78. Il-Ħajja fuq l-Art ta’ Ġesù hija mudell għal-Lajċi


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 10/11/1993.

 1. Diġa osservajna li n-natura sekolari, karattaristika tal-ħajja tal-lajċi, ma tistax tkun iddisinjata skont dimensjoni purament “mondana”, għaliex tinkludi r-rapport tal-bniedem ma’ Alla ġo dik il-komunità ta’ salvezza li hija l-Knisja.

Hemm mela fin-nisrani valur traxxendenti tal-lajċità, li toħroġ mill-Magħmudija li biha l-bniedem isir bin addottiv ta’ Alla u membru tal-Ġisem mistiku ta’ Kristu, il-Knisja.

Għal dan għidna wkoll, sa minn l-ewwel katekeżi dwar il-lajċi, li dan il-vokabolu – “lajċi” – b’mod abbużiv biss jistà jkun mifhum u wżat kontra Kristu jew kontra l-Knisja, bħala indikattiv ta’ atteġġjament ta’ firda, ta’ indipendenza, jew ukoll ta’ indifferenza biss. Fil-lingwaġġ nisrani, “lajk” huwa dak li huwa membru tal-Poplu ta’ Alla u fl-istess ħin jgħix inserit fid-dinja.

2. L-appartenenza tal-lajċi għall-Knisja, bħala parti tagħha ħajja, attiva u responsabbli, tiġi mill-istess rieda ta’ Ġesù Kristu. Hawn biżżejjed niftakru l-imġieba tas-sid tal-qasam tad-dwieli, fil-parabbola hekk sinifikattiva u suġgestiva rrakkuntata minn Ġesù. Waqt li jara xi rġiel mingħajr xogħol, is-sid jgħidilhom: “Morru intom ukoll fil-qasam tad-dwieli tiegħi” (Mt 20, 4). Dan l-appell, jikkumenta s-Sinodu tal-Isqfijiet tal-1987 (Christifideles Laici, 2), “ma jonqosx jidwi minn dak il-jum imbiegħed tul il-korsa tal-istorja: huwa ndirizzat lil kull bniedem li jiġi f’din id-dinja”. “Is-sejħa ma tirrigwardax biss ir-Rgħajja, is-Saċerdoti, ir-Reliġjużi rġiel u dawk nisa, imma testendi ruħha għal kulħadd: ukoll il-fidili lajċi huma msejħa b’mod personali mill-Mulej, li mingħandu jirċievu missjoni għall-Knisja u għad-dinja”. Kollha huma mistiedna biex “iħallu lilhom infushom jiġu rikonċiljati ma’ Alla” (2 Kor 5, 20), biex iħallu lilhom infushom jiġu salvati u biex jikkoperaw għall-fidwa universali, għaliex Alla “jrid li lkoll inkunu salvi” (1 Tm 2, 4). Kollha mistiedna bil-kwalitajiet personali tagħhom biex jaħdmu fil-“qasam tad-dwieli” tal-Missier, fejn kull wieħed għandu postu u l-premju tiegħu.

3. Is-sejħa tal-lajċi tinvolvi parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja tal-Knisja u komunjoni intima konsegwenti fil-ħajja stess ta’ Kristu. Dan huwa don divin u huwa fl-istess ħin impenn ta’ korrispondenza. Ma kienx jewwilla Ġesù jitlob lid-dixxipli tiegħu li kienu segwewh biex jibqgħu b’mod kostanti magħqudin miegħu u fih, u biex iħallu jinvadi moħħhom u qalbhom l-istess impetu ta’ ħajja tiegħu? “Ibqgħu fija, u jiena fikom. Mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn” (Ġw 15, 4-5). Bħal ma għas-Saċerdoti, hekk ukoll għal-lajċi, il-fertilità vera tiddependi mill-għaqda ma’ Kristu.

Huwa minnu li l-“mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn” ma tfissirx li mingħajr Kristu huma ma jistgħux jeżerċitaw l-fakultajiet tagħhom u l-kwalitajiet fl-ordni tal-attivitajiet temporali; imma dik il-kelma ta’ Ġesù trażmessa mill-Vanġelu ta’ Ġwanni, twissi lilna lkoll, kjeriċi u lajċi, li mingħajr Kristu ma nistgħux nipproduċu l-frott l-iktar speċifiku tal-eżistenza nisranija tagħna. Għal-lajċi tali frott huwa b’mod speċifiku l-kontribut għall-bidla tad-dinja permezz tal-grazzja, u għall-bini ta’ soċjetà aħjar. Bil-fedeltà għall-grazzja biss huwa possibbli l-ftuħ fid-dinja tat-toroq tal-grazzja: sew bit-twettiq tad-dmirijiet familjari tagħhom, b’mod speċjali fl-edukazzjoni tal-ulied, kif ukoll fix-xogħol tagħhom, kemm fis-servizz lis-soċjetà, fil-livelli kollha u fil-forom kollha ta’ impenn għall-ġustizzja, l-imħabba u l-paċi.

4. F’armonija ma’ din id-dutrina evanġelika, imtennija minn San Pawl (cf. Rm 9, 16) u riaffermata minn Santu Wistin (cf. De correptione et gratia, c. 2), il-Konċilju ta’ Trentu għallem li, minkejja li hu possibbli li dak li jkun jagħmel “opri tajba” ukoll mingħajr ma jkun fi stat ta’ grazzja (cf. Denz. 1957), bdanakollu l-grazzja biss tagħti valur feddej lill-opri (Ivi, 1551). Min-naħa tiegħu l-Papa San Piju V, minkejja li kkundanna s-sentenza ta’ min kien isostni li “l-opri kollha ta’ dawk bla fidi huma dnubiet u l-virtujiet tal-filosfi [pagani] mhumiex ħaġ;oħra għajr vizzji” (Ivi, 1925), kien bl-istess mod jirrifjuta kull naturaliżmu u legaliżmu, biex jiddikjara li l-ġid meritorju u feddej jiġi mill-Ispirtu Santu li jgħaddas il-grazzja fil-qlub tal-ulied addottivi ta’ Alla (Ivi, 1912-1915). Din hija l-linja ta’ ekwilibriju segwita minn San Tumas D’Aquino, li għall-kwistjoni “jekk il-bniedem jistax ikun irid u jwettaq il-ġid, mingħajr il-grazzja”, kien iwieġeb: “Billi n-natura umana korrotta għal kollox bid-dnub, sal-punt li tkun imċaħħda minn kull ġid naturali, il-bniedem jistà jwettaq bis-saħħa tan-natura tiegħu xi ġid partikolari, bħal jibni dar, iħawwel qasam tad-dwieli u ħwejjeġ oħra ta’ dan it-tip [qasam tal-valuri u tal-attivitajiet ta’ ordni lavorattiva, teknika, ekonomika…], imma ma jistax iwettaq il-ġid għalih konsubstanzjali… bħal marid, minnu nnifsu, ma jistax iwettaq b’mod perfett il-movimenti ta’ bniedem b’saħħtu, jekk ma jitfejjaqx bl-użu tal-mediċina…” (Summa theologiae, I-II, q. 109, a. 2). Wisq inqas jistà jwettaq il-ġid superjuri u soprannaturali (“bonum superexcedens, supernaturale”), li huwa opra tal-virtujiet imsawba, u fuq kollox tal-karità li tirriżulta mill-grazzja (cf. Ivi).

Kif wieħed jistà jara, ukoll dwar dan il-punt li jirrigwarda l-qdusija tal-lajċi, hija nvoluta waħda mit-teżijiet fundamentali tat-tejoloġija tal-grazzja u tal-fidwa!

5. Il-lajċi jistgħu jattwaw f’ħajjithom l-istruttura tal-misteru tal-Inkarnazzioni, propju permezz tan-natura sekolari tal-istat tagħhom. Nafu infatti li l-Iben ta’ Alla ried jaqsam il-kondizzjoni umana tagħna, billi jagħmel lilu nnifsu bħalna f’kollox, minbarra d-dnub (cf. Lh 2, 17; 4, 15). Ġesù iddefinixxa lilu nnifsu bħala “dak li l-Missier ikkonsagra u bagħat fid-dinja” (Ġw 10, 36). Il-Vanġelu jiċċertifikalna li l-Iben etern impenja ruħu għal kollox fil-kondizzjoni tagħna waqt li għex fid-dinja il-konsagrazzjoni tiegħu. Il-ħajja umana b’mod integrali ta’ Ġesù fid-dinja hija l-mudell li jdawwal u jispira l-ħajja tal-imgħammdin kollha (cf. Gaudium et Spes, 32): huwa l-Vanġelu stess li jistieden biex niskopru fil-ħajja ta’ Kristu immaġni perfetta ta’ dik li tistà u għandha tkun il-ħajja ta’ dawk li jsegwuh bħala dixxipli u jieħdu sehem fil-missjoni u fil-grazzja tal-apostolat.

6. B’mod partikolari, nistgħu ninnutaw li, waqt li għażel li jgħix l-ħajja komuni tal-bnedmin, l-Iben ta’ Alla injetta f’din il-ħajja valur ġdid, billi għolliha għall-għoli ta’ dik divina (cf. S. Tommaso, Summa theologiae, III, q. 40, aa. 1-2). Billi kien Alla, huwa qiegħed ukoll fil-ġesti l-iktar umli tal-eżistenza umana sehem tal-ħajja divina. Fih aħna nistgħu u għandna nagħrfu u nonoraw l-Alla li, bħala bniedem, twieled u għix bħalna, kiel, xorob, ħadem, eżerċita l-attivitajiet meħtieġa għal kulħadd, u hekk fuq il-ħajja kollha, fuq l-attivitajiet kollha tal-bnedmin, mgħollija għal livell superjuri, irrifletta ruħu l-misteru tal-ħajja trinitarja. Għal min jgħix fid-dawl tal-fidi, bħal-lajċi nsara, il-misteru tal-Inkarnazzjoni jippenetra wkoll l-attivitajiet temporali, waqt li jgħaddas fihom il-ħmira tal-grazzja.

Fid-dawl tal-fidi, il-lajċi li jsegwu l-loġika tal-Inkarnazzjoni, li seħħet għar-Redenzjoni tagħna, jieħdu sehem ukoll fil-misteru tas-Salib feddej. Fil-ħajja ta’ Kristu l-Inkarnazzjoni u r-Redenzjoni, jikkostitwixxu misteru wieħed ta’ mħabba. L-Iben ta’ Alla inkarna ruħu biex jifdi l-umanità permezz tas-sagrifiċcju tiegħu: “Bin il-Bniedem ġie… biex jagħti ħajtu għall-fidwa tal-kotra” (Mk10, 45; Mt 20, 28).

Meta l-Ittra lil-Lhud tiddikjara li l-Iben sar jixbaħ lilna lkoll f’kollox, minbarra d-dnub, titkellem dwar xebħ u kondiviżjoni tal-provi dolorużi tal-ħajja preżenti (cf. Lh 4, 15). Ukoll fl-Ittra lill-Filippin naqraw li Dak li sar jixbaħ lill-bnedmin għamel lilu ubbidjenti sal-mewt tas-salib (cf. Fil 2, 7-8).

Kif l-esperjenza tad-diffikultajiet ta’ kuljum fil-ħajja ta’ Kristu tilħaq il-quċċata fis-Salib, hekk fil-ħajja tal-lajċi il-provi ta’ kuljum jilħqu l-quċċata fil-mewt magħquda ma’ dik ta’ Kristu, li rebaħ il-mewt. Fi Kristu u fis-segwaċi kollha tiegħu, Saċerdoti u lajċi, is-Salib huwa l-muftieħ tas-salvazzjoni.  

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb