Il-ħajja wara l-pandemija

Print Friendly, PDF & Email

Fl-aħħar jiem ta’ Mejju, il-Vatikan ħareġ ktieb ta’ 66 paġna “La Vita dopo la Pandemia” li fih il-Kardinal Czerny jistudja sewwa tmien diskorsi riċenti tal-Papa Franġisku, li huwa jseħilhom “messaġġ wieħed”..

Hawn taħt issib daħla għall-ktieb tal-Kardinal Czerny u traduzzjoni tiegħu għall-Malti minn Patri Silvestru Bonavia ofm cap.

Papa Franġisku, mill-Għid ‘l hawn, bagħat messaġġ qawwi lid-dinja kollha “lil-bnedmin ta’ rieda tajba”.  Hu jgħid kif nistgħu, u għandna, nagħtu sehemna lkoll għall-bini ta’ dinja aħjar wara li neħilsu mill-pandemija tal-COVID-19.  Dan il-virus mikroskopiku li ma jidhirx uriena min aħna u l-qagħada li ninsabu fiha.  Wriena, jtenni l-Papa kemm għandna qawwa biex ilkoll FLIMKIEN nibnu di dinja ġdida ħielsa minn virus ieħor li ma jidhirx imma li qed jifni parti kbira mid-dinja: il-virus tal-egoiżmu u l-indifferenza.

Fl-aħħar jiem ta’ Mejju, il-Vatikan ħareġ ktieb ta’ 66 paġna “La Vita dopo la Pandemia” li fih il-Kardinal Czerny, imwieled iċ-Ċekoslovakkja, u li  l-ġenituri ħaduh żgħir emigranti l-Kanada.  Hemm studja u sar Ġiżwita u ddedika ħajtu biex itejjeb u jsaħħaħ dawk il-valuri fundamentali tal-bnedem biex jgħix ħajja aħjar.

Nafu kemm bnedmin ġew imħollija lura u huma neqsin minn ħtiġijiet bażiċi.  Fi speċi ta’ daħla ta’ 15 il-paġna f’dan il-ktieb, il-Kard. Czerny jistudja sewwa tmien diskorsi tal-Papa, li jseħilhom “messaġġ wieħed”.  Fihom juri x’għandu jkun is-sehem ta’ kulħadd: nies fl-awtorità u nies fil-ħajja ordinarja biex ngħinu ħalli dan “il-virus” irqieq u li ma jaqax taħt l-ebda mikroskopju jiġi meqrud.

Ma nistgħux nerġgħu lura għall-ħajja hekk imsejħa “normali” ta’ qabel.  Ma kienet normali xejn!  Irridu l-ewwel neqirdu dan il-virus: irridu nittendu bih, inkunu konxji tiegħu, nagħarfu kif qed imermer ħajjitna u s-soċjetà tagħna u nimpenjaw ruħna u l-forzi u r-riżorsi kollha li għandna biex neqirduh.  Imbagġħad il-ħajja tkun tassew normali.

Aqra bil-mod din id-daħla hawn u d-diskorsi jew kitbiet l-oħra tal-Papa.


IL-ĦAJJA WARA L-PANDEMIJA

Prefazzjoni tal- Kardinal Michael Czerny, SJ

DIVERSI IMMA MGĦAQUDIN

Fl-ewwel xhur tas-sena 2020, Papa Franġisku rrifletta spiss dwar il-pandemija tal-Coronavirus li tferrxet sewwa fil-familja umana. Hawn huma miġbura tmien testi li xxandru bejn is-27 ta’ Marzu u t-22 t’April. Ma’ min tkellem, u kif tkellem? X’qal, u għaliex?

Lil hemm mill-okkażżjoni proprja tagħhom, dawn it-tmien testi jistgħu jinqraw flimkien bħala żvilupp waħdieni tal-ħsieb tiegħu u bħala messaġġ għani lill-umanità. Din il-ġabra għandha żewġ għanijiet. L-ewwel huwa dak li jissuġġerixxi direzzjoni, il-mod kif jinqraw u jagħti linji gwida biex nibnu mill-ġdid dinja aħjar li tista’ titwieled minn din il-kriżi tal-umanità. It-tieni skop huwa li, qalb din il-ħafna tbatija u tħassib, niżirgħu it-tama għax qisna mitlufin. Il-Papa jibbaża b’mod ċar din it-tama fuq il-fidi, “għaliex ma’ Alla, il-ħajja ma tmut qatt” (1).

Nibdew bil-messaġġ Urbi et Orbi, li huwa titlu ta’ kwalità ta’ diskorsi papali bi tradizzjoni twila. Għal darbtejn fi 17-il jum, Papa Franġisku dar b’mod solenni lejn il-belt (Urbi) ta’ Ruma, li tagħha huwa l-Isqof, u għad-dinja kollha (orbi): l-ewwel fis-27 ta’ Marzu, okkażżjoni li bħalha qatt ma seħħet qabel, fit-talba straordinarja ta’ adorazzjoni fi Pjazza San Pietru; u t-tieni f’Ħadd il-Għid il-Kbir, kif dejjem iseħħ, u kien it-12 t’April.

Fl-Urbi et orbi il-Papa jistiedem lill-umanità kollha tisma’ bl-attenzjoni, b’mod inklusiv bħalma sar fl-enċiklika Laudato si’ fl-2015: “Nixtieq nindirizza lil kull persuna li tgħix fuq din il-pjaneta” (2). Hekk ukoll id-diskors Querida Amazonia ta’ Frar 2020, li fih kellem “lill-poplu t’Alla u lill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba”.

Għalkemm din tapplika għal żewġ testi biss li qed nikkunsidraw f’dil-ġabra, l-Urbi et orbi, b’xi mod, hija l-kwalità speċjali tat-tmien diskorsi u kitbiet kollha miġbura hawn dwar il-kriżi COVID-19. Fihom il-Papa jitkellem dwar il-bżonnijiet u dwar it-tbatijiet tal-persuni fil-qagħadiet ħafna differenti tal-post; u dan jagħmlu b’mod mill-aktar personali, li tħossu, b’mod impenjattiv u mimli tama.

Barra dan, dawn huma messaġġi tassew universali, mhux biss għax il-virus jhedded lil kulħadd mingħajr ma jħalli barra lil ħadd, imma fuq kollox għaliex id-dinja wara l-COVID-19 trid isseħħ minn kulħadd. Dawn it-tmien testi juru kif irridu niffaċċjaw b’mod ħaj, li ma nħallu ’l ħadd ’il barra, kif dejjem juri Papa Franġisku. Hekk ma nirriduċux il-persuni kollha għal ħaġa waħda li tgħodd, inkejjlu fuqha u norjentaw fuqha waqt li oħrajn jitħallew barra; imma ngħaqqdu lil kulħadd flimkien f’umanità waħda u spirtu wieħed. Imbagħad, b’iktar ħeġġa u b’mod li nieħdu ħsieb kulħadd, il-Papa jisfida lil kulħadd – ma jimpurtax jekk hux nies li jistgħu jinfluwenzaw lil oħrajn jew nies ta’ kundizzjoni umli, – u jkollna l-kuraġġ li nagħmlu l-ġid u nagħmluh aħjar. Aħna nistgħu, aħna għandna dmir inwettqu dan!

“Minn dan il-kolonnat li jħaddan lil Ruma u d-dinja tinżel fuqkom, bħala tħaddin li jfarraġ, il-barka t’Alla” (3). Il-barka Urbi et orbi tinżel fuq il-mexxejja tal-Istati u tal-gvernijiet, dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet tad-dinja, “dawk li għandhom l-awtorità”, dawk l-ipprivileġġjati li huma “sehem ċkejken mill-umanità li mxiet ’il quddiem, waqt li l-parti l-kbira ġiet imħollija lura” (5). Il-Papa jqiegħed għad-diskussjoni u joffri sfida “lil dawk li huma responsabbli mill-konflitti” (6) u “dawk li jżommu l-poter ekonomiku” (7). “Nagħmel kuraġġ lil dawk kollha li għandhom responsabbiltjiet polititiċi biex jingħataw b’mod sħiħ għall-ġid komuni” (8), itenni Papa Franġisku, u ħafna pajjiżi ġa fil-fatt qasmu għarfien u riżorsi ma’ oħrajn. Fl-istess waqt, il-Papa juri r-radd il-ħajr u l-imħabba tiegħu “għal dawk li bla serħan jaħdmu l-ħin kollu biex jaraw li s-servizzi essenzjali u meħtieġa għall-ħajja jibqgħu jingħataw, lil dawk li jieħdu ħsieb il-forzi tal-ordni u dawk tal-militar li f’bosta pajjiżi taw sehemhom biex iħeffu d-diffikultajiet u t-tbatijiet tal-popolazzjoni” (9).

F’din il-ġabra tassew unika, Papa Franġisku jisma’ u jħares ukoll lejn dawk il-ħafna li fil-fatt ma jidhrux u huma mġegħela jisktu. Fil-Għid jikteb lill-movimenti u lill-organiżazzjonijiet oħra dwar l-ekonomija informali jew popolari: “Iċ-ċivilta tagħna … teħtieġ bidla fil-mod kif taħseb, fil-mod kif tibda ħajja ġdida mill-qiegħ. Intom il-bennejja indispensabbli ta’ din il-bidla li issa ma tistax tiġi mħollija aktar għal żmien ieħor” (10).

B’messaġġ qasir, il-Papa jtenni: “Nixtieq insellem lil dawk kollha li jbiegħu l-gażżetti fit-toroq li għadd kbir minnhom m’għandhomx saqaf fejn jistkennu, persuni li huma ħafna emarġinati u bla xogħol fiss” (11). Din hija aktarx l-ewwel darba li din il-klassi ta’ nies xi ħadd ħaseb fihom u fuq kollox huma indirizzati b’rispett; u l-Papa jkompli: “Inħarsu, f’dan il-waqt, lejn min hu aktar fqir minna u jista’ jgħin lilna lkoll biex insiru aktar konxji ta’ dak kollu li tassew qed jiġri u tal-qagħada vera tagħna” (12). Fil-waqt li jdur direttament fuq kulħadd u fuq kull wieħed u waħda, mhux mill-għoli jew fl-astratt, Papa Franġisku jnewwel idu b’imħabba u b’mogħdrija biex jagħmel tiegħu ukoll it-tbatija u s-sagrifċċju ta’ tant oħrajn: “Il-Mulej Sid il-ħajja jilqa’ fis-saltna tiegħu il-mejtin u jagħti faraġ u tama lil min għadu sa issa fil-prova, speċjalment lill-anzjani u lill-persuni weħidhom. Huwa jara li ma jonqosx il-faraġ tiegħu u l-għajnuniet meħtieġa lil dawk li jinsabu f’qagħadiet partikulari ta’ vulnerabiltà, bħal min jaħdem fid-Djar ta’ Kura, jew dawk li jgħixu fil-binjiet tal-militar jew fil-ħabsijiet (13). U l-lista tkompli: “It-tobba, l-infermiera, dawk li jaħdmu fl-istorijiet, dawk li huma mpjegati fit-tindif, dawk li jgħinu lill-oħrajn, l-impjegati tat-trasport pubbliku jew min hu mpjegat biex iġorr, il-qawwiet tas-sigurtà, il-volontarji, is-saċerdoti u r- reliġjużi” (14). U mhux inqas “ommijiet u missirijiet, nanniet, għalliema li juru liż-żgħar tagħna, b’ġesti ċkejknin u ta’ kuljum, kif jiffaċċjaw u jkomplu f’din il-kriżi biex ikunu jistgħu jadattaw rwieħhom fid-drawwiet ġodda, jerfgħu ħarsithom ’il fuq u jqanqluhom biex jitolbu” (15)

Il-Papa juri solidarjetà: “Kemm huwa diffiċli tibqa’ d-dar għal min jgħix f’binjiet żgħar u fqar jew min anqas għandu sodda fejn jistrieħ. Kemm huwa iebes għall-immigranti, għall-dawk il-persuni li m’għandhomx libertà jew dawk li qed jippruvaw jinħelsu minn xi forma ta’ dipendenza” (16). “Naħseb fuq dawk il-persuni, fuq kollox in-nisa, li jkattru l-ikel fil-kċejjen popolari, isajjru b’żewġ basliet u pakkett ross daqsxejn stuffat tajjeb għal mijiet ta’ tfal żgħar, naħseb fil-morda u fl-anzjani, … fil-bdiewa u dawk dawk li jkomplu jikkultivaw l-għelieqi żgħar tagħhom biex jipproduċu ikel mingħajr ma jeqirdu n-natura, mingħajr ma jikkapparaw għalihom infushom il-prodott u bla ma jispekulaw fuq il-ħtiġijiet essenzjali tal-ħajja tan-nies” (17).

Għalhekk, xi jgħid il-Papa, u għaliex? Fuq kollox, “l-alternattiva hi l-egoiżmu fl-interessi partikulari u t-tentazzjoni li mmorru lura lejn l-imgħoddi, bir-riskju li nqegħedu fi prova iebsa l-mod li ngħixu flimkien b’mod paċifiku u l-iżvilupp tal-ġenerazzjonijiet li ġejjin qribna” (18); u flimkien ma’ dan hemm “il-periklu għal min baqa’ lura. Ir-riskju huwa li hawn virus li qed jolqotna aktar agħar, dak tal-egoiżmu u l-indifferenza” (19).

“Dak li qed jiġrielna issa jolqotna sewwa fil-laħam il-ħaj” (20) u lkoll nagħarfu lilna nfusna “bħala parti minn familja waħda li jeħtieġilna nsostnu lil xulxin” (21). Wasal il-waqt li nwarrbu dak li ma jagħmilniex indaqs, li nfejjqu l-inġustizzja li timmina l-għeruq tas-saħħa tal-umanità kolha” (22).

Wasal il-waqt li nħejju ruħna għal bidla mill-għeruq f’dinja wara l-COVID. F’nota li l-Papa kiteb b’idu stess lil wieħed imħallef Arġentin, huwa jisħaq: “Huwa importanti li nħejju twieħna għal wara l-COVID” (23). U f’intervista dan l-aħħar, li mhix hawn f’din il-ġabra, li fiha t-tweġibiet tiegħu għall-mistoqsijiet ta’ ġurnalista Ingliż, il-Papa jafferma li “iż-żmien ta’ wara ġa beda juri li huwa traġiku, ta’ tbatija, u għalhekk jaqbel naħsbu sewwa fuqu minn issa stess” (24).

Bħala membri tal-familja waħdanija tal-bnedmin u dawk li qed ngħixu fid-dar waħdanija u komuni tagħna lkoll, l-egoiżmu perikuluż qiegħed jinfetta wisq aktar lilna meta nqabbluh mal-istess COVID-19. “Inqasna mir-responsabbiltà li nħarsu u namministraw l-art. Biż-żejjed tħares lejn ir-realtà bis-serjetà biex tara kemm id-dar tagħna komuni sejra għall-agħar bil-kif. Aħna ħammiġnieha u sraqnieha, fil-waqt li qegħedna f’periklu l-ħajjitna stess… M’hemmx futur għalina jekk neqirdu l-ambjent li jsostnina” (25). Issa, quddiem din il-pandemija, sperimentajna b’mod wiesgħa u ħaj li aħna lkoll responsabbli flimkien f’din il-vulnerabbiltà. Parti kbira mill-umanità wieġbet għal din il-vulnerabbiltà b’determinazzjoni u solidarjetà. Urejna li nistgħu nagħmluh dan, li nistgħu nbiddlu, u issa jmiss lielna li nbiddlu dawn l-atteġġjamenti f’konverżjoni permanenti; u b’rieda soda u solidarjetà niffaċċjaw theddid akbar li jista’ jkollu effetti li jdumu aktar. Wasal ukoll il-waqt li nirriflettu fuq il-ħidmiet ekonomiċi u fuq ix-xogħol. Li nerġgħu lura għal dak li kien isir qabel il-pandemija jidher li hija l-iktar għażla ċara u prattika, imma għaliex ma ngħaddux għal xi ħaġa aħjar? Għaliex inkomplu ninvestu fiż-żejt, fil-kultura waħdanija u fil-qerda tal-foresti li jġibulna x-xita meta nafu li dan qed jiggrava l-kriżi tagħna tal-ambjent? Għalfejn nibdew mill-ġdid bl-industrija tal-armamenti, bil-ħela tal-biża’ ta’ riżorsi u l-qerda bla bżonn? Il-Papa huwa mħasseb “mill-wiċċ b’ieħor ta’ wħud mill-politiċi li jgħidu li jridu jaffrontaw il-kriżi… u waqt li jitkellmu dwar dan jibnu l-armamenti” (26). Mingħajr dubju neħtieġu “armi” imma armi ta’ tip differenti biex niġġieldu l-mard u nħeffu t-tbatija, u nibdew qabel kollox minn dak kollu li huwa meħtieġ fil-kliniċi u fl-isptarijiet tad-dinja kollha. Bil-kuraġġ kollu naħsbu barra mill-iskemi! Wara dak kollu li ġa għadda din is-sena, m’għandux ikollna biża’ li nidħlu b’avventuri f’toroq ġodda u nipproponu soluzzjonijiet li jwasslu għal tibdil ġdid.

Mingħajr dubju, il-ħidma tas-servizzi fis-saħħa titlob il-għarfien, il-għajnuna u t-tiġdid. Il-pandemija wrietna kemm din l-għajnuna hija fundamentali u strateġika. Madankollu, f’ħafna pajjiżi dan huwa settur minsi: is-salarji huma baxxi, il-personell fl-isptarijiet m’humiex biż-żejjed, il-ħinijiet tax-xogħol huma tqal, jonqos kuntratti u ftehim aħjar. Ħafna ħaddiema jaħdmu f’qagħadiet prekarji: “Intom ħaddiema ta’ dan it-tip, indipendenti jew tal-ekonomija popolari m’għandkomx salarju fiss biex tiffaċċjaw dan il-mument” (27). Ħafna huma immigranti.

Għaliex dawk li jaħdmu f’oqsma oħra li jagħtu sehem soċjali ħafna inqas importanti, jaqilgħu wisq aktar mill-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa? Barra minn dan, meta jingħata valur lix-xogħol ta’ għajnuna, dan jista’ jtejjeb ħafna aktar il-qagħada tan-nisa, meta nafu li, f’dan il-qasam, dawn huma ħafna aktar fin-numru: dan huwa motiv ieħor biex dan ix-xogħol ma jibqax aktar mogħti l-ġenb. Ejjew nuru l-istess ħeffa li ntweriet biex b’suċċess inwaqqfu t-tixrid tal-virus biex ukoll insaħħu s-settur kollu tal-ħidmiet tas-saħħa. Dan il-pjan għandu jkun mifrux ukoll fis-setturi kollha li jmissu miegħu. “Ħafna minnkom jgħixu jum b’jum mingħajr ebda garanzija legali li tħarishom” (28). Dawn huma l-ħaddiema b’ħarsien inqas waqt il-kwarantina, ukoll jekk ħafna minnhom iwettqu ħidma essenzjali daqs dawk li għandhom xogħol stabbli. “Bejjiegħa li jimxu mat-toroq, dawk li jiġbru l-iskart, dawk li jaħdmu fil-ġostra, bdiewa żgħar, benneja, ħajjata, ħafna li jagħmlu xogħol ta’ għajnuna…u li għalihom… il-kwarantina hija insopportabbli” (29). Il-Papa jitlobna li nuru kuraġġ fil-ġdid, nesperimentaw soluzzjonijiet ġodda u nieħdu toroq ġodda.

Fil-waqt li nħarsu ’l quddiem, ejjew naqraw is-sinjali li l-COVID-19 wriena b’mod ċar. Ma ninsewx kemm it-telf ta’ kuntatt uman f’dan il-perijodu faqqarna b’mod profond, meta ġejna mifruda mill-qraba, mill-ħbieb, minn sħabna tax-xogħol u fuq kollox mill-familja u xejn anqas il-krudeltà kbira ħafna li ma stajniex nakkumpanjaw fl-aħħar mumenti ta’ ħajjithom lil dawk li kienu qed imutu u li wara nibkuhom kif jixraq. Ma neħduhiex din bħala ħaġa aċċettata li fiż-żmien li ġej nistgħu mill-ġdid noqogħdu flimkien, imma niskopru kif insaħħu sa minn issa din il-possibiltà. L-isfida u t-tibil tal-industriji attwali, il-għarfien tax-xogħol informali u t-tisħiħ tal-ħidma fl-assistenza tas-saħħa huma issa għall-ordni tal-ġurnata f’dak li għandu jsir politikament. “Nittama li l-gvernijiet jagħarfu s-sinjali teknokratiċi (li jqegħedu fiċ-ċentru l-Istat jew is-suq) m’humiex biż-żejjed biex jaffrontaw din il-kriżi jew il-problemi l-oħra kbar tal-umanità. Issa, aktar minn qatt qabel, huma l-persuni, il-komunitajiet u l-popli li għandhom ikunu fiċ-ċentru, mgħaqudin biex ifejjqu, biex jikkuraw u biex jaqsmu kollox flimkien” (30). Hekk issa fhimna li kulħadd huwa mdaħħal flimkien u implikat minħabba l-COVID-19: id-diżugwaljanza, is-sħana globali u t-tmexxija ħażina jheddu lil kulħadd. Nifhmu wkoll li ma nistgħux nerġgħu lura għall-forom u għas-sistemi li jqegħedu fil-periklu d-dinja kollha. Il-ħajja tagħna wara l-pandeminja ma għandhiex tkun kopja ta’ dik li kienet qabel; imma għandha tmur aktar ’l hemm minn dawk li mingħajr proporzjon ibbenefikaw minnha. “Nużaw ħniena ma’ min hu l-inqas b’saħħtu: hekk biss nibnu dinja ġdida” (31).

Il-COVID-19 offrielna okkażżjoni biex neżaminaw l-egoiżmu u l-kompetizzjoni; u t-tweġiba hija din: jekk inkomplu naqblu u wkoll nesiġu kompetizzjoni bla rażan bejn l-interessi individwali, dawk ta’ gruppi u dawk nazzjonali fejn dawk li jitilfu jiġu meqruda, hekk fl-aħħar dawk li jirbħu huma wkoll jintilfu flimkien mal-oħrajn, għaliex dan il-mudell mhux sostenibbli fil-livelli kollha: mill-virus mikroskopiku sal-kurrenti tal-oċean, mill-atmosfera għar-riservi tal-ilma ħelu. Era ġdida ta’ solidarjetà trid tara l-bnedmin kollha fuq l-istess livell ta’ dinjità: kull wieħed u waħda huma msejjħa biex jerfgħu r-responsabbiltà proprja u jagħtu sehemhom jew sabiex kulħadd, kull wieħed u waħda għalih jew għaliha, l-oħrajn u l-ġenerazzjonijiet futuri, jistgħu jkunu aħjar.

Flimkien ma’ din il-mira, ma’ dan l-impenn għall-ħidma, Papa Franġisku juri kemm hija ħaġa fundamentali t-talb biex nindirizzaw ħarsitna għat-tama, fuq kollox meta din tonqos u jkun hemm il-periklu li tiġi mirbuħa. “Kemm nies jitolbu, joffru u jidħlu għall-ġid ta’ kulħadd. It-talb u l-qadi fis-skiet: dawn huma l-armi tagħna biex nirbħu” (32). Waqt li kien qed imexxi d-dinja f’adorazzjoni nhar is-27 ta’ Marzu, il-Papa għallimna xi jfisser nitolbu:

  • nisimgħu, inħallu lilna nfusna niġu mċaqalqin minn dak li nkunu qed ngħixu, naffrontaw il-maltemp u s-skiet, id-dlam u x-xita, inħallu s-sireni tal-ambulanzi jiddisturbawna;
  • nagħarfu mill-ġdid li aħna m’aħniex suffiċjenti minna nfusna u għalhekk nafdaw f’Alla;
  • nikkontemplaw il-Ġisem ta’ Kristu biex inkunu msawwrin mill-mod tiegħu kif jagħmel l-affarijiet, niddjalogaw miegħu biex nibqgħu nakkumpanjaw u nsaħħu lill-oħrajn kif għamel Huwa nnifsu;
  • nitgħallmu minn Ġesù nerfgħu s-salib flimkien miegħu sabiex ngħannqu t-tbatija tal-ħafna;
  • fid-dgħufija tagħna nimitaw lilu sabiex, bis-saħħa tan-nuqqas ta’ ħila tagħna, is-salvazzjoni tidħol fid-dinja;
  • inħarsu lejn Marija, “Saħħa tal-Poplu u Kewkba fil-baħar imqalleb” u nitolbuha tgħallimna ngħidu l-Iva tagħna kull jum, dejjem imħejjija li nkunu disponibbli b’mod konkret u ġeneruż.

Hekk, t-talb isir it-triq biex niskopru kif insiru dixxipli u missjunarji llum, ninkarnaw f’ħajjitna l-imħabba mingħajr kundizzjonijiet f’ċirkustanzi differenti ħafna għal kull bniedem u għal kull maħluq. Din il-mixja tista’ twassalna lejn dehra ġdida tad-dinja, tal-kontradizzjonijiet u l-tal-possibiltajiet tagħha; tista’ tgħallimna wkoll, jum wara ieħor, kif nibdlu r-relazzjonijiet tagħna, l-istili tal-ħajja tagħna, dak li aħna nistennew u l-modi politiċi tagħna li mbagħad iwassluna lejn l-iżvilupp uman sħiħ u l-milja tal-ħajja.

Għalhekk is-smiegħ, il-kontemplazzjoni, it-talb huma parti sħiħa mill-ġlieda biex kulħadd ikun indaqs, ma jkunx hemm dawk li jitħallew barra u biex jinstabu dawk l-alternattivi sostenibbli fil-konfront tal-ħajja . Papa Franġisku jdur lejn kull min jaqra din il-ġabra, lejn kull komunità u soċjetà, Urbi et orbi, (jiġifieri lejn il-Belt u lejn id-dinja kollha), u jtenni: “Nitlob għalikom, nitlob magħkom u nitlob ’l Alla Missierna li jberikkom, jimliekom bi mħabbtu, iħariskom tul dil-mixja, waqt li jagħtikom it-tama li hija dik il-qawwa li tgħinna ma naqgħux u li ma tidħakx bina” (33).

NOTE

1 Messaggio Urbi et orbi durante il Momento straordinario di preghiera in tempo di epidemia. “Perché avete paura?”, Sagrato della Basilica di San Pietro, 27 marzo 2020.

2 Let. enc. Laudato si’, 25 maggio 2015, 3.

3 Perché avete paura?, op. cit.

4 Catechesi durante l’Udienza generale per la 50ª Giornata Mondiale della Terra. “Vincere le sfide globali”, 22 aprile 2020.

5 Omelia per la II Domenica di Pasqua (o della Divina Misericordia). “L’egoismo: un virus ancora peggiore”, 19 aprile 2020.

 6 Messaggio Urbi et orbi – Pasqua 2020. “Come una fiamma nuova”, 12 aprile 2020.

7 Lettera ai Movimenti Popolari. “A un esercito invisibile”, 12 aprile 2020.

8 Come una fiamma nuova, op. cit.

9 Ibid.

10 A un esercito invisibile, op. cit.

11 Lettera al mondo dei giornali di strada, 21 aprile 2020.

12 Ibid.

13 Come una fiamma nuova, op. cit.

14 Perché avete paura?, op. cit.

15 Ibid.

16 A un esercito invisibile, op. cit.

17 Ibid.

18 Come una fiamma nuova, op. cit.

19 L’egoismo: un virus ancora peggiore, op. cit.

20 Ibid.

21 Come una fiamma nuova, op. cit.

22 L’egoismo: un virus ancora peggiore, op. cit.

23 Francesco, il Covid-19 e il rischio del “genocidio virale” – print – Vatican News.

24 Cfr Austen Ivereigh, “A Time of Great Uncertainty”. An Interview with Pope Francis [“Un periodo di grande incertezza”. Intervista a papa Francesco], 8 aprile 2020.

25 Vincere le sfide globali, op. cit.

26 Cfr Ivereigh, A Time of Great Uncertainty, op. cit.

27 A un esercito invisibile, op. cit.

28 Ibid.

29 Ibid.

30 Ibid.

31 L’egoismo: un virus ancora peggiore, op. cit.

32 Perché avete paura?, op. cit.

33 A un esercito invisibile, op. cit.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Patri Silvestru Bonavia ofm cap

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: