12. Milja personalizzata tal-innoċenza oriġinali

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali – 19/12/1979.

1. X’inhi l-mistħija u kif nistgħu nispjegaw in-nuqqas tagħha fl-istat tal-innoċenza oriġinali fil-profondità tal-misteru tal-ħolqien tal-bniedem bħala maskil u femminil?

Mill-analiżi kontemporanji tal-mistħija – u b’mod partikulari tal-pudur sesswali – nistgħu niddeduċu l-kumplessità ta’ din l-esperjenza fundamentali li fiha l-bniedem jesprimi ruħu bħala persuna skont l-istruttura speċifika tiegħu.  Fl-esperjenza tal-pudur, l-esseri uman jesperjenza l-biża’ fil-konfront tat-“tieni jien” tiegħu (pereżempju, il-mara quddiem ir-raġel).  Sostanzjalment dan hu biża’ mill-“jien” tiegħu stess.  Mal-pudur, l-esseri uman jimmanifesta kważi “b’mod istintiv” il-bżonn tal-affermazzjoni u tal-aċċettazzjoni ta’ dan il-“jien”, skont il-valur ġust tiegħu. Jesperjenzah fl-istess ħin kemm ġewwa fih innifsu, kif ukoll minn barra, quddiem il-“jien l-ieħor”.  Wieħed allura jistà jgħid li l-pudur huwa esperjenza kumplessa wkoll fis-sens li, waqt li kważi jbiegħed esseri uman minn ieħor (il-mara mir-raġel), huwa jfittex fl-istess ħin li jressaqhom personalment lejn xulxin, waqt li joħolqilhom bażi u livell addattati biex jagħmel hekk.

Għall-istess raġuni, huwa għandu sinifikat fundamentali f’dik li hi formazzjoni tal- ethos fil-konvivenza umana u, b’mod partikulari, fir-realazzjoni raġel-mara.  L-analiżi tal-pudur tindika b’mod ċar kemm l-għeruq tiegħu huma profondi appuntu fir-relazzjonijiet reċiproċi; kemm jesprimi b’mod preċiż ir-regoli essenzjali għall-“komunjoni tal-persuni” u, l-istess, kemm imiss b’mod profond id-dimensjoni tas-“solitudni” oriġinali tal-bniedem.  Id-dehra tal-“mistħija” fir-rakkont bibliku li jiġi wara f’kapitlu 3 tal-Ġenesi, għandu sinifikat pluridimensjonali u tajjeb li nergġħu naqbdu l-analiżi meta jasal il-waqt.

Mill-banda l-oħra, xi jfisser in-nuqqas oriġinali tiegħu f’Ġenesi 2:25: “Kienu għawiena … u ma kinux jistħu minn xulxin”?

Analoġiji li jiżgwidaw

2. Hemm bżonn li nistabbilixxu, qabel xejn, li hawn għandna, non-preżenza reali tal-mistħija u mhux nuqqas jew sottożvilupp tagħha.  Hawn ma nistgħu bl-ebda mod insostnu xi “primitivizzazzjoni” tas-sinifikat tagħha.  Mela, it-test ta’ Ġenesi 2:25 mhux biss jeskludi b’mod deċiżiv il-possibbiltà li naħsbu dwar “nuqqas ta’ mistħija” jew, biex inkunu eżatti, nuqqas ta’ modestja.  Aktar minn hekk, dan jeskludi l-possibbiltà li tiġi spjegata permezz ta’ analoġija ma’ xi esperjenzi umani pożittivi, bħal ngħidu aħna dawk tat-tfulija jew dawk tal-ħajja tal-hekk imsejħa popli primittivi. Analoġiji bħal dawn mhux biss mhumiex suffiċjenti, imma jistgħu saħansitra jiżgwidaw. Il-kelmiet ta’ Ġenesi 2:25, “ma kinux jistħu minn xulxin”, ma jesprimux nuqqas, imma, għall-kuntrarju, iservu biex jindikaw milja partikulari ta’ għarfien u ta’ esperjenza.  Fuq kollox huma jindikaw għarfien sħiħ tas-sinifikat tal-ġisem, marbuta mal-fatt li “kienu għarwiena”.

Il-kontinwazzjoni tat-test Jaħwista tixhed li dan hu kif it-test ikkwotat għandu jinftihem u jiġi interpretat.  Fih, id-dehra tal-mistħija, u b’mod partikulari tal-pudur, hi marbuta mat-telfa tal-milja oriġinali.  Mela, filwaqt li nassumu l-esperjenza tal-pudur bħala esperjenza “ta’ konfini”, irridu nistaqsu lilna nfusna għal xiex tikkorrispondi t-tifsira tal-għera oriġinali li Ġenesi 2:25 jitkellem dwarha.  Għal liema milja ta’ għarfien u ta’ esperjenza, u b’mod partikulari għal liema fehim sħiħ tat-tifsira tal-ġisem, jikkorrispondi  s-sinifikat tal-għera oriġinali.

Il-milja tal-għarfien

3. Biex inwieġbu għal din il-mistoqsija, hemm bżonn li nżommu f’moħħna l-proċess analitiku miżmum s’issa, li għandu l-bażi tiegħu fir-rakkont Jaħwista kollu kemm hu. F’dan il-kuntest, is-solitudni oriġinarja tal-bniedem intweriet bħala “non-identifikazzjoni” tal-umanità tiegħu mad-dinja tal-ħlejjaq ħajjin ta’ madwaru (“animalia”).

Din in-“non-identifikazzjoni”, li ġiet wara l-ħolqien tal-bniedem bħala maskil u femminil, fetħet it-triq għall-iskoperta hienja tal-umanità tal-ħlejqa umana innifisha “bl-għajnuna” tal-ħlejqa umana l-oħra.  Hekk ir-raġel jagħraf u jsib mill-ġdid l-umanità tiegħu “bl-għajnuna” tal-mara (ara: Ġen 2:25).  Fl-istess ħin, dan l-att tagħhom irrealizza perċezzjoni tad-dinja li seħħet b’mod dirett permezz tal-ġisem (“laħam minn laħmi”).  Kien is-sors dirett u viżibbli ta’ din l-esperjenza li wasal biex sabbilixxa l-għaqda tagħhom fl-umanità.  Faċli li wieħed jifhem, għalhekk, li l-għera tikkorrispondi għal dik il-milja tal-għarfien tas-sinifikat tal-ġisem, li ġejja mill-perċezzjoni tipika tas-sensi.  

Wieħed jistà jaħseb dwar din il-milja f’kategoriji ta’ verità tal-eżistenza jew tar-realtà, u wieħed jistà jgħid li r-raġel u l-mara kienu oriġinarjament mogħtija lil xulxin preċiżament skont din il-verità, billi “kienu għarwenin”.   Fl-analiżi tas-sinifikat tal-għera oriġinarja, din id-dimensjoni ma tistax assolutament tiġi injorata.

Din il-parteċipazzjoni fil-perċezzjoni tad-dinja – fl-aspett “estern” tagħhahuwa fatt dirett u kważi spontanju.  Tiġi qabel kwalunkwè komplikazzjoni “kritika” tal-għarfien u tal-esperjenza umana u tidher bħala marbuta mill-qrib mal-esperjenza tat-tifsira tal-ġisem uman. L-innoċenza oriġinali tal-“għarfien” wieħed diġà jistà jikkonsidraha b’dan il-mod.

Is-sinifikat tal-komunikazzjoni

4. Madankollu, mhux possibbli niddeterminaw is-sinifikat tal-għera oriġinarja billi nikkunsidraw biss il-parteċipazzjoni tal-bniedem fil-perċezzjoni esterna tad-dinja.  Mhux possibbli nistabbilixxu dan mingħajr ma ninżlu fl-intimu tal-bniedem. Ġenesi 2:25 jintroduċina speċifikament għal dan il-livell u jrid li hemm aħna nfittxu l-innoċenza oriġinali tal-għarfien.  Infatti, huwa bid-dimensjoni tal-interjorità umana li hemm bżonn nispjegaw u nkejlu dik il-milja partikulari tal-komunikazzjoni interpersonali li bis-saħħa tagħha r-raġel u l-mara “kienu għarwiena u ma kinux jistħu minn xulxin”.

Fil-lingwaġġ konvenzjonali tagħna, il-kunċett ta’ “komunikazzjoni” prattikament ġie aljenat mill-matriċi semantika oriġinali l-iktar profonda tiegħu.  Huwa marbut fuq kollox mal-isfera tal-midja, jiġifieri, fil-parti l-kbira, mal-prodotti li jservu għall-fehim, il-bdil, l-avviċinament.  Mill-banda l-oħra huwa leċitu li nissopponu li, fis-sinifikat oriġinali u iktar profond tiegħu, il-“komunikazzjoni” kienet u għadha direttament marbuta ma’ suġġetti.  Dawn “jikkomunikaw” preċiżament skont l-“unjoni komuni” li teżisti bejniethom, kemm biex jilħqu kif ukoll biex jesprimu realtà li hija partikulari u rilevanti biss għall-isfera tas-suġġetti-persuni.

B’dan il-mod, il-ġisem uman jikseb sinifikat għal kollox ġdid, sinifikat li ma jistax jitpoġġa fuq il-pjan tal-bqija tal-intuwizzjoni “esterna” tad-dinja.  Infatti, dan jesprimi l-persuna fil-konkretezza ontoloġika u essenzjali tagħha, li hija xi ħaġa iktar mill-“individwu”.  Allura l-ġisem jesprimi l-“jien” personali uman, li jieħu l-perċezzjoni “esterna” tiegħu minn ġewwa.

Il-viżjoni tal-bniedem dwar Alla

5. Ir-rakkont bibliku kollu, b’mod partikulari t-test Jaħwista, juri li l-ġisem, permezz tad-dehra tiegħu, jimmanifesta l-bniedem u, waqt li jimmanifestah, jagħmilha ta’ intermedjarju, jiġifieri jippermetti li r-raġel u l-mara sa mill-bidu “jikkomunikaw” bejniethom skont dik il-“communio personarum” mixtieqa mill-Ħallieq proprju għalihom.  Mid-dehra din id-dimensjoni biss tippermettilna li nifhmu b’mod xieraq is-sinifikat tal-għera oriġinarja.  Għal dan il-għan, kwalunkwè kriterju “naturalistiku” huwa ddestinat li jfalli waqt li, għall-kuntrarj, il-kriterju “personalistiku” jistà jkun ta’ għajnuna kbira.  Ġenesi 2:25 bla dubju jitkellem dwar xi ħaġa straordinarja, li tinsab ’il barra mil-limiti tal-pudur magħruf permezz tal-esperjenza umana.  Fl-istess ħin hu jiddeċiedi l-milja partikulari tal-komunikazzjoni interpersonali, li għandha għeruqha fil-qalb stess ta’ dak il- “communio”, li hekk tiġi rrivelata u żviluppata.  F’din ir-relazzjoni, il-kliem “ma kinux jistħu minn xulxin” jistgħu jfissru biss “in sensu obliquo” profondità oriġinali fl-affermazzjoni ta’ dak li huwa inerenti fil-persuna, dak li hu “viżibilment” femminil u maskili, li permezz tiegħu hija msawra l-“intimità personali” tal-komunikazzjoni reċiproka fis-sempliċità u safa radikali kollha tagħha. Għal din il-milja ta’ perċezzjoni “esterna”, espressa permezz tal-għera fiżika, tikkorrispondi l-milja “interna” tal-viżjoni tal-bniedem dwar Alla, jiġifieri skont il-qies tax-xbieha t’Alla” (ara: Ġen 1:17).  Skont dan il-qies, il-bniedem “huwa” tassew għarwien (“kienu għarwenin” [Ġen 2:25]),[1] saħansitra qabel stess ma nduna (ara: Ġen 3:7-10).

Hemm bżonn li ntemmu l-analiżi ta’ dan it-test hekk importanti matul il-meditazzjonijiet li jmiss.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Rivedut minn Carm C. Cachia

Tista’ ssib it-test oriġinali bit-Taljan mis-sit tas-Santa Sede … http://www.vatican.va/holy_father/john_paul_ii/audiences/index_it.htm


[1] Skont il-kliem tal-Iskrittura Mqaddsa, Alla jaf x’hemm fil-ħlejqa, li hi kompletament “għarwiena” quddiemu.  “Xejn ma kien fil-ħolqien li hu moħbi għalih, imma kollox hu miftuħ (panta gymn) għal għajnejn Alla, li lilu rridu nagħtu kont.” (Lhud 4:13).  Din il-karatteristika hija proprjeta b’mod partikulari tal-Għerf divin: “L-Għerf …. minħabba s-safa tiegħu jidħol f’kollox u jinfirex ma’ kullimkien” (Għerf 7:24)

%d bloggers like this: