2. Analiżi tar-rakkont bibliku tal-ħolqien

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali – 12/09/1979.

Nhar l-Erbgħa li għadda bdejna ċ-ċiklu ta’ riflessjonijiet fuq it-tweġiba li Kristu l-Mulej ta lill-interlokuturi tiegħu għall-mistoqsija dwar l-għaqda u l-indissolubiltà taż-żwieġ.  L-interlokuturi Fariżej, kif niftakru, kienu rrikorrew għal-liġi ta’ Mosè.  Kristu, mill-banda l-oħra, kien mar lura għall-“bidu”, billi kkwota l-kliem tal-Ktieb tal-Ġenesi. 

Il- “bidu”, f’dan il-każ, jirrigwarda dak li dwaru tittratta waħda mill-isbaħ paġni tal-Ktieb tal-Ġenesi.  Jekk irridu nagħmlu analiżi ta’ din ir-realtà, bla dubju rridu li, qabel xejn, immorru għat-test.  Infatti l-kliem li qal Kristu fid-djalogu mal-Fariżej, li nsibuhom f’kapitlu 19 ta’ San Mattew u f’kapitlu 10 ta’ San Mark, jikkostitwixxi silta li min-naħa tagħha tinsab f’kuntest definit sewwa. Mingħajr dan il-kuntest din is-silta la tista’ tinftihem u lanqas tiġi interpretata tajjeb.  Dan il-kuntest huwa pprovdut mill-kliem; “ma qrajtux li sa mill-bidu l-Ħallieq għamilhom raġel u mara …?” (Mt 19:4), u jagħmel riferenza għall-hekk imsejjaħ l-ewwel rakkont tal-ħolqien tal-bniedem, inkluż fiċ-ċiklu tas-sebat ijiem tal-ħolqien tad-dinja (Ġen 1:1-2.4).  Iżda l-kuntest li lejh joqrob l-aktar il-kliem l-ieħor ta’ Kristu, meħud mill-Ġenesi 2:24, huwa dak magħruf bħala t-tieni rakkont tal-ħolqien tal-bniedem (Ġen 2:5-25).  Madankollu, b’mod indirett, dan huwa it-tielet kapitlu tal-Ġenesi kollu kemm hu.

It-tieni rakkont tal-ħolqien tal-bniedem jifforma unità konċettwali u stilistika mad-deskrizzjoni tal-innoċenza oriġinali, tal-hena tal-bniedem u wkoll tal-ewwel waqgħa tiegħu.  Meta wieħed iqis il-kontenut speċifiku ta’ kliem Kristu meħud mill-Ġenesi 2:24, jasal ukoll biex jinkludi fil-kuntest almenu l-ewwel frażi tar-raba’ kapitlu tal-Ġenesi, li tittratta dwar il-konċepiment u t-twelid tal-bniedem minn ġenituri ta’ did-dinja.  Dan hu li aħna biħsiebna nagħmlu fl-analiżi tal-lum. 

2. Mill-punto di vista tal-kritika biblika, irridu niftakru li, kronoloġikament, l-ewwel rakkont tal-ħolqien tal-bniedem jiġi wara t-tieni.  L-oriġini ta’ dan tal-aħħar hija ferm iktar qadima. Dan it-test aktar qadim huwa definit bħala “jahwista”, għaliex meta jissemma Alla jintuża t-terminu “Jahwè”.  Diffiċli li ma nibqgħux impressjonati mill-fatt li x-xbieha ta’ Alla kif ippreżentata għandha laqtiet antropomorfiċi tassew rilevanti (infatti, naqraw fost oħrajn li “… il-Mulej Alla sawwar il-bniedem mit-trab tal-art u nefaħlu fi mnifsejh nifs il-ħajja” (Ġen 2:7).  Meta mqabbel ma’ din id-deskrizzjoni, l-ewwel rakkont, jiġifieri proprju dak li kronoloġikament hu meqjus iktar reċenti, dan jidher ferm iktar matur kemm f’dak li għandu x’jaqsam max-xbieha ta’ Alla, kif ukoll fil-formulazzjoni tal-veritajiet essenzjali dwar il-bniedem.  Dan ir-rakkont ġej mit-tradizzjoni saċerdotali u “elohista”, minn “Elohim”, it-terminu li jintuża f’dan ir-rakkont biex jirreferi għal Alla. 

3. Meta wieħed iqis li f’dan ir-rakkont, il-ħolqien tal-bniedem bħala raġel u mara –  li għalih jirreferi Ġesù fit-tweġiba tiegħu skont Mattew 19 –  hu inkluż fir-ċiklu tas-sebat ijiem tal-ħolqien tad-dinja, wieħed jistà jattribwilu, fuq kollox, karattru kosmoloġiku.  Il-bniedem jiġi maħluq fuq l-art flimkien mad-dinja viżibbli.  Imma fl-istess ħin, il-Ħallieq jordnalu biex lid-dinja jikkontrollaha u jiddominaha (ara Ġen 1:28); huwa mela jiġi mqiegħed ’il fuq mid-dinja.  Għalkemm l-bniedem huwa marbut b’mod strett mad-dinja viżibbli, madankollu r-rakkont bibliku ma jitkellimx dwar ix-xebh tiegħu mal-bqija tal-ħlejjaq, imma biss dwar ix-xebh tiegħu ma’ Alla .  “Alla ħalaq il-bniedem fuq xbihietu, fuq ix-xbihat Alla ħalqu, …” (Ġen 1,27).  Fiċ-ċiklu tas-sebat ijiem tal-ħolqien ċerta proċedura gradwata u preċiża hija evidenti.  Meta jsemmi l-materja bla ħajja, l-awtur bibliku juża verbi differenti bħal, ngħidu aħna, “fired”, “sejjaħ”, “għamel”, “qiegħed”.  Mill-banda l-oħra, meta jitkellem dwar dawk il-ħlejjaq mogħnija bil-ħajja huwa juża t-termini “ħalaq” u “bierek”. Alla ordnalhom: “Nisslu u oktru u mlew l-art.”  Dan l-amar jgħodd kemm għall-annimali kif ukoll għall-bniedem, u jindika li f’dak li għandu x’jaqsam mal-ġisem l-annimali u l-bniedem għandhom ħafna komuni (ara Ġen1:27-28).  Madankollu, fid-deskrizzjoni biblika,  il-ħolqien tal-bniedem jiddistingwi ruħu b’mod essenzjali mill-bqija tal-opri l-oħra ta’ Alla li ġew qabel.   Dan l-att mhux biss huwa ppreċedut minn introduzzjoni solenni, bħallikieku Alla qagħad jaħsibha qabel wettaq dan l-att importanti, imma fuq kollox id-dinjità eċċezzjonali tal-bniedem tingħata importanza permezz tax-“xebh” tiegħu ma’ Alla li tiegħu hu għandu s-sura.

 Meta ġie biex joħloq  il-materja bla ħajja Alla “fired”.  Lill-annimali ordnalhom ikunu fertili u joktru.  Madankollu,  id-differenza fis-sess hija enfasizzata biss fejn jidħol il-bniedem [“raġel u mara ħalaqhom”]. Fl-istess ħin Hu bierek il-fertilità tagħhom, jiġifieri ir-rabta tal-persuni (Ġen 1:27-28).  Il-bniedem ma ġiex maħluq bħala riżultat ta’ proċess naturali, imma l-Ħallieq donnu l-ewwel waqaf ftit qabel ħalqu, bħallikieku Alla daħal daħla fih innifsu biex jieħu deċiżjoni: “Ħa nagħmlu l-bniedem fuq is-sura u x-xbieha tagħna, …” (Ġen1:26). 

4. Il-livell ta’ dak l-ewwel rakkont tal-ħolqien tal-bniedem, ukoll jekk kronoloġikament ġie wara, huwa fuq kollox ta’ karattru teoloġiku.  Dan turih l-aktar id-definizzjoni tal-bniedem ibbażata fuq ir-relazzjoni tiegħu ma’ Alla  (“fuq xbihet Alla ħalqu”), li fl-istess ħin tiġbor fiha l-affermazzjoni tal-impossibbiltà assoluta li l-bniedem jitqiegħed fuq l-istess livell mad-“dinja”. Fid-dawl tal-ewwel sentenzi tal-Bibbja, il-bniedem diġà ma jistax ikun mifhum u lanqas jista’ jiġi mfisser kompletament skont il-kategoriji meħuda mid-“dinja”, jiġifieri mill-kumpless viżibbli tal-korpi.  Minkejja dan kollu l-bniedem ukoll huwa korp.  Il-Ġenesi 1:27 jistabbilixxi li din il-verità essenzjali dwar il-bniedem meta jirreferi għalih bħala raġel u mara: “Alla ħalaq il-bniedem fuq xbihietu … raġel u mara ħalaqhom” (It-test oriġinali jgħid: “Alla ħalaq il-bniedem [ha-adam – sostantiv kollettiv: l-“umanità”?], fuq xbihietu; fuq xbihet Alla ħalqu; raġel[zakar – maskil] u mara [uneqebah – femminil] ħalaqhom” [Ġen 1:27]. Irridu nżommu f’moħħna li l-ewwel rakkont huwa konċiż, ħieles minn kull ħjiel ta’ soġġettiviżmu: fih biss il-fatt oġgettiv u jiddefenixxi r-realtà oġġettiva, sew meta jitkellem dwar il-ħolqien tal-bniedem, raġel u mara, xbieha ta’ Alla, kif ukoll meta ftit wara jżid il-kelmiet tal-ewwel barka: “U berikhom Alla u qalilhom: ‘Nisslu u oktru u mlew l-art, u aħkmuha u saltnu …’” (Ġen1:28). 

5. L-ewwel rakkont tal-ħolqien tal-bniedem, li, kif osservajna, huwa ta’ natura teoloġika, jaħbi ġo fih kontenut metafiżiku qawwi.  Ma ninsewx li dan it-test stess meħud mill-Ktieb tal-Ġenesi sar in-nixxiegħa ta’ ispirazzjonijiet l-iktar profondi għall-ħassieba li fittxew li jifhmu l-“esseri” u l-“eżistenza” (Aktarx li hu biss it-tielet kapitlu tal-Eżodu li jistà jitqabbel ma’ dan it-test) “Haec sublimis veritas”: “Jiena hu dak li hu” ( 3:14) jikkostitwixxi oġġett ta’ riflessjoni għal bosta filosofi, ibda minn Santu Wistin li sostna li Platun kien jaf dan it-test għaliex jidher qrib ħafna tal-ideat tiegħu.  Permezz ta’ San Anselmu, id-duttrina Agostinjana tal-“essentialitas” divina eżerċitat influwenza profonda fuq it-teoloġija ta’ Rikkardu minn San Vittore, ta’ Alessandru ta’ Hales, u ta’ San Bonaventura. “Pour passer de cette interprétation philosophique du texte de l’Exode à celle qu’allait proposer saint Thomas il fallait nécessairement franchir la distance qui sépare “l’être de l’essence” de “l’être de l’existence”. Les preuves thomistes de l’existence de Dieu l’ont franchie”. [Biex wieħed jgħaddi minn din l-interpretazzjoni filosofika tal-Esodu għal dik ippreżentata minn San Tumas, wieħed irid bilfors jelimina d-distanza li tifred “l-esseri tal-essenza” mill-“esseri tal-eżistenza”.  Il-provi Tomistiċi dwar l-eżistenza t’Alla din id-distanza jeliminawha.]  Il-pożizzjoni ta’ Meistro Eckhart hija differenti.  Fuq il-bażi ta’ dan it-test  hu jattribwixxi lil Alla l-“puritas essendi”: “est aliquid altius ente… ” [ “is-safa tal-esseri; hu xi ħaġa ogħla mill-ens”] (ara: E. Gilson, Le Thomisme, [Paris: Vrin, 1944], pp. 122-127; E. Gilson, History of Christian Philosophy in the Middle Ages, [London: Sheed and Ward, 1955], p. 810).

Minkejja ċerti espressjonijiet tassew dettaljati u plastiċi tas-silta, il-bniedem jingħata, qabel xejn, definizzjoni fid-dimensjonijiet tal-“esseri” u tal-“eżistenza” (“esse”).   Huwa ddefinit b’mod li hu iktar metafiżiku milli fiżiku.  Mal-misteru tal-ħolqien tiegħu (“fuq xbihat Alla ħalqu”) tikkorrispondi l-perspettiva tal-prokreazzjoni (“Nisslu u oktru, u mlew l-art”), dik li teżisti fid-dinja u fiż-żmien, ta’ dik il-“fieri” li hija bilfors marbuta mas-sitwazzjoni metafiżika tal-ħolqien: tal-esseri kontinġenti (“contingens”).  U proprju f’dan il-kuntest metafiżiku tad-deskrizzjoni tal-Ġenesi 1, hemm bżonn li nifhmu l-entità tat-tajjeb, jiġifieri l-aspett tal-valur.  Infatti dan l-aspett jidher fiċ-ċiklu ta’ kważi l-jiem kollha tal-ħolqien u jilħaq il-kulminu wara l-ħolqien tal-bniedem: “U ħares Alla lejn kull ma kien għamel, u, ara kollox kien tajjeb ħafna.” (Ġen1:31). Minħabba f’hekk wieħed jistà jgħid b’ċertezza li l-ewwel kapitlu tal-Ġenesi stabbilixxa punt ta’ riferiment li ħadd ma jistà jmerih u bażi soda għal metafiżika, kif  ukoll għal antropoloġija u għal etika, skont liema “ens et bonum convertuntur”. Bla dubju, dan kollu għandu s-sinifikat tiegħu wkoll għat-teoloġija u fuq kollox għat-teoloġija tal-ġisem. 

6. Fuq dan il-punt ninterrompu l-konsiderazzjonijiet tagħna.  Il-ġimgħa d-dieħla nitkellmu dwar it-tieni rakkont tal-ħolqien, jiġifieri dak li, skont il-biblisti, huwa kronoloġikament iktar antik. L-espressjoni “teoloġija tal-ġisem”, li għadna kemm użajna, ħaqqha spjegazzjoni iktar eżatta, imma nħalluha għal okkażjoni oħra.  L-ewwel irridu neżaminaw aktar fil-fond dik is-silta mill-Ktieb tal-Ġenesi li għaliha rrifera Kristu. 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Rivedut minn Carm C. Cachia

Tista’ ssib it-test oriġinali bit-Taljan mis-sit tas-Santa Sede … http://www.vatican.va/holy_father/john_paul_ii/audiences/index_it.htm

%d bloggers like this: