11. Is-sinifikati tal-esperjenzi primordjali tal-bniedem

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali – 12/12/1979.

1. Wieħed jista’ jgħid li l-analiżi tal-ewwel kapitli tal-Ġenesi ġġegħlna, b’xi mod, nibnu mill-ġdid l-elementi li jsawru l-esperjenza oriġinali tal-bniedem. 

F’dan is-sens, il-karattru tat-test Jaħwista jagħmlu sors speċjali. Waqt li nkunu nitkellmu dwar l-esperjenzi oriġinali tal-bniedem, f’moħħna għandna mhux tant id-distanza tagħhom fiż-żmien, daqskemm is-sinifikat bażiku tagħhom.  L-importanti, mela, mhuwiex li dawn l-esperjenzi jappartjenu għall-preistorja tal-bniedem (għall-“preistorja teoloġika” tiegħu), imma li huma jinsabu dejjem fl-għeruq ta’ kull esperjenza umana. Dan huwa minnu anke jekk, fl-evoluzzjoni ordinarja tal-eżistenza tal-bniedem, ftit li xejn tingħata attenzjoni lil dawn l-esperjenzi essenzjali.  Infatti, huma jinsabu hekk imħalltin mal-affarijiet ordinarji tal-ħajja li ġeneralment ma nintebħux bil-karattru straordinarju tagħhom.

Skont l-analiżi li saru s’issa, diġà stajna nintebħu li dik li fil-bidu sejjaħnielha r- “rivelazzjoni tal-ġisem” tgħinna b’xi mod biex niskopru l-lat straordinarju ta’ dak li huwa ordinarju. Dan huwa possibbli għaliex ir-rivelazzjoni (dik oriġinarja, li sabet espressjoni fl-ewwel fir-rakkont Jaħwista ta’ Ġenesi 2-3, imbagħad fit-test ta’ Ġenesi 1) tieħu in konsiderazzjoni proprjudawn l-esperjenzi primordjali li fihom tidher f’forma kważi sħiħa l-oriġinalità assoluta ta’ dak li hu l-esseri uman maskil-femminil: bħala bniedem, jiġifieri, ukoll permezz ta’ ġismu. Skont kif niskopruha fit-test bibliku kkwotat, l-esperjenza umana tal-ġisem tinstab ċertament fuq l-għatba tal-esperjenza “storika” kollha suċċessiva tiegħu.  Madankollu, hi donnha li tistrieħ ukoll fuq ċerta profondità onkoloġika li l-bniedem ma jindunax biha fil-ħajja tiegħu ta’ kuljum. Dan hu hekk anke jekk, fl-istess ħin u b’ċertu mod, hu jassumiha u jaċċettaha bħala parti mill-proċess ta’ formazzjoni tax-xbieha tiegħu stess.

Is-sinifikat tal-għera oriġinarja

2. Mingħajr din ir-riflessjoni introduttiva, kien ikun impossibbli niddefinixxu s-sinifikat tal-għera oriġinarja u naffrontaw l-analiżi ta’ Ġenesi 2:25, li tgħid hekk: “U t-tnejn kienu għarwiena, ir-raġel u martu, u ma kinux jistħu minn xulxin”. Mal-ewwel daqqa t’għajn, l-introduzzjoni ta’ dan id-dettal, li donnu sekondarju fir-rakkont Jaħwista tal-ħolqien tal-bniedem, tistà tidher xi ħaġa mhix addattata u barra minn postha.  Wieħed għandu mnejn jaħseb li s-silta kkwotata ma taqbel xejn ma dak li jitkellmu dwaru l-versi li jiġu qabel u li, f’ċertu sens, tmur lil hinn mill-kuntest.  Madankollu, wara analiżi aktar fil-fond, dan il-ġudizzju ma jreġix. Fil-fatt, Ġenesi 2:25 jippreżenta wieħed mill-elementi ewlenin tar-rivelazzjoni oriġinaja. Din is-silta hija determinanti daqs it-testi l-oħra tal-Ġenesi (Ġen 2:20 u 2:23), li diġà ppermettewlna niddefinixxu s-sinifikat tas-solitudni oriġinarja u tal-għaqda oriġinarja tal-bniedem. Ma dawn jiżdied, bħala t-tielet element, is-sinifikat tal-għera oriġinarja, enfasizzata b’mod ċar fil-kuntest.  Fl-ewwel abbozz bibliku tal-antropoloġija, dan mhux xi ħaġa aċċidentali. Għall-kuntrarju, dan huwa proprju l-muftieħ għall-fehim sħiħ u komplut tiegħu.

L-esperjenza reċiproka tal-ġisem

3. Huwa evidenti li proprju dan l-element tat-test bibliku antik jagħti kontribut speċifiku lit-teoloġija tal-ġisem, u dan il-kontribut ma jistax jiġi injorat.  Aktar analiżi jikkonfermawlna dan.  Imma qabel ma nidħlu għalihom, ippermettuli nosserva li proprju t-test ta’ Ġenesi 2:25 jesiġi li norbtu r-riflessjonijiet dwar it-teoloġija tal-ġisem mad-dimensjoni tas-suġġettività personali tal-bniedem.  Huwa f’dan tal-aħħar, infatti, li jiżviluppa l-għarfien tas-sinifikat tal-ġisem. Ġenesi 2:25 jitkellem dwaru b’mod ferm iktar dirett minn kwalunkwè parti oħra ta’ dak it-test Jaħwista, li diġà ddefinejna bħala l-ewwel reġistrazzjoni tal-għarfien uman.

Is-sentenza, li skont hi l-ewwel bnedmin, raġel u mara, “kienu għarwena” u madankollu “ma kinux jistħu minn xulxin”, tiddeskrivi bla ebda dubju ta’ xejn l-istat ta’ għarfien tagħhom, anzi, l-esperjenza reċiproka tagħhom tal-ġisem.  Tiddeskrivi l-esperjenza min-naħa tar-raġel tal-femminilità li tirrivela ruħha fl-għera tal-ġisem u, b’mod reċiproku, l-esperjenza simili tal-maskilità min-naħa tal-mara.  Bil-kelmiet “ma kinux jistħu minn xulxin”, l-awtur ifittex li jiddeskrivi din l-esperjenza reċiproka tal-ġisem bl-ikbar preċiżjoni possibbli għalih.

Nistgħu ngħidu li din it-tip ta’ preċiżjoni tirrifletti esperjenza bażika tal-bniedem fis-sens “komuni” u pri-xjentifiku. Imma hija tikkorrispondi wkoll għall-esiġenzi tal-antropoloġija u, b’mod partikolari, għall-antripoloġija kontemporanja li tħobb tirreferi għall-hekk imsejħa esperjenzi fundamentali, bħalma hi “l-esperjenza tal-pudur”[i].

Il-ksur tal-ewwel patt

4. Filwaqt li nirreferu hawn għall-preċiżjoni tar-rakkont, skont kemm kien possibbli għall-awtur tat-test Jaħwista, aħna naslu biex nikkunsidraw il-gradi ta’ esperjenza tal-bniedem “storiku” mgħobbi bil-wirt tad-dnub.  Madankollu, dawn il-gradi, b’mod metodiku, jibdew preċiżament mill-istat ta’ innoċenza oriġinarja. Diġà osservajna qabel li, meta rrefera “għall-bidu” (li aħna ssottomettejna hawnhekk għal analiżi kontestwali suċċessivi), Kristu stabbilixxa b’mod indirett l-idea ta’ kontinwità u r-rabta bejn dawk iż-żewġ stati. Dan bħallikieku jippermettilna nimxu lura mill-għatba tal-ħtija “storika” tal-bniedem sa ma naslu għall-innoċenza oriġinarja tiegħu.  Ġenesi 2:25 jesiġi, b’mod partikulari li dik l-għatba għandha tinqabeż.  

Huwa faċli li wieħed josserva kif din is-silta, flimkien mat-tifsira tal-għera oriġinali inerenti fiha, issib postha fl-isfond kontestwali tar-rakkont Jaħwista. Infatti, ftit versi wara, l-istess awtur jikteb:  “U infetħu għajnejhom it-tnejn u ntebħu li kienu għarwiena, u ħietu weraq tat-tin u għamlu iħżma.” (Ġen 3:7).  Il-verb “intebħu” jindika waqt ġdid u sitwazzjoni ġdida li jsegwu l-ksur tal-ewwel patt.   Din is-sitwazzjoni ssegwi l-falliment tal-prova marbuta mas-siġra tal-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin.  Fl-istess ħin din il-prova kienet tikkostitwixxi l-ewwel prova ta’ “ubbidjenza”, jiġifieri tas-smigħ tal-Kelma fil-verità kollha tagħha u ta’ aċċettazzjoni tal-Imħabba, skont il-milja tal-esiġenzi tar-Rieda ħallieqa. Dan il-waqt ġdid jew din is-sitwazzjoni ġdida tinvolvi wkoll kontenut ġdid u kwalità ġdida tal-esperjenza tal-ġisem, hekk li ma jkunx jistà jintqal iktar: “kienu għarwiena … u ma kinux jistħu minn xulxin”. Hawnhekk, mela, il-mistħija hija esperjenza li mhux biss oriġinarja, imma hi waħda “tal-konfini”.

Il-bidla radikali tat-tifsira tal-għera oriġinarja

5. Hija sinifikattiva, għalhekk, id-differenza ta’ formulazzjonijiet, li tifred Ġenesi 2:25 minn Ġenesi 3:7.  Fl-ewwel każ, “kienu għarwiena … u ma kinux jistħu minn xulxin”; fit-tieni każ “intebħu li kienu għarwiena”.  B’dan l-awtur irid forsi jgħid li għall-ewwel “ma kinux indunaw li kienu għarwiena?”, li ma kinux jafu u ma kinux jaraw, b’mod reċiproku, l-għera ta’ ġisimhom? Il-bidla sinifikattiva mwassla lilna mit-test bibliku dwar l-esperjenza tal-mistħija (li dwarha jitkellem mill-ġdid il-Ġenesi, b’mod partikulari f’Ġen 3:10-12), isseħħ f’livell iktar profond mill-użu pur u sempliċi tas-sens tal-ħars.

Analiżi komparattiva bejn Ġenesi 2:25 u Ġenesi 3 bilfors twassal għall-konklużjoni li hawn din mhix kustjoni ta’ mogħdija minn “ma jafux” għal “jafu”, imma tinvolvi bidla radikali tat-tifsira tal-għera oriġinarja tal-mara quddiem ir-raġel u tar-raġel quddiem il-mara. Din toħroġ mill-kuxjenza tagħhom, bħala frotta tas-siġra tal-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin: “Min qallek li int għarwien? Jaqaw kilt mis-siġra li jien ordnajtlek li ma tikolx minnha?” (Ġen 3:11).

Din il-bidla għandha x’taqsam b’mod dirett mal-esperjenza tat-tifsira tal-ġisem tal-bniedem quddiem il-Ħallieq u quddiem il-ħlejjaq. Dan hu kkonfermat wara kliem ir-raġel: “Smajt ħossok fil-ġnien u bżajt għax jien għarwien, u nħbejt” (Ġen 3,10).  Imma dik il-bidla, li t-test Jaħwista jippreżenta b’mod hekk konċiż u drammatiku, tikkonċerna b’mod dirett, – forsi bl-iktar mod dirett possibbli – ir-relazzjoni raġel-mara, femminilità-maskilità.

6. Irridu nerġgħu lura mill-ġdid għall-analiżi ta’ din it-trasformazzjoni f’partijiet oħra tar-riflessjonijiet aktar profondi tagħna.  Issa, li wasalna f’dak il-punt li jaqsam l-isfera tal-“bidu” li għaliha alluda Kristu, hemm bżonn li nistaqsu lilna nfusna jekk hux possibbli li nibnu mill-ġdid, b’xi mod, is-sinifikat oriġinali tal-għera, li fil-Ktieb tal-Ġenesi jikkostitwixxi l-kuntest immedjat tad-duttrina dwar l-għaqda umana bħala raġel u mara.  Dan jidher possibbli, kemm-il darba nassumu bħala punt ta’ riferiment l-esperjenza tal-mistħija bħalma hi ppreżentata fit-test bibliku antik bħala esperjenza “liminali”.

Nippruvaw nagħmlu din ir-rikostruzzjoni fil- meditazzjonijiet tagħna li jmiss.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Rivedut minn Carm C. Cachia

Tista’ ssib it-test oriġinali bit-Taljan mis-sit tas-Santa Sede … http://www.vatican.va/holy_father/john_paul_ii/audiences/index_it.htm


[i] Ara, pereżempju: M. Scheler, Über Scham und Schamgefühl, Halle 1914; Fr. Sawicki, Fenomenologia del pudore, Krakóvja 1949; u wkoll K. Wojtyla, Amore e responsabilità, Ruma 1978, II ed., pp. 161-178.

%d bloggers like this: