Qari tal-Quddies tal-Ħamis tal-XIII-il ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

It-Tlettax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Il-Ħamis

QARI I
Mur, ħabbar lill-poplu tiegħi.
Għam 7, 10-17

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Għamos

F’dak iż-żmien, Amasija, il-qassis ta’ Betel, bagħat jgħid lil Ġerobogħam, is-sultan ta’ Iżrael: “Għamos għamel konfoffa kontrik fid-dar stess ta’ Iżrael.

Il-pajjiż ma jiflaħx iżjed għal kulma qiegħed jgħid. Għax hekk qal Għamos: “Ġerobogħam imut bis-sejf u Iżrael ikun itturufnat minn artu”.

Amasija qal lil Għamos: “Mur, bniedem veġġenti, itlaq lejn l-art ta’ Ġuda, u ħobżok kulu hemm, u ħabbar hemm; u tkomplix iżjed tħabbar ġo Betel, għaliex Betel santwarju tas-sultan, it-tempju tas-saltna”. Wieġeb imbagħad Għamos u qal lil Amasija: “Jien m’iniex profeta, lanqas bin profeta; jiena biss ragħaj u niżbor il-ġummajż; iżda l-Mulej qabadni minn wara l-merħla, u l-Mulej qalli: Mur, ħabbar lill-poplu tiegħi, Iżrael.

U issa, isma’ xi jgħid il-Mulej. Inti tgħidli: “Tħabbarx kontra Iżrael, tbassarx kontra d-dar ta’ Iżakk”. Mela dan jgħid il-Mulej: “Martek għad tintelaq għaż-żína fil-belt; uliedek, subien u bniet, imutu bis-sejf, u artek tinqasam f’oqsma; inti tmut f’art imniġġsa, u Iżrael ikun żgur itturufnat minn artu”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 18, 8.9.10.11

R/. (10b): Il-ġudizzji tal-Mulej sewwa, u mseddqa għalkollox

Il-liġi tal-Mulej perfetta,
u tagħti l-ħajja;
ix-xhieda tal-Mulej hi sewwa,
u tgħallem lil min ma jafx. R/.

Il-preċetti tal-Mulej dritti,
u jferrħu l-qalb;
il-kmandament tal-Mulej safi,
u jdawwal l-għajnejn. R/.

Il-biża’ tal-Mulej sinċier,
u jibqa’ għal dejjem;
il-ġudizzji tal-Mulej sewwa,
u mseddqa għalkollox. R/.

Egħżeż mid-deheb,
mid-deheb l-aktar fin,
oħla mill-għasel
u mill-qtar tax-xehda. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
2 Kor 5, 19

Hallelujah. R/. Hallelujah
Alla kien li ħabbeb il-ħolqien miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu,
u fdalna l-ministeru ta’ din il-ħbiberija.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Qabdu jfaħħru lil Alla li ta setgħa bħal din lill-bnedmin.
Mt 9, 1-8

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù tala’ f’dgħajsa, qasam il-baħar u baqa’ sejjer fil-belt tiegħu. U ħadulu quddiemu wieħed mifluġ, mixħut fuq friex. Kif ra l-fidi tagħhom, Ġesù qal lill-mifluġ: “Agħmel il-qalb, ibni; dnubietek maħfura”. Xi wħud mill-kittieba bdew jgħidu fihom infushom: “Dan qiegħed jidgħi”. Ġesù għaraf x’kienu qegħdin jaħsbu, u qalilhom: “Imma għaliex qegħdin taħsbu ħażin f’qalbkom? Għax x’inhu l-eħfef, tgħid: “Dnubietek maħfura”, jew tgħid: “Qum u imxi”? Mela biex tkunu tafu li Bin il-bniedem għandu s-setgħa jaħfer id-dnubiet fuq l-art”, qal lill-mifluġ: “Qum, aqbad il-friex u mur lejn darek”. Dak qam u telaq lejn daru. In-nies, meta raw dan, beżgħu u qabdu jfaħħru lil Alla li ta setgħa bħal din lill-bnedmin.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu