It-Tlettax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
L-Erbgħa
QARI I
Warrbu minni l-għajjat tal-għana tagħkom; ħallu l-ġustizzja tgelgel bħal wied ta’ dejjem.
Għam 5, 14-15.21-24
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Għamos
Fittxu l-ġid, u mhux id-deni,
jekk tridu tgħixu,
u l-Mulej, Alla tal-eżerċti,
ikun magħkom, bħalma għedtu.
Obogħdu d-deni u ħobbu l-ġid,
saħħu l-ġustizzja f’bieb il-belt;
u l-Mulej Alla tal-eżerċti
għandu mnejn iħenn għal fdal Ġużeppi.
“Il-festi tagħkom sirt nobgħodhom u nistmerrhom,
ebda gost ma nsib fil-laqgħat tagħkom.
Meta tressquli quddiemi l-offerti tal-ħruq u s-sagrifiċċji tagħkom,
ma jogħġbunix,
u anqas biss inħares
lejn l-offerti tas-sliem tal-bhejjem imsemmna tagħkom.
Warrbu minni l-għajjat tal-għana tagħkom,
ma rridx nisma’ bid-daqq tal-arpi tagħkom!
Ħallu l-ġustizzja tgelgel bħall-ilma,
u s-sewwa bħal wied ta’ dejjem”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
SALM RESPONSORJALI
Salm 49 (50), 7.8-9.10-11.12-13.16bċ-17
R/. (23b): Lil min jimxi bis-sewwa nurih is-salvazzjoni ta’ Alla
Isma’, poplu tiegħi, għax se nitkellem,
Iżrael, għax se nixhed kontrik.
Jiena Alla, Alla tiegħek. R/.
Ma nċanfrekx għas-sagrifiċċji tiegħek;
il-vittmi tiegħek maħruqa huma dejjem quddiemi.
Ma neħtieġ ebda għoġol minn tiegħek,
jew gidien mill-imrieħel tiegħek. R/.
Għax tiegħi huma l-bhejjem tax-xagħri,
eluf huma l-bhejjem fuq l-għoljiet tiegħi.
Jien nagħraf it-tjur kollha tal-ajru,
taħt għajnejja kulma jimxi fir-raba’. R/.
Li kont bil-ġuħ, mhux se ngħid lilek,
għax tiegħi l-art u kulma fiha.
Huwa jien se niekol laħam il-gniedes,
jew nixrob id-demm tal-gidien? R/.
Kif titkellem fuq il-kmandamenti tiegħi,
u żżomm fuq xufftejk il-patt tiegħi,
int, li tobgħod it-twiddib,
u tixħet kliemi wara dahrek? R/.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġak 1, 18
Hallelujah. R/. Hallelujah
Għax ried hu, il-Missier wilidna bil-kelma tal-verità,
biex inkunu l-ewwel frott tal-ħlejjaq tiegħu.
R/. Hallelujah
EVANĠELJU
Ġejt hawn biex taħqarna qabel iż-żmien?
Mt 8, 28-34
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù wasal ix-xatt l-ieħor, fil-pajjiż tal-Gadarin, u tnejn min-nies, maħkumin mix-xitan, ħarġu mill-oqbra u resqu fuqu. Kienu qliel wisq; ħadd ma kien jista’ jgħaddi bihom minn dik it-triq. U nfexxew jgħajtu u jgħidu: “Aħna x’għandna x’naqsmu, Bin Alla? Ġejt hawn biex taħqarna qabel iż-żmien?”. Mela ftit ’il bogħod minnhom kien hemm merħla kbira ta’ ħnieżer tirgħa. U x-xjaten talbu ħafna lil Ġesù u qalulu: “Jekk toħroġna, ibgħatna fil-merħla tal-ħnieżer”. “Morru!”, qalilhom. Imbagħad ħarġu, u daħlu fil-ħnieżer, u l-merħla kollha nxteħtet mill-għoli tax-xaqliba għal ġol-baħar u nqerdet fl-ilma.
Ir-rgħajja ħarbu u marru l-belt ixerrdu l-aħbar ta’ kollox u ta’ kulma kien għadda minn għala l-imxajtna. U l-belt ħarġet bi ħġarha għal ħdejn Ġesù u kif rawh, bdew jitolbuh ħafna biex jibqa’ sejjer ’il barra minn pajjiżhom.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu