1. Dwar l-għaqda u l-indissolubiltà taż-żwieġ

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali – 05/09/1979.

1. Minn xi żmien ’il hawn qegħdin isiru tħejjijiet għall-assemblea ordinarja li jmiss tas-Sinodu tal-Isqfijiet, li għandha ssir f’Ruma fil-Ħarifa tas-sena d-dieħla.  

It-tema tas-Sinodu: “De muneribus familiae christianae” (Id-dmirijiet tal-familji Nsara) tikkonċentra l-attenzjoni tagħna fuq din it-tip ta’komunità umana u Nisranija, li kienet fundamentali sa mill-bidu.  U kien proprju b’din l-espressjoni “sa mill-bidu” li l-Mulej Ġesù inqeda fid-diskors li għamel dwar iż-żwieġ u li insibuh miktub fil-Vanġelu ta’ San Mattew u f’dak ta’ San Mark.  Irridu nistaqsu lilna nfusna xi tfisser din il-kelma: “bidu”.  Barra minn hekk, irridu niċċaraw għaliex, f’dik l-okkażjoni Kristu jmur lura għall-“bidu” u allura nipproponu li ssir analiżi aktar preċiża tas-silta tal-Iskrittura Mqaddsa marbuta ma’ dan. 

2.  Waqt id-djalogu mal-Fariżej li kienu staqsewh dwar l-indissolubbiltà taż-żwieġ, Ġesù Kristu darbtejn irrifera għall-“bidu”.  Id-djalogu kien seħħ hekk: “… u resqu fuqu xi Fariżej biex iġarrbuh u qalulu: “Jista’ wieħed jitlaq lil martu fuq xi ħaġa, tkun xi tkun?”  Iżda hu qalilhom: “Ma qrajtux li sa mill-bidu l-Ħallieq għamilhom raġel u mara u qal: ‘Minħabba f’hekk raġel iħalli lil missieru u ’l ommu u jingħaqad ma’ martu u t-tnejn isiru ġisem wieħed’?  Għalhekk, mhumiex iżjed tnejn, imma ġisem wieħed.  Mela dak li għaqqad Alla m’għandux jifridu l-bniedem.”  Qalulu: “Mela allura għaliex ordna Mosè li żewġha jagħtiha l-kitba tad-divorzju u jibgħatha?” Qalilhom: “Kien minħabba l-ebusija ta’ qalbkom li Mosè takom il-permess tibagħtu n-nisa tagħkom.  Iżda ma kienx hekk mill-bidu.” (Mt 19: 3, eċċ.; ara wkoll. Mk 10:2, eċċ.) 

Kristu ma jaċċettax id-diskussjoni fil-livell li fih l-interlokuturi tiegħu jippruvaw jintroduċuha.  Sa ċertu punt ma japprovax id-dimensjoni li huma fittxew li jagħtu lill-problema.  Jevita li jinqabad f’kontroversji ġuridiċi-każistiċi, u minflok, għal darbtejn oħra, jerġa’ jirreferi għall-“bidu”.  B’dan mod hu jagħmel riferiment ċar għall-kliem relattiv tal-Ktieb tal-Ġenesi, kliem li l-interlokuturi wkoll jafuh bl-amment.  Kristu jiġbed il-konklużjoni minn dak il-kliem tar-rivelazzjoni antikissima u d-djalogu ntemm hemm. 

3. Mela “il-bidu” jfisser dak li dwaru jitkellem il-Ktieb tal-Ġenesi.  Għalhekk hu l-Ġenesi 1:27 li Kristu jikkwota f’forma mqassra: “Sa mill-bidu l-Ħallieq għamilhom raġel u mara,”.  Testwalment is-silta oriġinali sħiħa tgħid hekk: “U Alla ħalaq il-bniedem fuq xbihietu, fuq xbihat Alla ħalqu; raġel u mara ħalaqhom.”  Wara, l-Imgħallem jirreferi għall-Ġenesi 2:24: “Għalhekk ir-raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma’ martu u jsiru ġisem wieħed.”  Meta qed jikkwota dawn il-kelmiet bla ma jħalli kważi xejn minnhom barra, Kristu jagħtihom sinifikat normattiv ferm iktar espliċitu (għax dan il-punt jista’ jkun ipotizzabbli minħabba li fil-Ktieb tal-Ġenesi dawn il-kelmiet jesprimu  affermazzjonijiet eżatti: “jitlaq … jingħaqad… ikunu ġisem wieħed”).  Is-sinifikat normattiv huwa plawżibbli minħabba li Kristu ma jillimitax ruħu biss għas-silta nnifisha, imma kompla jżid: “Għalhekk, mhumiex iżjed tnejn, imma ġisem wieħed.  Mela dak li għaqqad Alla m’għandux jifridu l-bniedem.” Il-frażi: “ma jifirdux il-bniedem”  hija determinanti.  Fid-dawl ta’ dawn il-kelmiet ta’ Kristu, il-Ġenesi 2:24 jiddikjara l-prinċipju tal-għaqda u tal-indissolubbiltà taż-żwieġ bħala l-istess kontenut tal-Kelma t’Alla, espressa fl-eqdem rivelazzjoni. 

4. F’dan il-punt wieħed jistà jsostni li l-problema hija eżawrita, li kliem Ġesù Kristu jikkonferma l-liġi eterna fformulata u mwaqqfa minn Alla sa mill-“bidu” bħall-ħolqien tal-bniedem.  Wieħed jista’ jgħid ukoll li, bil-konferma tiegħu ta’ din il-liġi primordjali tal-Ħallieq, l-Imgħallem ma jagħmilx ħaġ’oħra għajr li stabilixxa b’mod esklussiv is-sens normattiv proprju tiegħu, billi rrefera għall-awtorità nfisha tal-ewwel Leġislatur.

 Madankollu, dik l-espressjoni sinifikattiva: “sa mill-bidu”, imtennija darbtejn, b’mod ċar iġgiegħel lill-interlokuturi tiegħu jirriflettu fuq il-mod kif, fil-misteru tal-ħolqien, il-bniedem ntgħaġen, appuntu, bħala “raġel u mara”, biex jifhmu b’mod korrett is-sens normattiv tal-kliem tal-Ġenesi.  U dan għadu jgħodd għall-interlokuturi tal-lum daqskemm kien jgħodd għal dawk ta’ dak iż-żmien.  Għalhekk f’dan l-istudju, waqt li nikkunsidraw dan kollu, hemm bżonn li npoġġu lilna nfusna proprju fil-pożizzjoni tal-interlokuturi ta’ Kristu tal-lum. 

5. Matul ir-riflessjonijiet ta’ nhar t’Erbgħa, waqt l-udjenzi ġenerali, infittxu li, bħala l-interlokuturi ta’ Kristu tal-lum, nieqfu aktar fit-tul fuq il-kliem ta’ San Mattew (Mt 19:3 eċċ.). Biex inwieġbu għall-indikazzjoni li Kristu inserxxa fihom, infittxu li nerqsu aktar lejn dak il-“bidu” li għalih hu rrifera b’mod daqshekk sinifikattiv.

Hekk insegwu mill-bogħod ix-xogħol kbir li l-parteċipanti tas-Sinodu tal-Isqfijiet li jmiss se jimbarkaw fuqu f’dak li għandu x’jaqsam ma’ din it-tema.  Flimkien magħhom se jieħdu sehem gruppi numerużi ta’ saċerdoti u ta’ lajċi, li jħossuhom b’mod partikulari responsabbli fejn jidħol l-irwol li Kristu assenja liż-żwieġ u lill-familja Nisranija, l-irwol li hu dejjem ta, u li għadu jagħti fi żminijietna, fid-dinja ta’ llum. 

Iċ-ċiklu ta’ riflessjonijiet li qegħdin nibdew illum, bl-intenzjoni li nkompluh waqt il-laqgħat suċċessivi ta’ nhar t’Erbgħa, għandu wkoll bħala skop li, fost l-oħrajn, jakkumpanja, biex ngħidu hekk mill-bogħod, ix-xogħlijiet preparatorji għas-Sinodu, bla ma, però, jmiss b’mod dirett it-tema, imma billi jiġbed l-attenzjoni għall-għeruq profondi li minnhom toħroġ din it-tema. 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Rivedut minn Carm C. Cachia

Tista’ ssib it-test oriġinali bit-Taljan mis-sit tas-Santa Sede … http://www.vatican.va/holy_father/john_paul_ii/audiences/index_it.htm

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading