imma tippretendix li Ġesù jgħammdek fl-Ispirtu! Itolbu jneħħilek kull “blockage” li fadallek.
Jekk, min‑naħa l-oħra, meta taqra dawk il-mistoqsijiet qalbek tfur bil-ferħ u tkun lest li tistieden lil Ġesù Kristu jwettaq dak kollu li offrielek li jtik, allura ifraħ għax m’intix bogħod mis-saltna t’Alla!
Inżel għarkopptejk, waħdek, f’kamartek. Mhux kif toqgħod l-importanti imma li f’qalbek ikollok sens ta’ rispett u serjetà lejn Kristu Rxoxt!
Qegħdin int u Hu.
Erġa’ aqra kull waħda minn dawk il-mistoqsijiet u, bl-akbar serjetà profonda ta’ mħabba għidlu: “IVA, ĠESÙ, NAĊĊETTA” f’kull sentenza.
Hawnhekk oħroġ idejk ’il barra u għid lill‑Mulej Ġesù
“Ħa jsir minni skont KELMTEK! AMEN! HALLELUJAH! MULEJ NEMMEN, IGĦIN IN-NUQQAS TA’ FIDI TIEGĦI. IVA ĠESÙ NEMMEN FIK, INT LI INT IT-TRIQ, IL-VERITÀ U L-ĦAJJA!
INT LA TQARRAQ U LANQAS TITQARRAQ! MULEJ ĠESÙ INT LI INT FIL-LEMINIJA TAL-MISSIER LI JAF JAGĦTI ĦWEJJEĠ TAJBA LIL MIN JITLOBHOMLU IDĦOL GĦALIJA U FERRA’ MINN QALB IL-MISSIER ETERN ID-DON INFINIT TAL-ISPIRTU S-SANTU, MULEJ LI JAGĦTI L-ĦAJJA.
NILQA’ ĠESÙ LI INT.. DAN IL-MUMENT STESS .. QED TGĦAMMIDNI BL-ISPIRTU S-SANTU.
KULMA INT IMXENNAQ BIEX TWETTAQ FIL-ĦAJJA TIEGĦI, NGĦIDLEK IVA ĠESÙ: ĦA JSIR MINNI SKONT KELMTEK:
INTI HU DAK LI TGĦAMMED FL-ISPIRTU LIL KULL MIN JERSAQ GĦANDEK.
GRAZZI LI DAN QED TWETTQU DAN IL-MUMENT. HALLELUJAH. EJJA SPIRTU QADDIS: EJJA .. EJJA ..
L-ewwel spark sopranaturali tal-“BAPTISM IN THE SPIRIT” lest li jfaqqa’ minn ħin għal ieħor.
Bħalissa miexi fuq l-ilma, l-ilma tal-fidi. Żomm għajnejk imsammra fuq ĠESÙ KRISTU li qed jistiednek tqum minn fejn int u timxi .. timxi fuq l-ilma …. ħallih… ħallih….
Ħoll ilsienek … ħallih it-tifħir jaħraq joħroġ! L-ilma għala, id-duħħan hemm bżonn li joħroġ! Iftaħ ħalqek, bewwaq fommok! Intelaq f’tifħir ferħan u profond! Għall-ewwel bil-Malti jew xi lingwa li taf! Imbagħad bħal tifel żgħir tbissem tbissima mqarba lejn Missierek li hu fis-smewwiet u bħala sinjal ta’ telqa fl-Ispirtu s-Santu li Hu tak, lissen kliem u tnehid qisek tarbija ma tafx titkellem. Kompli f’dil-bluha ta’ Pentekoste, inħall fl-ilsien tan-nar li qed iħollok mill-ebusija ġewwinija biex … tħalli ’l-Mulej Ġesù jagħmel dak li wiegħdek Hu! Intelaq! Kompli ntelaq iżjed! Dan hu l-ewwel pass, il-kbir għadu ġej….
Tibżax tkun extravaganti, tinsiex jekk qed tħoss xi forma ta’ mħabba mhux tas-soltu dik mhix tiegħek imma SEHEM MILL-IMĦABBA INFINITÀ li hemm bejn il-Missier u l-Iben! Tibżax mis-sillabar ta’ forom ta’ kliem li għalik ma jfissru xejn imma …. l-importanti li Alla qed jifhem u jieħu gost jarak ċċedi għall-maestà glorjuża tiegħu.
Itlob “in tongues”, imbagħad bil-ferħ ċedi għall-melodija li l-Ispirtu s-Santu qed jifforma f’qalbek u … għanni u kanta għanja ĠDIDA lill‑Mulej.. l-ewwel “in tongues” imbagħad bl-Ingliż jew bil-Malti, imbagħad erġa’ “in tongues”. Imbagħad idħol f’silenzju qaddis u ħalli l-Ispirtu s-Santu jkun għalik bħal xmajjar ta’ ilma ħaj li Ġesù wiegħdek li jtik. Imbagħad ibki, idħaq, aqbeż, kanta, iskot… agħmel kollox skont it-tqanqil tal-Ispirtu!
Faħħar lill‑Mulej għax Hu żamm il-wegħda tiegħu u għammdek fl-Ispirtu s-Santu. Mur u strieħ. L-għada .. u kull jum ieħor ta’ ħajtek it-talba tiegħek għandha tkun:
GRAZZI MULEJ TALLI GĦAMMIDTNI FL-ISPIRTU S-SANTU. KOMPLI LLUM FAWWARNI B’DAN L-ISPIRTU LI JAGĦTI L-ĦAJJA. KOMPLI LLUM ĠEDDIDNI U TTRASFORMANI MINN GLORJA GĦAL GLORJA. ŻOMMNI UMLI MULEJ GĦAX KULL ĦAĠA TAJBA LI ĠRATLI S’ISSA U LI SE TIĠRILI LLUM ĠEJJA MILL-ĦNIENA INFINITÀ TIEGĦEK. ĠESÙ NERĠA’ NTENNILEK
IVA LEST LI INT ILLUM TKUN GĦALIJA MULEJ U SALVATUR.
WAĦDI, ITLAQNI MINUTA WAĦDI U NITTRADIK U NIŻGARRA.
ĠESÙ NILQA’ S-SALVAZZJONI TIEGĦEK ILLUM. EJJA SPIRTU S-SANTU ĦALLI NGĦIX IL-ĦELSIEN TA’ WLIED ALLA
AMEN HALLELUJAH!
H: KONKLUŻJONI
Ix-xitan, din l-ittra mhi se togħġbu xejn affattu!!! TPAXXIHX!!!
Ippruvajt mill-aħjar li stajt, naqsam miegħek l-esperjenza li ħafna bnedmin għaddew minnha diġà! Tibżax m’intix waħdek!
IL-MULEJ MIEGĦEK!
UREJTEK IS-SIGRIET TAL-QAWWA! ISSA F’IDEJK!
Xogħli kien li nurik il-bidu. Hemm ħafna iżjed x’wieħed jgħid fuq kif wieħed iħalli ’l‑Ispirtu s-Santu jsir realtà qawwija fil-ħajja tiegħu.
L-Ispirtu s-Santu hu Alla li jistħoqqlu l-qima, rispett u l-ubbidjenza tagħna. L-esperjenza tal-magħmudija fl-Ispirtu tkun awtentika daqskemm wieħed jgħaddi mill-esperjenza tal-Ispirtu għall-Ispirtu tal-esperjenza, mill-ħlewwiet tal-Ispirtu s-Santu għall-Ispirtu s-Santu tal-ħlewwiet! L-Ispirtu s-Santu hu persuna li jeħtieġ issir tafha intimament aktar milli raġel ikun jaf mill-vicin lil martu.
Tista’ ddum tħares lejn fliexken tal-inbid għal ġranet sħaħ. Biex tisker, trid tlegleg. Billi taqra dan li ktibtlek biss mhux ser tasal, imma trid tħalli lill‑Mulej imisslek ħajtek bil-kbir. Titlifx dan iċ-ċans, ħabib.
Tkunx kuntent bin-naqra li tajtek f’din l-ittra imma, kif jgħid il-Mulej: “Min ifittex isib”.
Għoddni dejjem tiegħek,
Joe C. Aquilina